Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
Piero Cipollone
Member of the ECB's Executive Board
  • IL-BLOG TAL-BĊE

It-triq għall-futur tal-finanzi diġitali tal-Ewropa

12 ta’ Marzu 2026

Minn Piero Cipollone, Membru tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE

Hekk kif il-pagamenti u s-swieq finanzjarji qed isiru dejjem aktar diġitali, il-flus tal-bank ċentrali jridu jevolvu wkoll. Permezz ta’ inizjattivi bħal Pontes u l-Appia, l-Eurosistema qed taħdem mal-parteċipanti fis-suq biex tiżgura li l-finanzjament tokenizzat ikun jista’ jissalda ruħu b’mod sikur fi flus tal-bank ċentrali, filwaqt li tiġi appoġġata l-innovazzjoni, l-integrazzjoni u s-sovranità finanzjarja tal-Ewropa.

It-teknoloġija qiegħda tittrasforma kif nikkomunikaw, kif nivvjaġġaw, kif naħdmu u kif inħallsu. Il-mod kif il-banek ċentrali joħorġu l-flus jeħtieġ ukoll li jinbidel, biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet li qed jevolvu tas-soċjetajiet li naqdu.

Il-ħruġ tal-flus huwa fil-qalba ta’ dak li jagħmlu l-banek ċentrali. Madankollu, il-maġġoranza tal-flus li nużaw fit-tranżazzjonijiet tagħna ta’ kuljum jinħolqu mis-settur privat – pereżempju, meta bank jiffinanzja ipoteka. Fl-aħħar mill-aħħar, in-nies jaċċettaw din il-forma privata ta’ flus bħala pagament minħabba li għandhom l-għażla li jikkonvertuha, fuq bażi ta’ wieħed għal wieħed, fi flus tal-bank ċentrali – l-aktar assi sikur u l-punt ta’ referenza li jankra s-sistema kollha. Din l-interazzjoni tgħin biex tinbena u tinżamm il-fiduċja.

Il-flus tal-bank ċentrali jiġu f’żewġ forom. Għall-bżonnijiet ta’ ħlas tagħna ta’ kuljum għandna flus kontanti. U hekk kif ħajjitna qed timxi dejjem aktar online, l-Eurosistema qed tiżviluppa l-euro diġitali – forma diġitali ta’ flus kontanti biex tikkomplementa l-karti tal-flus u l-muniti.

Sadanittant, fis-swieq finanzjarji bl-ingrossa, il-flus tal-bank ċentrali jieħdu l-forma tad-depożiti li l-banek iżommu fil-bank ċentrali tagħhom, irreġistrati bħala entrati fil-kotba tiegħu. Il-banek jistgħu jużaw dawn id-depożiti għal tranżazzjonijiet ta’ volum kbir u biex iħallsu l-pagamenti bejniethom. Dawn il-flus tal-bank ċentrali jipprovdu l-pedament tal-infrastrutturi tas-suq finanzjarju bl-ingrossa tal-lum.

Iżda s-swieq finanzjarji bl-ingrossa mhumiex immuni għall-bidla. Bis-saħħa tat-tokenizzazzjoni u t-teknoloġiji tar-reġistru distribwit (DLTs, distributed ledger technologies), se jkun possibbli li jiġu rrappreżentati assi finanzjarji bħal bonds bħal tokens diġitali – jew, sempliċiment, fajls – li jistgħu jiġu ttrasferiti u aġġornati b’mod aktar effiċjenti milli huwa l-każ bħalissa. Dawn it-teknoloġiji l-ġodda jwiegħdu innovazzjoni, effiċjenza u integrazzjoni akbar fis-swieq finanzjarji kollha.

B’assi tokenizzati u DLTs, it-tranżazzjonijiet se jiġu saldati aktar malajr u b’mod aktar effiċjenti, u b’hekk jitnaqqsu l-kostijiet u r-riskji tal-ipproċessar. Iċ-ċiklu tal-ħajja kollu ta’ assi – min-negozjar sas-saldu sal-kustodja – se jopera fuq l-istess pjattaforma, disponibbli 24/7. L-attività transfruntiera se ssir aktar sempliċi u orħos, bi spejjeż aktar baxxi b’mod ġenerali. Il-kuntratti intelliġenti se jippermettu aktar soluzzjonijiet innovattivi. Swieq finanzjarji aktar effiċjenti u integrati se jfissru wkoll finanzjament orħos għall-ekonomija reali.

Biex jinkisbu l-benefiċċji ta’ dawn it-teknoloġiji, l-investituri se jkollhom bżonn assi sikur biex isaldaw it-tranżazzjonijiet – flus tal-bank ċentrali. U dan huwa eżattament dak li qed naħdmu għalih.

Bis-saħħa tal-inizjattiva Pontes tal-Eurosistema, diġà se nkunu nistgħu noffru mod kif jiġu saldati t-tranżazzjonijiet bl-ingrossa‑ bbażati fuq id-DLT fi flus tal-bank ċentrali fit-tielet trimestru tal-2026. Inizjalment se nagħmlu dan billi nikkollegaw is-sinsla finanzjarja tagħna – is-Servizzi ta’ TARGET – ma’ dawn il-pjattaformi l-ġodda tad-DLT. Dan se jipprovdi s-sikurezza u l-kredibbiltà istituzzjonali li huma meħtieġa biex il-finanzjament tokenizzat jiffjorixxi fl-Ewropa. U dan għadu biss il-bidu.

Sabiex jiġi sfruttat bis-sħiħ il-potenzjal tat-tokenizzazzjoni u tad-DLTs, l-investituri se jkollhom bżonn li l-flus tal-bank ċentrali jiġu integrati b’mod aktar dirett fuq dawn il-pjattaformi. B’dan il-għan f’moħħna, din il-ġimgħa ppubblikajna l-pjan direzzjonali għall-inizjattiva Appia tagħna.

L-għan ta’ Appia huwa li tfassal – flimkien mal-parteċipanti fis-suq – il-ġenerazzjoni li jmiss tal-infrastruttura finanzjarja tal-Ewropa. Dan il-proċess se jiggwida t-titjib gradwali u kontinwu tagħna stess ta’ Pontes biex niżguraw li jevolvi f’konformità ma’ Appia. Iżda se jidderieġi wkoll is-suq lejn il-bini tas-soluzzjonijiet u l-infrastrutturi tagħha stess b’mod li jiżgura l-kompetizzjoni, l-integrazzjoni u l-innovazzjoni għas-swieq finanzjarji Ewropej.

Il-bażi ta’ dan kollu se jkun flus tal-bank ċentrali tal-euro sikuri u tokenizzati, li jagħtu lis-suq is-sigurtà tas-saldu li jeħtieġ biex jikber b’mod sikur. Il-parteċipanti fis-suq kienu ċari li dan huwa essenzjali. Appia se tiġi żviluppata permezz ta’ sħubija pubblika‑ privata wiesgħa, u d-disinn finali se jirrifletti kollaborazzjoni estensiva permezz ta’ esperimenti, provi tal-kunċett u standards komuni.

Hemm dimensjoni oħra li wieħed għandu jikkunsidra. Fid-dinja tal-lum, l-infrastruttura finanzjarja jista’ jkollha implikazzjonijiet ġeopolitiċi. Jekk l-Ewropa ma tibnix it-toroq diġitali tagħha stess, hemm ir-riskju li jkollha tiddependi esklussivament fuq dawk mibnija minn oħrajn. Biex nevitaw li nibqgħu passivi f’sitwazzjoni bħal din, ma għandniex naqtgħu qalbna jew nieħdu pass lura. L-Ewropa għandha kemm it-teknoloġija kif ukoll il-mezzi biex tevita din id-dipendenza.

B’Appia, ekosistema Ewropea integrata se tissostitwixxi l-infrastrutturi frammentati tal-lum. Dan se jappoġġa l-isforzi biex tiġi żviluppata unjoni tat-tfaddil u tal-investimenti, filwaqt li jiġi żgurat li l-euro jibqa’ l-pedament ta’ fiduċja tal-ekonomija diġitali tal-Ewropa.

Il-bidla hija inevitabbli – iżda l-mod kif nirrispondu għaliha huwa f’idejna. Permezz ta’ Appia, l-Ewropa qed tagħżel li ssawwar l-ispazju finanzjarju diġitali tagħha stess.

Dan l-artiklu ġie ppubblikat bħala opinjoni fil-mezzi tax-xandir madwar iż-żona tal-euro.

Ara l-Blog tal-BĊE u abbona għal posts futuri.

Għal suġġetti relatati mas-superviżjoni bankarja, għaliex ma tagħtix ħarsa lejn The Supervision Blog?