- STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA
Deċiżjonijiet tal-politika monetarja
30 ta’ Jannar 2025
Il-Kunsill Governattiv illum iddeċieda li jnaqqas it-tliet rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE b’25 punt bażi. B’mod partikolari, id-deċiżjoni li titnaqqas ir-rata tal-faċilità tad-depożitu – ir-rata li permezz tagħha l-Kunsill Governattiv jidderieġi l-pożizzjoni tal-politika monetarja – hija bbażata fuq il-valutazzjoni aġġornata tiegħu tal-prospettiva tal-inflazzjoni, id-dinamiċi tal-inflazzjoni sottostanti u l-qawwa tat-trażmissjoni tal-politika monetarja.
Il-proċess ta’ disinflazzjoni miexi sew kif ippjanat. L-inflazzjoni kompliet tiżviluppa b’mod konformi ħafna mal-proġettazzjonijiet tal-persunal u matul il-kors ta’ din is-sena hija mistennija li tirritorna għall-mira fuq żmien medju tal-Kunsill Governattiv ta’ 2%. Il-biċċa l-kbira tal-miżuri tal-inflazzjoni sottostanti jissuġġerixxu li l-inflazzjoni se tistabbilizza ruħha għal madwar il-mira fuq bażi sostnuta. L-inflazzjoni domestika tibqa’ għolja, l-aktar minħabba li l-pagi u l-prezzijiet f’ċerti setturi għadhom qed jaġġustaw ruħhom għaż-żieda f’daqqa fil-passat fl-inflazzjoni b’dewmien sostanzjali. Iżda ż-żieda fil-pagi qiegħda timmodera ruħha kif mistenni, u l-profitti qegħdin parzjalment jilqgħu l-impatt fuq l-inflazzjoni.
It-tnaqqis fir-rati tal-imgħax reċenti tal-Kunsill Governattiv qegħdin gradwalment jagħmlu self ġdid inqas għali għad-ditti u għall-unitajiet domestiċi. Fl-istess ħin, il-kundizzjonijiet ta’ finanzjament għadhom stretti, anke minħabba li l-politika monetarja tibqa’ waħda restrittiva u żidiet fir-rati tal-imgħax tal-passat għadhom qed jittrasmettu lill-istokk ta’ kreditu, b’xi self li qed jimmatura jiġi mgħoddi b’rati ogħla. L-ekonomija għadha qed tiffaċċja diffikultajiet iżda, dħul reali li qed jogħla u l-effetti li gradwalment qegħdin jgħibu ta’ politika monetarja restrittiva għandhom jappoġġaw irkupru fid-domanda maż-żmien.
Il-Kunsill Governattiv huwa determinat li jiżgura li l-inflazzjoni tistabilizza b’mod sostennibbli fil-mira tiegħu fuq żmien medju ta’ 2%. Se jsegwi approċċ dipendenti fuq id-data u laqgħa b’laqgħa sabiex jiddetermina l-pożizzjoni tal-politika monetarja xierqa. B’mod partikolari, id-deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv fuq ir-rati tal-imgħax se jkunu bbażati fuq il-valutazzjoni tiegħu tal-prospetti tal-inflazzjoni fid-dawl tad-data ekonomika u finanzjarja li tidħol, id-dinamiċi tal-inflazzjoni sottostanti, u s-saħħa tat-trażmissjoni tal-politika monetarja. Il-Kunsill Governattiv mhuwiex qed jintrabat minn qabel b’xi impenn partikolari għar-rati.
Rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE
Il-Kunsill Governattiv illum iddeċieda li jnaqqas it-tliet rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE b’25 punt bażi. Għaldaqstant, ir-rati tal-imgħax fuq il-faċilità tad-depożitu, l-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament u l-faċilità tas-self marġinali sejrin jitnaqqsu għal 2.75%, 2.90% u 3.15% rispettivament, b’effett mill-5 ta’ Frar 2025.
Programm ta’ xiri tal-assi (APP) u programm ta’ xiri għall-emerġenza pandemika (PEPP)
Il-portafolji tal-APP u tal-PEPP qegħdin jonqsu b’pass meqjus u prevedibbli, hekk kif l-Eurosistema ma għadhiex tirrinvesti l-pagamenti prinċipali minn titoli li jimmaturaw.
Operazzjonijiet ta’ rifinanzjament
Fit-18 ta’ Diċembru 2024, il-banek ħallsu lura l-ammonti li kien għad fadal li kienu ssellfu taħt l-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament immirati fuq żmien itwal, b’hekk ġiet konkluża din il-parti tal-proċess ta’ normalizzazzjoni tal-karta tal-bilanċ.
***
Il-Kunsill Governattiv huwa lest li jaġġusta l-istrumenti kollha tiegħu fi ħdan il-mandat tiegħu biex jiżgura li l-inflazzjoni tistabbilizza b’mod sostenibbli fil-mira tiegħu ta’ 2% fuq perjodu ta’ żmien medju u li jippreserva l-funzjonament bla xkiel tat-trasmissjoni tal-politika monetarja. Barra minn hekk, l-Istrument ta’ Protezzjoni tat-Trasmissjoni huwa disponibbli sabiex jiġġieled dinamiċi tas-suq mhux mixtieqa u li jikkawżaw tfixkil, li joħolqu theddida serja għat-trasmissjoni tal-politika monetarja fost il-pajjiżi kollha taż-żona tal-euro, b’hekk il-Kunsill Governattiv ikun jista’ jikseb riżultati b’mod aktar effettiv fuq il-mandat tiegħu tal-istabbiltà tal-prezzijiet.
Il-President tal-BĊE se jagħti l-fehmiet tiegħu fuq ir-raġunijiet li wasslu għal dawn id-deċiżjonijiet f’konferenza stampa li tibda fit-14:45 CET illum.
Għall-kliem eżatt miftiehem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja