Il-kejl tal-inflazzjoni u r-reviżjoni tal-istrateġija
Biex il-prezzijiet jinżammu stabbli, neħtieġu kejl affidabbli tal-inflazzjoni li jurina kif il-prezzijiet qed jinbidlu fl-ekonomija. Il-kejl attwali tagħna, l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur, jibqa’ l-aktar wieħed xieraq għal dak il-għan. Iżda, fejn jista’, għandu wkoll jirrifletti aħjar l-esperjenzi tan-nies ta’ prezzijiet li qed jogħlew.
Huwa għalhekk li l-Kunsill Governattiv isostni l-inklużjoni tal-ispejjeż tas-sjieda tad-djar f’din il-miżura. Iżda l-implimentazzjoni ta’ dan se tieħu ż-żmien. Sa dak iż-żmien, se nużaw ukoll miżuri oħra tal-inflazzjoni li jinkludu l-ispejjeż tas-sjieda tad-djar biex intejbu l-fehim tagħna dwar kif il-prezzijiet qed jinbidlu fl-ekonomija.
Għaliex il-kejl tal-inflazzjoni kien parti mir-reviżjoni tal-istrateġija tagħna?
Kejl ta’ min joqgħod fuqu tal-inflazzjoni jgħinna nagħmlu xogħol aħjar
Xogħolna huwa li nżommu l-istabbiltà tal-prezzijiet. Nagħmlu dan billi niżguraw li l-inflazzjoni – ir-rata li biha l-prezzijiet ġenerali għall-prodotti u s-servizzi jinbidlu maż-żmien – tibqa’ baxxa, stabbli u prevedibbli.
Biex nagħmlu dan ix-xogħol sew, neħtieġu kejl affidabbli tal-inflazzjoni. Inħarsu lejn il-prezzijiet ta’ mijiet ta’ affarijiet li n-nies tipikament jonfqu flushom fuqhom. Dawn jinkludu oġġetti bħall-ikel, ħwejjeġ jew karozzi kif ukoll servizzi bħall-kontijiet tat-telefown ċellulari, biljetti tal-ferrovija u saħansitra l-kera. Dawn l-affarijiet kollha flimkien jagħtuna idea ta’ kemm qed jinbidlu l-prezzijiet fl-ekonomija b’mod ġenerali.
Liema miżura nużaw fiż-żona tal-euro?
Fiż-żona tal-euro, din l-istampa kbira tingħata mill-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP), li huwa ppreżentat flimkien mill-uffiċċju tal-istatistika tal-UE. Huwa bħal basket enormi tax-xiri li fih 295 oġġett u servizz mill-pajjiżi kollha taż-żona tal-euro, u huwa mfassal biex jirrappreżenta dak li n-nies tipikament jonfqu flushom fuqhom.
Din il-miżura ġenerali hija mod tajjeb biex jinżamm rekord ta’ kif jinbiddlu l-prezzijiet fl-ekonomija. Hi bħal mappa li tgħin lill-BĊE jieħu d-deċiżjonijiet it-tajba. U hekk kif mappa trid tkun affidabbli u aġġornata biex turi ostakli jew mogħdijiet ġodda li ġejjin, il-BĊE jeħtieġ kejl tal-inflazzjoni li jkun kredibbli, affidabbli, f’waqtu u komparabbli.
X’inhuma l-isfidi biex titkejjel l-inflazzjoni?
Il-kejl tal-inflazzjoni jista’ jkun delikat
Huwa diffiċli li niżguraw li l-kejl tagħna tal-inflazzjoni jilħaq dawn l-istandards għoljin. Il-kwalità tal-prodotti u s-servizzi tista’ tinbidel maż-żmien. Pereżempju, l-aħħar telefon ċellulari tiegħek jista’ jkollu prezz ogħla minn dak preċedenti. Iżda l-prezz ogħla jista’ jirrifletti l-kwalità aħjar tiegħu aktar milli l-inflazzjoni. U prodotti u servizzi ġodda u innovattivi qed jieħdu post dawk qodma b’rati ħafna aktar mgħaġġla, u dan jagħmel il-kejl aktar diffiċli maż-żmien. Iż-żieda fix-xiri onlajn, fejn il-prezzijiet jistgħu jkunu differenti minn dawk fil-ħwienet lokali, jagħmel il-kejl tat-tibdil fil-prezzijiet aktar kumpless.
L-inkorporazzjoni tal-ispejjeż tas-sjieda tad-djar hija ta’ sfida
Fl-2020, in-nies fl-Ewropa lissnulna t-tħassib tagħhom dwar iż-żieda fl-ispejjeż tal-akkomodazzjoni, iżda l-kejl tagħna tal-inflazzjoni ma kienx jirrifletti bis-sħiħ l-ispejjeż tas-sjieda ta’ dar – magħrufa bħala spejjeż ta’ “akkomodazzjoni okkupata mis-sid”. Dak iż-żmien, il-prezzijiet tad-djar kienu ilhom jogħlew għal xi żmien f’ħafna pajjiżi taż-żona tal-euro, filwaqt li l-inflazzjoni baqgħet baxxa.
Hemm diversi raġunijiet għaliex l-ispejjeż tas-sjieda tad-djar għadhom ma ġewx inklużi fil-kejl tal-inflazzjoni tagħna.
Pereżempju, il-proporzjon taʼ nies li għandhom djar ivarja ħafna minn pajjiż għal ieħor. Għalhekk, l-istatistika dwar l-akkomodazzjoni għall-kiri hija aktar informattiva f’pajjiżi bi swieq kbar tal-kiri. F’dawn il-pajjiżi, il-livelli tal-kera jistgħu jintużaw biex jiġu stmati l-ispejjeż tal-akkomodazzjoni għal persuni li huma s-sidien ta’ djarhom stess. Filwaqt li f’pajjiżi bi swieq iżgħar tal-kiri, fejn hemm aktar xiri ta’ proprjetà, il-prezzijiet tal-bejgħ tad-djar u tal-appartamenti jistgħu jintużaw biex jiġu kkalkulati x-xejriet tal-prezzijiet għad-djar okkupati mis-sidien.
Differenzi bħal dawn jagħmluha diffiċli wkoll li tinstab miżura komparabbli għaż-żona tal-euro.
Intejbu l-kejl tagħna tal-inflazzjoni għall-ġejjieni
Irridu nużaw kejl tal-inflazzjoni li jirrifletti l-esperjenzi tan-nies kemm jista’ jkun mill-qrib. Huwa għalhekk li l-Kunsill Governattiv jappoġġa l-inklużjoni ta’ djar okkupati mis-sidien fl-HICP. Iżda din hija biċċa xogħol diffiċli u se tieħu ż-żmien biex tiġi implimentata.
Sadanittant, se nkomplu nużaw l-HICP attwali bħala r-referenza ewlenija tagħna għall-kejl tal-inflazzjoni. Madankollu biex intejbu ulterjorment il-fehim tagħna dwar kif il-prezzijiet qed jinbidlu fl-ekonomija, se nużaw ukoll miżuri oħra ta’ inflazzjoni li jinkludu djar okkupati mis-sidien.
ESPLORA S-SUĠĠETTI EWLENIN TAR-REVIŻJONI TAL-ISTRATEĠIJA
QED TFITTEX L-AĦĦAR TAGĦRIF FUQ IR-REVIŻJONI TAL-ISTRATEĠIJA?
SIBU HAWN TAĦT