- STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA
L-għadd ta’ karti tal-euro foloz jibqa’ baxx fl-2024
21 ta' Frar 2025
- Fl-2024, ġew irtirati 554,000 karta tal-flus falza, u dan jirrappreżenta, skont standards storiċi, proporzjon żgħir tal-karti tal-flus totali fiċ-ċirkolazzjoni
- L-€20 u l-€50 huma l-aktar denominazzjonijiet iffalsifikati, li jammontaw għal aktar minn 75% tal-karti tal-flus foloz irtirati
- Il-karti tal-flus tal-euro jibqgħu mezz ta’ ħlas sikur u fdat
- Il-karti kollha tal-euro jistgħu jiġu vverifikati bil-metodu “ħoss, ħares u mejjel”
Madwar 554,000 karta tal-euro falza tneħħew miċ-ċirkolazzjoni fl-2024. Il-probabbiltà li tirċievi flus foloz hija baxxa, peress li l-għadd ta’ flus foloz huwa baxx ħafna meta mqabbel ma’ l-għadd ta’ karti tal-flus tal-euro ġenwini fiċ-ċirkolazzjoni. Fl-2024, instabu 18-il karta tal-flus falza għal kull miljun karta tal-flus ġenwina fiċ-ċirkolazzjoni, li huwa ammont żgħir ħafna meta mqabbel mal-livelli osservati mit-tnedija tal-euro (ara ċ-ċart).
Ċart:
L-għadd ta’ karti tal-flus foloz li nstabu kull sena għal kull miljun karta tal-flus tal-euro ġenwina fiċ-ċirkolazzjoni

Għalkemm il-proporzjon huwa żgħir ħafna, l-għadd attwali ta’ karti tal-flus foloz żdied meta mqabbel mal-aħħar ftit snin, meta l-għadd ta’ karti tal-flus flus kien eċċezzjonalment baxx wara l-pandemija tal-COVID-19. Fi kwalunkwe każ, l-għadd ta’ karti tal-flus foloz jibqa’ inqas mis-snin ta’ qabel il-pandemija.
Id-denominazzjonijiet tal-EUR 20 u tal-EUR 50 baqgħu l-aktar iffalsifikati b’mod komuni, u flimkien jammontaw għal aktar minn 75 % tat-total (ara t-tabella). 97.8% tal-karti tal-flus foloz instabu f’pajjiżi taż-żona tal-euro, filwaqt li 1.3% instabu fi Stati Membri tal-UE li mhumiex fiż-żona tal-euro u 0.9% instabu f’partijiet oħra tad-dinja.
Tabella
Analiżi tal-karti tal-flus foloz skont id-denominazzjoni fl-2024
Denominazzjoni | €5 | €10 | €20 | €50 | €100 | €200 | €500 |
Perċentwal tat-total | 1.3 | 6.8 | 36.0 | 43.6 | 7.9 | 3.8 | 0.6 |
Il-pubbliku m’għandux għalfejn jitħasseb dwar il-falsifikazzjoni iżda għandu jibqa’ viġilanti. Il-biċċa l-kbira tal-flus foloz jistgħu jintgħarfu faċilment billi jew m’għandhom l-ebda karatteristika tas-sigurtà, jew huma imitazzjonijiet inferjuri ħafna tal-karatteristiċi eżistenti. Il-karti tal-flus jistgħu jiġu vverifikati permezz tal-metodu sempliċi “ħoss, ħares u mejjel” deskritt fis-sit web dedikat tagħna dwar il-karatteristiċi ta’ sigurtà u fis-siti web tal-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro. L-Eurosistema tgħin ukoll lill-kaxxiera professjonali biex jiżguraw li l-magni għall-immaniġġjar u l-ipproċessar tal-karti tal-flus li jkunu ġew ittestjati b’suċċess jistgħu jidentifikawhom b'mod affidabbli u jneħħuhom miċ-ċirkolazzjoni.
Jekk tirċievi karta tal-flus suspettuża, qabbilha ġenb ma’ ġenb ma’ waħda li taf li hi ġenwina. Jekk is-suspetti tiegħek jiġu kkonfermati, jekk jogħġbok ikkuntattja lill-pulizija jew – skont il-prattika nazzjonali –- lill-bank ċentrali nazzjonali tiegħek jew lill-bank tal-konsumatur jew kummerċjali tiegħek. L-Eurosistema tappoġġa b’mod attiv lill-aġenziji tal-infurzar tal-liġi fil-ġlieda tagħhom kontra l-falsifikazzjoni tal-flus.
Għal mistoqsijiet min-naħa tal-midja, jekk jogħġobkom ikkuntattjaw lil Nicos Keranis, tel.: +49 172 758 7237.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja