Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
  • STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Deċiżjonijiet tal-politika monetarja

25 ta' Jannar 2024

Il-Kunsill Governattiv illum iddeċieda li jżomm l-istess it-tliet rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE. L-informazzjoni li qed tasal ikkonfermat b’mod estensiv il-valutazzjoni preċedenti tiegħu tal-perspettiva tal-inflazzjoni fuq żmien medju. Minbarra l-effett bażi ’l fuq relatat mal-enerġija fuq l-inflazzjoni globali, it-tendenza ta’ tnaqqis fl-inflazzjoni sottostanti kompliet, u ż-żidiet fl-imgħoddi fir-rati tal-imgħax ikomplu jiġu trażmessi bis-saħħa fil-kundizzjonijiet tal-finanzjament. Il-kundizzjonijiet ta’ finanzjament issikkati qegħdin inaqqsu d-domanda, u dan qiegħed jgħin biex titnaqqas l-inflazzjoni.

Il-Kunsill Governattiv huwa determinat li jiżgura li l-inflazzjoni terġa’ lura għall-mira tiegħu ta’ 2 % fuq żmien medju fil-ħin. Abbażi tal-valutazzjoni attwali tiegħu, il-Kunsill Governattiv jikkunsidra li r-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE jinsabu f’livelli li, meta jinżammu għal żmien twil biżżejjed, se jagħtu kontribut sostanzjali lejn dan il-għan. Id-deċiżjonijiet futuri tal-Kunsill Governattiv se jiżguraw li r-rati tal-politika tiegħu jiġu ffissati f’livelli restrittivi biżżejjed għal kemm ikun meħtieġ.

Il-Kunsill Governattiv se jkompli jsegwi approċċ dipendenti fuq id-data sabiex jiddetermina l-livell xieraq u t-tul tar-restrizzjoni. B’mod partikolari, id-deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv dwar ir-rata tal-imgħax se jkunu bbażati fuq il-valutazzjoni tagħna tal-prospetti tal-inflazzjoni fid-dawl tad-data ekonomika u finanzjarja li ġejja, id-dinamika tal-inflazzjoni sottostanti, u s-saħħa tat-trażmissjoni tal-politika monetarja.

Rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE

Ir-rata tal-imgħax fuq l-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament u r-rati tal-imgħax fuq il-faċilità ta’ self marġinali u l-faċilità tad-depożitu se jibqgħu l-istess, jiġifieri 4.50%, 4.75% u 4.00% rispettivament.

Programm ta’ xiri ta’ assi (APP) u programm ta’ xiri għall-emerġenza pandemika (PEPP)

Il-portafoll tal-APP qed jonqos b’ritmu meqjus u prevedibbli, billi l-Eurosistema mhux se terġa’ tinvesti l-ħlasijiet prinċipali kollha mit-titoli li jimmaturaw.

Il-Kunsill Governattiv beħsiebu jkompli jinvesti mill-ġdid, bis-sħiħ, il-ħlasijiet ta’ kapital minn titoli li jimmaturaw mixtrija taħt il-PEPP matul l-ewwel nofs tal-2024. Matul it-tieni nofs tas-sena, beħsiebu jnaqqas il-portafoll tal-PEPP b’€7.5 biljun fix-xahar bħala medja. Il-Kunsill Governattiv beħsiebu jwaqqaf l-investimenti mill-ġdid taħt il-PEPP fit-tmiem tal-2024.

Il-Kunsill Governattiv se jkompli japplika flessibbiltà fl-investiment mill-ġdid ta’ tifdijiet li se jsiru dovuti fil-portafoll tal-PEPP, bil-ħsieb li jiġu miġġielda r-riskji għall-mekkaniżmu ta’ trażmissjoni tal-politika monetarja relatati mal-pandemija

Operazzjonijiet ta’ rifinanzjament

Billi l-banek qed iħallsu lura l-ammonti mislufa taħt l-operazzjonijiet speċifiċi ta’ rifinanzjament għal żmien itwal, il-Kunsill Governattiv se jivvaluta regolarment kif l-operazzjonijiet ta’ self immirati u r-ripagament kontinwu tagħhom qed jikkontribwixxu għall-pożizzjoni tal-politika monetarja tiegħu.

***

Il-Kunsill Governattiv jinsab lest li jaġġusta l-istrumenti kollha tiegħu fi ħdan il-mandat tiegħu biex jiżgura li l-inflazzjoni terġa’ lura għall-mira tiegħu ta’ 2 % fuq żmien medju u biex jippreserva l-funzjonament bla xkiel tat-trażmissjoni tal-politika monetarja. Barra minn hekk, l-Istrument għall-Protezzjoni tat-Trażmissjoni huwa disponibbli biex jiġġieled id-dinamika mhux ġustifikata u diżordinata tas-suq li hija ta’ theddida serja għat-trażmissjoni tal-politika monetarja fil-pajjiżi kollha taż-żona tal-euro, biex b’hekk il-Kunsill Governattiv ikun jista’ jwettaq il-mandat tiegħu ta’ stabbiltà tal-prezzijiet b’mod aktar effettiv.

Il-President tal-BĊE se tagħti l-fehmiet tagħha fuq ir-raġunijiet li wasslu għal dawn id-deċiżjonijiet f’konferenza stampa li tibda fit-14:45 CET illum.

Għall-kliem eżatt miftiehem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja