Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Għaliex it-tibdil fil-klima huwa importanti għall-BĊE

7 ta' Novembru 2022

It-tibdil fil-klima huwa importanti għalina fil-BĊE minħabba li jaffettwa:

  • l-ekonomija, li min-naħa tagħha taffettwa l-għan tagħna li nżommu l-prezzijiet stabbli;
  • lill-banek li nissorveljaw biex iżommuhom sikuri u sodi;
  • l-espożizzjoni tagħna stess għar-riskju.

Kif jaffettwa l-ekonomija tagħna t-tibdil fil-klima?

It-tibdil fil-klima jġib żewġ tipi ta’ riskji għall-ekonomija tagħna: riskji fiżiċi u ta’ tranżizzjoni.

X’inhuma r-riskji fiżiċi?

Ir-riskji fiżiċi jirriżultaw direttament mit-tibdil fil-klima, pereżempju meta l-maltempati jew l-għargħar jagħmlu ħsara lid-djar u lit-toroq jew jeqirdu l-uċuħ tar-raba’. Dawn l-avvenimenti saru aktar frekwenti u severi f’dawn l-aħħar għexieren ta’ snin u qed jaffettwaw dejjem aktar partijiet tal-ekonomija.

Barra minn hekk, il-bidliet fit-tul bħall-bidla fix-xejriet tax-xita u ż-żieda fit-temperaturi jistgħu jfixklu l-industriji u l-agrikoltura. Mingħajr azzjoni biex dawn il-bidliet jonqsu, l-effetti tagħhom se jmorru aktar għall-agħar.

X’inhuma r-riskji ta’ tranżizzjoni?

It-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju huwa essenzjali biex jitnaqqas u jiġi evitat l-agħar tat-tibdil fil-klima. Din hija r-raġuni għaliex l-UE impenjat ruħha għal ekonomija żero netta sal-2050. Biex nilħqu dan l-għan, jeħtieġ li nagħmlu l-attivitajiet ekonomiċi kollha tagħna aktar ekoloġiċi, inkluż kif nipproduċu prodotti u servizzi, kif nivvjaġġaw u kif nitimgħu lilna nfusna. Il-bidla lejn ekonomija aktar ekoloġika tista’ toffri opportunitajiet kbar, bħal impjiegi ġodda u ambjent aktar b’saħħtu.

Iżda din il-bidla ġġib magħha wkoll riskji, speċjalment jekk il-politiki li jinkoraġġixxu attivitajiet aktar sostenibbli jiġu implimentati malajr wisq u l-kumpaniji u n-nies ma jkollhomx biżżejjed żmien biex jadattaw. Id-ditti jistgħu jifallu, in-nies jistgħu jitilfu l-impjieg tagħhom u l-valur tal-assi finanzjarji jista’ jonqos. Dan jista’ jiġi kkawżat minn regolamentazzjoni ġdida, tibdil fil-preferenzi tal-konsumatur u innovazzjonijiet teknoloġiċi li jirrendu prodotti li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent skaduti. Dawn ir-riskji jissejħu “riskji ta’ tranżizzjoni”.

Allura għaliex dan huwa importanti għall-BĊE?

Aħna fil-BĊE għandna interess qawwi li nindirizzaw ir-riskji klimatiċi fi ħdan il-mandat tagħna. It-tibdil fil-klima jaffettwa kif inżommu l-prezzijiet stabbli, kif nissorveljaw il-banek u kif nimmaniġġjaw l-espożizzjoni tagħna stess għar-riskji klimatiċi.

It-tibdil fil-klima kif jaffettwa l-prezzijiet?

It-tibdil fil-klima jaffettwa l-ekonomija, u għalhekk jaffettwa wkoll il-prezzijiet. In-nixfiet u n-nirien fil-foresti jistgħu jirrovinaw il-ħsad. L-għargħar u t-tnaqqis fl-ilma jistgħu jfixklu s-sistemi tat-trasport u l-ktajjen tal-provvista, bi spiża kbira għall-kumpaniji. Avvenimenti bħal dawn jista’ jkollhom ukoll effetti indiretti fuq is-swieq finanzjarji, u l-instabbiltà tista’ tinfirex b’riżultat ta’ dan. Dan kollu jista’ jkollu impatt fuq il-prezzijiet u għalhekk fuq il-kapaċità tagħna li nżommuhom stabbli.

Il-politiki biex jinkoraġġixxu attivitajiet aktar ekoloġiċi jaffettwaw ukoll kemm jiswew l-affarijiet. Is-sussidji għall-investimenti fl-enerġija ekoloġika jew it-taxxi fuq il-faħam, iż-żejt u l-gass jista’ jkollhom impatt fuq l-ekonomija u l-prezzijiet.

It-tibdil fil-klima kif jaffettwa lill-banek li nissorveljaw?

Wieħed mill-kompiti ewlenin ta’ bank huwa li jagħti self lill-klijenti tiegħu, inkluż lill-kumpaniji. Jekk waħda minn dawk il-kumpaniji tintlaqat minn għargħar, tista’ ssib ruħha fi problemi finanzjarji. Jista’ jkun li ma tkunx tista’ tħallas lura s-self tagħha – u dan ikollu wkoll effett negattiv fuq il-bank.

Din hija r-raġuni għaliex irridu niżguraw li l-banek ikunu konxji tar-riskji tagħhom relatati mal-klima, bħal espożizzjoni għolja għal setturi b’użu intensiv ta’ karbonju jew klijenti li jinsabu f’żoni li x’aktarx jintlaqtu l-aktar mit-tibdil fil-klima. A]na nitolbu lill-banek iqisu dawn ir-riskji fl-istrateġija, il-governanza u l-ġestjoni tar-riskju tagħhom.

Kif jaffettwa l-karta tal-bilanċ tagħna t-tibdil fil-klima?

Jeħtieġ ukoll li nieħdu ħsieb l-espożizzjoni tagħna stess għar-riskji klimatiċi. It-tibdil fil-klima jista’ jkollu impatt fuq l-assi li nżommu u l-kollateral li naċċettaw bħala sigurtà meta nagħtu self lill-banek. Jeħtieġ li nimmaniġġjaw dawn ir-riskji b’mod xieraq u nnaqqsuhom.

X’qed jagħmel il-BĊE dwar dan?

M’aħniex l-atturi ewlenin fil-bidla lejn ekonomija aktar ekoloġika. Il-gvernijiet u l-parlamenti jinsabu fuq quddiem, iżda aħna impenjati li nagħtu sehemna fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, fi ħdan il-mandat tagħna.

Qed nimplimentaw pjan ta’ azzjoni biex ninkorporaw it-tibdil fil-klima fil-politika monetarja tagħna u għamilna t-tibdil fil-klima prijorità ewlenija fir-rwol tagħna bħala superviżur. Qed intejbu l-mudelli tagħna, il-kwalità tad-data li nużaw u l-mod kif nimmaniġġjaw ir-riskji tagħna stess.

Irridu nrawmu bidliet usa’ fl-imġiba. Ir-regoli tagħna jistgħu jħeġġu lill-banek biex ikunu aktar konxji tar-riskji klimatiċi relatati mal-assi li għandhom, biex ikunu aktar miftuħa dwarhom u biex jgħidulna dwarhom b’mod konsistenti. Jekk il-banek u l-kumpaniji jkunu aktar konxji tar-riskji klimatiċi u jkunu aktar trasparenti dwar l-effetti tagħhom, allura kulħadd ikun jista’ jqishom b’mod xieraq u jpoġġi l-prezz it-tajjeb. Qed naqsmu wkoll l-għarfien espert tagħna u t-tagħlimiet li kellna biex inħeġġu lill-oħrajn jagħmlu l-parti tagħhom fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

IT-TIBDIL FIL-KLIMA U L-BĊE

Tagħrif ieħor