Il-BĊE jilqa’ d-djalogu mal-NGOs fuq it-trasparenza
- Organizzazzjoni mhux governattiva tfaħħar il-BĊE għall-passi li ħa biex itejjeb it-trasparenza
- Il-BĊE jikkonferma li jżomm djaloġu bilanċjat mal-partijiet kollha interessati
- Il-BĊE huwa impenjat li jsaħħaħ il-mekkaniżmi tal-qafas tal-governanza tajba u l-integrità
Il-Bank Ċentrali Ewropew illum saħaq fuq l-impenn tiegħu għal djalogu miftuħ ma’ firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati, hekk kif organizzazzjoni mhux governattiva xandret rapport fuq il-bank ċentrali. Filwaqt li enfasizza li huwa marbut jagħti rendikont ta’ għemilu direttament lill-Parlament Ewropew, il-BĊE għen fi proġett li sar minn Transparency International EU (TI-EU) billi stieden lir-riċerkaturi tal-NGO għal sensiela ta’ laqgħat mal-kapijiet tal-istaff.
“Imġiba u governanza tajbin huma essenzjali biex tintrebaħ il-fiduċja tal-pubbliku. Huwa d-dmir tal-istituzzjonijiet Ewropej li jkompli jsaħħu l-leġittimità tagħhom billi jirrinfurzaw ir-responsabbiltà demokratika u juru li jkunu qegħdin jissodisfaw l-għanijiet li ġew fdati f’idejhom,” qal il-President tal-BĊE Mario Draghi. “Inżid ukoll li l-BĊE huwa u minn dejjem kien miftuħ għal djalogu bilanċjat mal-partijiet interessati, fosthom il-pubbliku ġenerali.”
Ir-rapport jirrikonoxxi l-mizuri reċenti li ħa l-BĊE biex ikompli jtejjeb il-mekkaniżmi tiegħu ta’ trasparenza, responsabbiltà u integrità, anki fid-dawl tar-responsabbiltajiet tiegħu fis-superviżjoni bankarja mill-aħħar tal-2014. TI-EU tfaħħar lill-BĊE talli:
- waqqaf Qafas tal-Etika li ġie mtejjeb b’mod sinifikanti
- stabbilixxa Kumitat għall-Etika ta’ livell għoli u funzjoni speċifika li tieħu ħsieb kwistjonijiet ta’ mġiba etika u governanza tajba
- ippubblika rapporti tad-diskussjonijiet interni fuq il-politika monetarja
- ippubblika d-djarji tal-membri tal-Bord Eżekuttiv u l-President tal-Bord Superviżorju
- reġa’ ppubblika dikjarazzjoni tal-prinċipji gwida tal-Bord Eżekuttiv fuq il-komunikazzjoni esterna
- għamel il-karta tal-bilanċ tal-BĊE u l-operazzjonijiet tal-politika monetarja iżjed aċċessibbli għall-pubbliku.
Ir-rapport ħeġġeġ ukoll lill-BĊE jagħmel l-almu tiegħu biex ikompli jikkomunika mal-pubbliku.
Xi rakkomandazzjonijiet li saru fir-rapport ta’ TI-EU ma jidħlux fil-mandat tal-BĊE jew mhumiex previsti fit-Trattat. Xi punti oħra diġà twettqu, bħall-pubblikazzjoni ta’ deċiżjonijiet, opinjonijiet u rakkomandazzjonijiet kif ukoll l-għoti ta’ informazzjoni fuq laqgħat ma’ rappreżentanti tal-industrija.
Għal mistoqsijiet tal-midja, il-persuna ta’ kuntatt hija Eszter Miltényi-Torstensson (+49 69 1344 8034).
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja