Il-proċess ta’ disinn mill-ġdid
F’Diċembru 2021, ħabbarna l-pjanijiet tagħna li niddisinjaw mill-ġdid il-karti tal-flus tal-euro, li huma parti mill-proċess għall-iżvilupp ta’ oħrajn ġodda. Irridu niżguraw li l-karti tal-flus jibqgħu disponibbli u aċċessibbli u jibqgħu mezz ta’ ħlas sikur u effiċjenti.
Irridu wkoll li l-karti tal-flus ikunu kemm jista’ jkun sostenibbli u jħarsu l-ambjent. Huwa għalhekk li qed inħarsu lejn l-impronta ambjentali tagħhom biex nidentifikaw opportunitajiet biex innaqqsu l-impatt ambjentali tagħhom permezz ta’ prodotti u proċessi ġodda. Il-proċess huwa wkoll opportunità biex il-karti tal-flus isiru aktar inklużivi għall-Ewropej kollha.
Il-Kunsill Governattiv se jiddeċiedi dwar tema ġdida u disinji ġodda. Se jqis l-opinjonijiet espressi mill-pubbliku fl-istħarriġ u l-pariri mill-gruppi ta’ esperti. L-għan tagħna huwa li niżguraw li t-tema u d-disinji magħżula jkunu relatabbli għall-Ewropej kollha.
Hemm żewġ stadji ewlenin fil-proċess:
- l-għażla ta’ tema futura;
- il-fażi tad-disinn inkluża l-għażla ta’ motifi possibbli u kompetizzjoni ta’ disinn
Passi ewlenin fil-proċess tad-disinn mill-ġdid

Temi u motifi
Fid-29 ta’ Novembru 2023, il-Kunsill Governattiv tal-BĊE ddeċieda li jgħaddi għall-fażi li jmiss tal-proċess ta’ disinn mill-ġdid għall-karti tal-flus tal-euro b’żewġ temi – “Kultura Ewropea” u “Xmajjar u għasafar” – u l-motifi assoċjati.
Tema: Il-kultura Ewropea
Il-wirt kulturali għani u s-setturi kreattivi u kulturali dinamiċi tal-Ewropa jsaħħu l-identità Ewropea, u jsawru sens kondiviż ta’ appartenenza. Il-kultura tippromwovi valuri komuni, inklużjoni u djalogu fl-Ewropa u madwar id-dinja. Tgħaqqad lin-nies.
L-istorja wara l-motifi: spazji kulturali kondiviżi
“Il-kultura Ewropea” tiċċelebra l-ispazji kulturali kondiviżi li sawru l-identità Ewropea matul is-sekli. Il-motifi għal din it-tema juru diversi attivitajiet u spazji kulturali, kif ukoll personalitajiet Ewropej ikoniċi li kkontribwew għall-bini tal-wirt kulturali tal-Ewropa.
Quddiem | Wara | |
€5 Arti tal-ispettaklu | Maria Callas | Nies li jagħtu spettakli fit-triq (mużika/żfin/teatru) u joffru divertiment lil dawk li jkunu għaddejjin mill-qrib |
€10 Mużika | Ludwig van Beethoven | Festival tal-kanzunetti b'kor magħmul minn tfal u żgħażagħ ikantaw |
€20 Universitajiet u skejjel | Marie Curie | Skola jew università b’għalliema mara u studenti żgħażagħ. Hemm notebooks u kotba fuq l-imwejjed |
€50 Libreriji | Miguel de Cervantes | Librerija b'xi adulti jaqraw kotba stampati u kotba diġitali. Tifel u tifla quddiem xkaffar bil-kotba li qed jippruvaw jilħqu ktieb |
€100 Mużewijiet u wirjiet | Leonardo da Vinci | Adulti u tfal jammiraw xi eżempji ta’ arti tat-triq, arti kontemporanja, eċċ. |
€200 Pjazez pubbliċi | Bertha von Suttner | Pjazza mgħottija bis-siġar li tippermetti lin-nies jiltaqgħu, b’adulti u tfal jitkellmu, jimxu, jilagħbu, eċċ. |
Tema: Xmajjar u għasafar
Ix-xmajjar u l-għasafar ma jagħrfux fruntieri, jissimbolizzaw il-libertà u l-għaqda fost l-Ewropej u l-konnessjoni tagħna man-natura. L-Ewropa għandha varjetà wiesgħa ta’ xmajjar u għasafar li jispirawna u jfakkruna fir-responsabbiltà tagħna li nħarsu l-ambjent.
L-istorja wara l-motifi: ir-reżiljenza fid-diversità
“Xmajjar u għasafar” tenfasizza r-reżiljenza u d-diversità tal-ekosistemi naturali tal-Ewropa billi turi stadji differenti ta’ xmajjar u diversi speċijiet ta’ għasafar, filwaqt li tenfasizza l-importanza tal-protezzjoni tan-natura u tal-ambjent. L-istituzzjonijiet Ewropej li jidhru fuq il-karti tal-flus ifakkruna fil-valuri fundamentali tal-proġett Ewropew, li jħaddan ukoll il-ħarsien tal-ambjent.
Quddiem | Wara | |
€5 | Ir-rebbiegħa fuq il-muntanji Pjanta tixxebblek qrib pajsaġġ fuq muntanja | Il-Parlament Ewropew |
€10 | Kaskata | Il-Kummissjoni Ewropea |
€20 | Wied magħluq miż-żewġt iġnub bi xmara fih Kolonja ta’ wikkiela tan-naħal f’ħajt tar-ramel maġenb wied kbir magħluq miż-żewġt iġnub bi xmara fih tul xatt ta’ xmara | Bank Ċentrali Ewropew |
€50 | Xmara sserrep Ċikonja ttir fuq xmara sserrep fuq wied miftuħ bi xmara fih | Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea |
€100 | Bokka ta’ xmara | Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea |
€200 | Pajsaġġ bil-baħar Sula ttir fuq mewġ kbir tal-oċean | Qorti Ewropea tal-Awdituri |
Disinni
Hekk kif issa għażlina l-motifi li juru ż-żewġ temi għall-karti tal-flus tal-euro futuri, fl-2025 se jitnieda konkors tad-disinn, miftuħ għad-disinjaturi Ewropej. Aktar informazzjoni dwar ir-rekwiżiti għall-parteċipazzjoni se tiġi ppubbikata fuq il-kanali uffiċjali tagħna. Ladarba l-Kunsill Governattiv ikun iddeċieda fuq lista qasira ta’ disinni, aħna nikkonsultaw lill-pubbliku fuq il-preferenzi tagħhom. Il-Kunsill Governattiv huwa mistenni jiddeċiedi dwar id-disinnji futuri fl-2026.
Malli jintgħażlu d-disinji, il-Kunsill Governattiv jiddeċiedi meta jipproduċi u joħroġ karti tal-flus tal-euro ġodda. Wara dan, xorta se jgħaddu s-snin qabel ma jkunu jistgħu jiġu prodotti l-ewwel karti tal-flus u eventwalment jispiċċaw fil-bwiet tagħna.
Nisimgħu lill-Ewropej
Sa mill-bidu tal-proċess ta’ disinn mill-ġdid, aħna kkonsultajna lill-pubbliku Ewropew darbtejn. Qabel l-għażla finali mill-Kunsill Governattiv, sejrin għal darba oħra nikkuntattjaw lill-pubbliku biex nistaqsuh għall-preferenzi tiegħu fuq il-lista l-qasira ta’ disinni futuri possibbli.
Bejn Diċembru 2021 u Marzu 2022, tkellimna man-nies fil-pajjiżi kollha taż-żona tal-euro biex nisimgħu l-opinjonijiet tagħhom dwar temi possibbli għall-karti tal-flus futuri.
Agħti daqqa t’għajn lejn ir-rapport jew lejn is-sommarju eżekuttiv mill-istudju kwalitattiv dwar it-temi l-ġodda għall-karti tal-flus tal-euro.
Bejn Lulju u Awwissu 2023 għamilna stħarriġ online li talab lin-nies biex jgħidulna liema mis-seba’ temi proposti jippreferu, li għalih wieġbu aktar minn 365,000 Ewropew. Biex niżguraw kampjun rappreżentattiv, tlabna wkoll lil kumpanija indipendenti tar-riċerka biex tagħmel stħarriġ simili bejn diversi pajjiżi b’mod parallel mal-istħarriġ online.
Aqra r-rapport u s-sommarju eżekuttiv biex issir taf aktar dwar ir-riżultati tal-istħarriġ.
Konsultazzjoni mal-esperti
Mit-tnedija tal-proċess ta’ disinn mill-ġdid, staqsejna lil żewġ gruppi ta’ esperti indipendenti biex l-ewwel jipproponu lista qasira ta’ temi u, ladarba jintgħażlu, jipproponu motifi possibbli biex jippreżentaw bl-aħjar mod dawn it-temi.
Fi tmiem l-2021, il-Grupp Konsultattiv dwar it-Temi ppropona lista qasira ta’ sitt temi. Imbagħad, il-Kunsill Governattiv tal-BĊE kkunsidra bir-reqqa jekk it-temi magħżula humiex relatabbli għall-Ewropej u jirrappreżentawx il-ħajja u l-valuri Ewropej, u ddeċieda li jżid is-seba’ tema, “Il-Kultura Ewropea”. Aqra aktar dwar is-seba’ temi fuq il-lista l-qasira.
Sir af aktar mir-rapport u mis-sommarju eżekuttiv dwar ix-xogħol tal-Grupp Konsultattiv dwar it-Temi.
Fl-2024, wara li “Kultura Ewropea” u “Xmajjar u għasafar” intgħażlu bħala temi possibbli għall-karti tal-flus tal-euro futuri, grupp ta’ esperti indipendenti, il-Grupp Konsultattiv dwar il-Motifi ġie inkarigat bil-proposta ta’ motifi possibbli biex juru ż-żewġ temi.
Fil-bidu tal-2025, il-Kunsill Governattiv iddiskuta u żviluppa ulterjorment is-sett ta’ motifi possibbli għal kull tema u ddeċieda li jniedi l-konkors tad-disinn biż-żewġ temi u l-motifi assoċjati.