Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

X'inhi skema ta' garanzija tad-depożiti?

11 ta' April 2018

Flus li jinżammu f'bank, pereżempju f'kont ta' tfaddil, jissejħu depożitu. Il-mudell tan-negozju tal-biċċa l-kbira tal-banek hu li jsellfu dawn il-flus lil klijenti oħra, u jżommu biss parti minnhom disponibbli għal persuni li jkunu jixtiequ jirtiraw xi flus. Biex jiżguraw li parti kbira ta' dawn id-depożiti tkun sigura anke jekk bank ifalli, il-banek jagħmlu pagamenti f'fond ta' assigurazzjoni magħruf bħala skema ta' garanzija tad-depożiti. Dan hu importanti biex tinżamm il-fiduċja fis-sistema bankarja u biex in-nies ma jitħajrux kollha kemm huma li jirtiraw it-tfaddil tagħhom fl-istess ħin fi żminijiet ta' stress.

Kif tiffunzjona l-assigurazzjoni tad-depożiti?

S'issa, l-iskemi ta' garanzija tad-depożiti fl-Ewropa jiġu organizzati fil-livell nazzjonali, għalkemm sar qbil dwar ċerti standards minimi fil-livell tal-UE. Skont ir-regoli tal-UE, €100,000 għal kull depożitant huma garantiti permezz ta' dawn l-iskemi. Xi Stati Membri għandhom diversi skemi, organizzati minn gruppi bankarji differenti, bħal banek tat-tfaddil, banek kooperattivi, banek tas-settur pubbliku jew banek privati.

Jekk skema ta' garanzija tad-depożiti nazzjonali partikolari ma tistax tkopri telf ta' depożitanti f'każ ta' falliment kbir tal-bank, il-kontribwenti jista' jkollhom ikopru n-nuqqas, li min-naħa tiegħu jista' jagħmel ħsara lill-finanzi pubbliċi ta' dak il-pajjiż. Il-kriżi finanzjarja wriet li l-problemi bankarji ma jieqfux fil-fruntieri nazzjonali.

L-Ewropa x'tagħmel?

Ir-reazzjoni tal-Ewropa għall-kriżi finanzjarja kienet li tersaq aktar qrib flimkien biex tħares lill-kontribwenti u tipproteġi lid-depożitanti. Bħala parti mill-unjoni bankarja, il-banek il-kbar li flimkien għandhom aktar minn 80% tal-assi bankarji kollha fiż-żona tal-euro issa huma sorveljati bl-istess mod fiż-żona tal-euro kollha permezz tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku, li jikkonsisti mill-BĊE u superviżuri nazzjonali. Il-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni jamministra r-riżoluzzjoni tagħhom, jiġifieri l-proċess ta' ristrutturar ordinat meta bank ikun qed ifalli jew x'aktarx li jfalli.

Il-mexxejja Ewropej qed jiddiskutu kif protezzjoni aqwa u aktar konsistenti tad-depożitanti individwali tista' tiffunzjona fuq livell Ewropew. Din hi l-aħħar parti tal-unjoni bankarja li għad jonqos.

Skema Ewropea ta' assigurazzjoni tad-depożiti tkun mod kif jiġu mħarsa d-depożitanti irrispettivament minn fejn ikunu. L-għaqda tar-riżorsi tista' tagħmilha aktar faċli biex jiġu maniġġati skossi kbar u kriżijiet finanzjarji sistemiċi li jkunu kbar wisq għall-kapaċitajiet nazzjonali mingħajr ma jkun meħtieġ li jintużaw flus pubbliċi. Din l-iskema tista' ddgħajjef ukoll ir-rabta bejn il-banek u l-gvernijiet nazzjonali rispettivi tagħhom billi l-banek ikunu inqas dipendenti fuq il-flus pubbliċi fi żminijiet ta' kriżi.

Kif tista' tiffunzjona skema Ewropea ta' assigurazzjoni tad-depożiti?

Il-Kummissjoni Ewropea pproponiet li skema Ewropea għandha tiġi introdotta fi stadji. Jistgħu jgħaddu wkoll bosta snin biex il-banek jibnu fond ta' assigurazzjoni tad-depożiti b'daqs ta' 0.8% tad-depożiti koperti. Dan id-daqs jikkorrispondi għal madwar €43 biljun abbażi ta' dejta tal-2011. Ir-riċerka turi li fond ta' dan id-daqs għandu jkun biżżejjed biex ikopri l-pagamenti meħtieġa anke fi kriżijiet aktar severi mill-kriżi finanzjarja globali ta' Settembru 2007. Skont il-proposti attwali, il-kontribuzzjonijiet tal-banek għall-fond ta' assigurazzjoni tad-depożiti jistgħu jiddependu mir-riskji li jieħdu meta mqabbla ma' banek oħra fl-unjoni bankarja, aktar milli ma' banek oħra fl-istess Stat Membru.