Kif jaħdem il-programm tal-BĊE għax-xiri ta’ assi?
22 ta’ Jannar 2016 (aġġornat fl-20 ta’ Mejju 2025)
X’inhu l-iskop tal-programm ta’ xiri ta’ assi?
Fi żminijiet normali tal-ekonomija, il-BĊE jiggwida kundizzjonijiet finanzjarji iżjed ġenerali u, eventwalment, l-iżviluppi makroekonomiċi u l-inflazzjoni billi jistabbilixxi r-rati tal-imgħax ewlenin għal żmien qasir. Madankollu, bħala riżultat tal-kriżi finanzjarja globali fl-2008 u l-bidliet fil-mod kif taħdem l-ekonomija tagħna, ir-rati tal-imgħax ewlenin waslu qrib il-limitu inferjuri effettiv tagħhom – il-punt li fih it-tnaqqis ulterjuri tagħhom ftit li xejn ikollu effett. Għalhekk il-BĊE irrikorra għal miżuri oħrajn biex jindirizza r-riskju li l-inflazzjoni tista’ tkun baxxa wisq għal żmien twil wisq, u biex l-inflazzjoni terġa’ lura għall-mira tal-Kunsill Governattiv ta’ 2 % fuq żmien medju. Il-programm tax-xiri ta’ assi (APP) huwa wieħed mill-għodod li l-BĊE jista’ juża sabiex jinkiseb dan. Ix-xiri nett taħt l-APP intemm f’Lulju 2022 filwaqt li l-pagamenti prinċipali minn titoli li jimmaturaw mixtrija taħtu komplew jiġu investiti mill-ġdid bis-sħiħ sa Frar 2023, b’investimenti mill-ġdid parzjali wara, sa Ġunju 2023. Minn Lulju 2023, ma sar l-ebda investiment mill-ġdid taħt l-APP. Għal aktar informazzjoni jekk jogħġbok ara l-paġna ddedikata tal-APP.
Kif jaħdem l-APP?
Il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali xtraw firxa ta’ assi taħt l-APP, inklużi bonds tal-gvern, titoli maħruġin minn istituzzjonijiet sovranazzjonali Ewropej, bonds korporattivi, titoli ggarantiti minn assi u bonds koperti. Dan ix-xiri jinfluwenza l-kundizzjonijiet finanzjarji iżjed ġenerali u, eventwalment, it-tkabbir ekonomiku u l-inflazzjoni bi tliet mezzi ewlenin:
Trażmissjoni diretta
Meta l-BĊE jixtri assi mis-settur privat, bħal titoli koperti b’assi u bonds garantiti, li jkunu marbutin mas-self li l-banek jagħtu lill-unitajiet domestiċi u n-negozji fl-ekonomija reali, iż-żieda fid-domanda għal dawn l-assi tgħolli l-prezzijiet tagħhom. B’hekk il-banek jitħajru joħorġu iżjed self, li mbagħad jistgħu jużaw biex joħolqu u jbigħu iżjed titoli koperti b’assi jew bonds garantiti. Iż-żieda fil-provvista tas-self għandha t-tendenza li tbaxxi r-rati tas-self bankarju għan-negozji u l-unitajiet domestiċi, u b’hekk ittejjeb il-kundizzjonijiet finanzjarji ġenerali.
Bilanċjar tal-portafolli
Il-BĊE xtara assi mis-settur privat u mis-settur pubbliku minn investituri bħal fondi tal-pensjoni, banek u individwi. Dawn l-investituri jistgħu jagħżlu li jiġbru l-fondi li jirċievu bi skambju mal-assi li jkunu biegħu lill-BĊE u jinvestuhom f’assi oħra. Billi tiżdied id-domanda għall-assi b’mod ġenerali, ir-ribilanċjament tal-portafolli jgħolli l-prezzijiet u jbaxxi r-redditi, anki għal assi li ma jkunux fil-mira diretta tal-APP. Dan iwassal għal tnaqqis fl-ispejjeż (ir-rata tal-imgħax effettiva tas-suq) għan-negozji li jkunu qegħdin ifittxu li jiksbu finanzjament fis-swieq tal-kapital. Fl-istess ħin, anqas redditi fuq it-titoli jħeġġeġ lill-banek isellfu lin-negozji u lill-unitajiet domestiċi. Iktar self bankarju lill-ekonomija reali x’aktarx li jbaxxi l-ispejjeż tas-self għall-unitajiet domestiċi u n-negozji. Jekk, min-naħa l-oħra, l-investituri jużaw il-fondi żejda biex jixtru assi b’redditu ogħla barra ż-żona tal-euro, dan jista’ jbaxxi r-rata tal-kambju tal-euro, b’tendenza li togħla l-inflazzjoni.
Kemm it-trażmissjoni diretta kif ukoll l-ibbilanċjar tal-portafolli jtejbu l-kundizzjonijiet finanzjarji ġenerali għall-unitajiet domestiċi u n-negozji fiż-żona tal-euro. Ix-xiri ta’ assi jista’ jistimola l-investiment u l-konsum billi jitnaqsu l-ispejjeż tal-finanzjament. Fi żminijiet meta l-inflazzjoni hija baxxa wisq, id-domanda aktar dinamika kemm min-negozji kif ukoll mill-konsumaturi eventwalment tikkontribwixxi biex l-inflazzjoni terġa’ lura għal 2% fuq żmien medju.
Effett indikattiv
F’perjodi meta l-inflazzjoni tkun baxxa wisq għal żmien twil wisq, ix-xiri ta’ assi jibgħat ukoll sinjal li l-bank ċentrali se jżomm ir-rati tal-imgħax ewlenin baxxi għal perjodu estiż ta’ żmien. Dan inaqqas il-volatilità u l-inċertezza fis-suq fir-rigward tal-iżviluppi futuri fir-rati tal-imgħax, li jiffaċilita d-deċiżjonijiet ta’ investiment meħuda min-negozji u l-unitajiet domestiċi. Ir-rati tal-imgħax imposti fuq self fit-tul jibqgħu iżjed baxxi billi l-banek jantiċipaw perjodu itwal ta’ rati tal-imgħax baxxi.