Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
  • STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Deċiżjonijiet tal-politika monetarja

7 ta’ Marzu 2019

Fil-laqgħa tal-lum il-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) ħa d-deċiżjonijiet li ġejjin dwar il-politika monetarja:

(1) Ir-rata tal-imgħax fuq l-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament u r-rati tal-imgħax fuq il-faċilità tas-self marġinali u l-faċilità tad-depożitu se jibqgħu kif kienu fil-livell ta’ 0.00%, 0.25% u -0.40% rispettivament. Il-Kunsill Governattiv issa jipprevedi li r-rati ewlenin tal-imgħax se jibqgħu fil-livelli attwali tagħhom sa tmiem l-2019, u f’kull każ sakemm ikun meħtieġ biex tiġi żgurata konverġenza kontinwa u sostnuta tal-inflazzjoni ma’ livelli li jkunu taħt, iżda qrib it-2% fuq żmien medju.

(2) Il-Kunsill Governattiv biħsiebu jibqa’ jerġa’ jinvesti l-ħlasijiet ewlenin kollha li jidħlu fuq it-titoli li jimmaturaw u li jkunu nxtraw fil-programm ta’ xiri ta’ assi, għal perijodu estiż ta’ żmien lil hinn mid-data meta jibda jgħolli r-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE, u f’kull każ sakemm ikun meħtieġ biex jinżammu kundiizzjonijiet favorevoli ta’ likwidità u grad abbundanti ta’ akkomodament monetarju.

(3) Se titnieda serje ġdida ta’ operazzjonijiet ta’ finanzjament trimestrali fuq żmien itwal (TLTRO-III), li tibda f’Settembru 2019 u tintemm f’Marzu 2021, kollha b’maturità ta’ sentejn. Dawn l-operazzjonijiet il-ġodda se jgħinu biex iżommu kundizzjonijiet favorevoli ta’ self bankarju u trażmissjoni bla xkiel tal-politika monetarja. Fit-TLTRO-III, il-kontropartijiet se jkunu intitolati jisselfu sa 30% tal-istokk ta’ self eliġibbli fid-data tat-28 ta’ Frar 2019 b’rata indiċjata mar-rata tal-imgħax fuq l-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament għat-tul tal-validità ta’ kull operazzjoni. Bħall-programm pendenti TLTRO, it-TLTRO-III se jkun jinkludi inċentivi biex il-kundizzjonijiet tal-kreditu jibqgħu favorevoli. Aktar dettalji dwar it-termini preċiżi tat-TLTRO-III se jitħabbru iżjed tard.

(4) L-operazzjonijiet ta’ self tal-Eurosistema se jibqgħu jsiru bħala proċeduri ta’ sejħa għall-offerti b’rata fissa b’allokazzjoni sħiħa sakemm dan ikun meħtieġ, u mill-inqas sat-tmiem tal-perijodu taż-żamma tar-riżervi li jibda f’Marzu 2021.

Il-President tal-BĊE se jikkummenta dwar ir-raġunijiet li wasslu għal dawn id-deċiżjonijiet f’konferenza stampa li tibda fis-14:30 CET illum.

Għall-kliem eżatt miftiehem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja