- STQARRIJA TAL-POLITIKA MONETARJA
KONFERENZA STAMPA
Christine Lagarde, President tal-BĊE,
Luis de Guindos, Viċi-President tal-BĊE
Frankfurt am Main, 17 ta’ April 2025
Il-wara nofsinhar it-tajjeb, il-Viċi-President u jien nilqgħukom għal din il-konferenza stampa.
Il-Kunsill Governattiv illum iddeċieda li jnaqqas it-tliet rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE b’25 punt bażi. B’mod partikolari, id-deċiżjoni li titnaqqas ir-rata tal-faċilità tad-depożitu – ir-rata li permezz tagħha nidderieġu l-pożizzjoni tal-politika monetarja – hija bbażata fuq il-valutazzjoni aġġornata tagħna tal-prospettiva tal-inflazzjoni, id-dinamika tal-inflazzjoni sottostanti u s-saħħa tat-trażmissjoni tal-politika monetarja.
Il-proċess ta’ diżinflazzjoni miexi sew kif mistenni. L-inflazzjoni kompliet tiżviluppa kif mistenni mill-persunal, bi tnaqqis f’Marzu kemm tal-inflazzjoni globali kif ukoll dik prinċipali. L-inflazzjoni fis-settur tas-servizzi wkoll battiet b’mod notevoli matul dawn l-aħħar xhur. Il-biċċa l-kbira tal-miżuri tal-inflazzjoni sottostanti jissuġġerixxu li l-inflazzjoni se tistabbilizza ruħha għal madwar il-mira tagħna ta’ 2 fil-mija fuq perjodu ta’ żmien medju fuq bażi sostnuta. Iż-żieda fil-pagi qed timmodera, u l-profitti qegħdin jilqgħu parzjalment għall-impatt fuq l-inflazzjoni taż-żieda fil-pagi li għadha elevata. L-ekonomija taż-żona tal-euro ilha tibni xi reżiljenza kontra l-iskossi globali, iżda l-prospettiva tat-tkabbir marret għall-agħar minħabba tensjonijiet fil-kummerċ li qegħdin jiżdiedu. Iż-żieda fl-inċertezza aktarx li se tnaqqas l-kunfidenza fost l-unitajiet domestiċi u l-kumpaniji, u r-rispons tas-suq avvers u volatili għat-tensjonijiet fil-kummerċ aktarx li jkollu impatt ta’ ssikkar fuq il-kundizzjonijiet tal-finanzjament. Dawn il-fatturi jistgħu jkomplu jkunu ta’ piż akbar fuq il-perspettiva ekonomika għaż-żona tal-euro.
Aħna ddeterminati li niżguraw li l-inflazzjoni tistabbilizza b’mod sostenibbli fil-mira tagħna ta’ 2 fil-mija fuq perjodu ta’ żmien medju. B’mod speċjali fil-kundizzjonijiet attwali ta’ inċertezza eċċezzjonali, se nsegwu approċċ ibbażat fuq id-data u laqgħa b’laqgħa sabiex niddeterminaw il-pożizzjoni tal-politika monetarja xierqa. B’mod partikolari, id-deċiżjonijiet tagħna dwar ir-rati tal-imgħax se jkunu bbażati fuq il-valutazzjoni tagħna tal-prospettiva tal-inflazzjoni fid-dawl tad-data ekonomika u finanzjarja li tidħol, id-dinamiċi tal-inflazzjoni sottostanti, u s-saħħa tat-trażmissjoni tal-politika monetarja. M’aħniex qegħdin nimpenjaw ruħna minn qabel għal xi direzzjoni partikolari għar-rati.
Id-deċiżjonijiet meħuda llum huma spjegati fi stqarrija għall-istampa disponibbli fis-sit web tagħna.
Issa se niddeskrivi f’aktar dettall kif naraw li se jiżviluppaw l-ekonomija u l-inflazzjoni, u mbagħad se nispjega l-valutazzjoni tagħna tal-kundizzjonijiet finanzjarji u monetarji.
Attività ekonomika
Il-perspettiva ekonomika tinsab imċajpra b’inċertezza eċċezzjonali. L-esportaturi taż-żona tal-euro jiffaċċjaw ostakoli ġodda għall-kummerċ, għalkemm l-ambitu tagħhom għadu mhuwiex ċar. It-tfixkil għall-kummerċ internazzjonali, it-tensjonijiet fis-suq finanzjarju u l-inċertezza ġeopolitika qed ikunu ta’ piż għall-investiment min-negozji. Hekk kif il-konsumaturi jsiru aktar kawti dwar il-futur, jistgħu wkoll jżommu lura milli jonfqu.
Fl-istess ħin, l-ekonomija taż-żona tal-euro ilha tibni xi reżiljenza kontra l-iskossi globali. L-ekonomija aktarx li kibret fl-ewwel trimestru tas-sena, u l-manifattura wriet sinjali ta’ stabilizzazzjoni. Il-qgħad naqas għal 6.1 fil-mija fi Frar, l-aktar livell baxx sa mit-tnedija tal-euro. Is-suq tax-xogħol b’saħħtu, l-introjtu reali ogħla u l-impatt tal-politika monetarja tagħna għandhom jirfdu l-infiq. L-inizjattivi ta’ politika importanti li tnedew fil-livelli nazzjonali u tal-UE biex jiżdiedu l-infiq fuq id-difiża u l-investiment fl-infrastruttura huma mistennija li jsaħħu l-manifattura, li hija wkoll riflessa fl-istħarriġ reċenti.
Fl-ambjent ġeopolitiku preżenti, huwa saħansitra aktar urġenti li l-politiki fiskali u strutturali jagħmlu lill-ekonomija taż-żona tal-euro aktar produttiva, kompetittiva u reżiljenti. Il-Boxxla għall-Kompetittività tal-Kummissjoni Ewropea tipprovdi pjan direzzjonali konkret għall-azzjoni, u l-proposti tagħha, inkluż dwar is-simplifikazzjoni, għandhom jiġu adottati b’ħeffa. Dan jinkludi li titlesta l-unjoni tat-tfaddil u tal-investimenti, skont skeda ta’ żmien ċara u ambizzjuża, u dan għandu jgħin lil dawk li jfaddlu biex jibbenefikaw minn aktar opportunitajiet biex jinvestu filwaqt li jtejjeb l-aċċess tad-ditti għall-finanzi, b’mod speċjali l-kapital ta’ riskju. Huwa importanti wkoll li jiġi stabbilit malajr il-qafas leġiżlattiv biex titwitta t-triq għall-introduzzjoni potenzjali tal-euro diġitali. Il-gvernijiet għandhom jiżguraw finanzi pubbliċi sostenibbli f’konformità mal-qafas ta’ governanza ekonomika tal-UE u għandhom jipprijoritizzaw ir-riformi strutturali essenzjali li jżidu t-tkabbir u l-investiment strateġiku.
Inflazzjoni
L-inflazzjoni annwali naqset kemxejn għal 2.2 fil-mija f’Marzu. Il-prezzijiet tal-enerġija naqsu b’1.0 fil-mija, wara żieda żgħira fi Frar, filwaqt li l-inflazzjoni tal-ikel żdiedet għal 2.9 fil-mija f’Marzu, minn 2.7 fil-mija fi Frar. L-inflazzjoni fis-settur tal-prodotti kienet stabbli b’rata ta’ 0.6 fil-mija. L-inflazzjoni fis-settur tas-servizzi reġgħet naqset f’Marzu, għal 3.5 fil-mija, u issa tinsab nofs punt perċentwali taħt ir-rata rreġistrata fi tmiem is-sena li għaddiet.
Ħafna mill-indikaturi tal-inflazzjoni sottostanti qegħdin jindikaw ritorn sostnut tal-inflazzjoni għall-mira tagħna fuq żmien medju ta’ 2 fil-mija. L-inflazzjoni domestika naqset sa minn tmiem l-2024. Il-pagi qegħdin jimmoderaw gradwalment. Fl-aħħar trimestru tal-2024 ir-rata tat-tkabbir annwali fil-kumpens għal kull impjegat kienet ta’ 4.1 fil-mija, li tirrappreżenta tnaqqis mill-4.5 fil-mija fit-trimestru ta’ qabel. Iż-żieda fil-produttività wkoll fissret li l-ispejjeż għal kull unità tax-xogħol kibru aktar malajr. L-indikatur tal-pagi tal-BĊE u l-informazzjoni mill-kuntatti tagħna ma’ kumpaniji juru tnaqqis fit-tkabbir tal-pagi fl-2025, kif kien indikat ukoll fil-projezzjonijiet tal-persunal għal Marzu. Il-profitti unitarji naqsu b’rata annwali ta’ 1.1 fil-mija fi tmiem is-sena li għaddiet, u kkontribwew għal inflazzjoni domestika aktar baxxa.
Il-biċċa l-kbira tal-aspettattivi tal-inflazzjoni fuq żmien itwal se jkomplu jkunu ta’ madwar 2 fil-mija, li jappoġġa r-ritorn sostenibbli tal-inflazzjoni għall-mira tagħna.
Valutazzjoni tar-riskji
Ir-riskji li jonqos it-tkabbir ekonomiku żdiedu wkoll. L-eskalazzjoni maġġuri tat-tensjonijiet fil-kummerċ globali u l-inċertezzi assoċjati aktarx li se jnaqqsu t-tkabbir taż-żona tal-euro billi jrażżnu l-esportazzjonijiet, u dan jista’ jnaqqas l-investiment u l-konsum. Is-sentiment tas-suq finanzjarju li qiegħed jiddeterjora jista’ jwassal għal kundizzjonijiet ta’ finanzjament aktar issikkati, iżid l-averżjoni għar-riskju u jwassal biex id-ditti u l-unitajiet domestiċi jkunu anqas disposti li jinvestu u jikkunsmaw. It-tensjonijiet ġeopolitiċi, bħall-gwerra mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna u l-kunflitt traġiku fil-Lvant Nofsani, jibqgħu wkoll sorsi ewlenin ta’ inċertezza. Fl-istess ħin, iż-żieda fl-infiq fuq id-difiża u l-infrastruttura jistgħu jżidu t-tkabbir.
It-tfixkil li qed tiżdied fil-kummerċ globali qiegħed iżid aktar inċertezza għall-perspettiva tal-inflazzjoni għaż-żona tal-euro. It-tnaqqis fil-prezzijiet tal-enerġija u l-apprezzament tal-euro jistgħu jimponu aktar pressjoni ta’ tnaqqis fuq l-inflazzjoni. Dan jista’ jissaħħaħ minn domanda aktar baxxa għall-esportazzjonijiet miż-żona tal-euro minħabba tariffi ogħla, u ridirezzjonar ta’ esportazzjonijiet lejn iż-żona tal-euro minn pajjiżi b’kapaċità żejda. Ir-reazzjonjiet avversi tas-suq finanzjarju għat-tensjonijiet fil-kummerċ jistgħu jkunu ta’ piż fuq id-domanda domestika u b’hekk ukoll ibaxxu l-inflazzjoni. Min-naħa l-oħra, l-ifframmentar tal-ktajjen tal-provvista globali jista’ jżid l-inflazzjoni billi jgħolli l-prezzijiet tal-importazzjoni. Żieda fin-nefqa fuq id-difiża u l-infrastruttura tista’ żżid ukoll l-inflazzjoni permezz tal-effett tagħha fuq perjodu ta’ żmien medju. L-avvenimenti ta’ temp estrem, u l-kriżi klimatika li qiegħda tiżvolġi b’mod aktar estiż, jistgħu jgħollu l-prezzijiet tal-ikel aktar milli huwa mistenni.
Kundizzjonijiet finanzjarji u monetarji
Ir-rati tal-imgħax mingħajr riskju naqsu b’risposta għall-eskalazzjoni tat-tensjonijiet fil-kummerċ. Il-prezzijiet tal-ishma naqsu fil-kuntest ta’ volatilità għolja u l-firxiet tal-bonds korporattivi twessgħu madwar id-dinja. L-euro ssaħħaħ f'dawn l-aħħar ġimgħat hekk kif is-sentiment tal-investituri wera li huwa aktar reżiljenti lejn iż-żona tal-euro milli lejn ekonomiji oħrajn.
L-aħħar statstika uffiċjali dwar it-teħid ta’ self mill-korporazzjonijiet, li nħarġet qabel ma bdew dawn it-tensjonijiet fis-suq, kompliet tindika li t-tnaqqis tagħna fir-rati tal-imgħax wasslu biex ikun irħas għad-ditti biex jissellfu. Ir-rata tal-imgħax medja fuq is-self ġdid għad-ditti naqset xi ftit għal 4.1 fil-mija fi Frar, minn 4.3 fil-mija f’Jannar. L-ispiża tal-impriżi biex joħorġu dejn ibbażat fuq is-suq naqset għal 3.5 fil-mija fi Frar, iżda kien hemm xi pressjoni ’l fuq aktar reċentement. Barra minn hekk, it-tkabbir fis-self lid-ditti reġa’ rpilja fi Frar, għal 2.2 fil-mija, filwaqt li l-ħruġ ta’ titoli ta’ dejn mid-ditti żdied b’rata mhux mibdula ta’ 3.2 fil-mija.
Fl-istess ħin, l-istandards tal-kreditu għas-self lin-negozji reġgħu ssikkaw kemmxejn fl-ewwel trimestru tal-2025, kif ġie rrapportat fl-aħħar stħarriġ tagħna dwar is-self bankarju għaż-żona tal-euro. Bħal fit-trimestru ta’ qabel, dan kien l-aktar minħabba li l-banek qegħdin isiru aktar imħassba dwar ir-riskji ekonomiċi li jiffaċċjaw il-klijenti tagħhom. Id-domanda għal self lid-ditti naqset kemmxejn fl-ewwel trimestru, wara rkupru modest fit-trimestri ta’ qabel.
Ir-rata medja fuq self ipotekarju ġdid, li kienet 3.3 fil-mija fi Frar, għoliet wara żidiet aktar bikrin fir-rati tas-suq fuq perjodu ta’ żmien twil. It-tislif ipotekarju kompla jissaħħaħ fi Frar, għalkemm b’rata annwali li għadha kajmana ta’ 1.5 fl-mija, hekk kif il-banek illaxkaw l-istandards tal-kreditu tagħhom u d-domanda għal self lill-unitajiet domestiċi kompliet tiżdied bis-saħħa.
Konklużjoni
Il-Kunsill Governattiv illum iddeċieda li jnaqqas it-tliet rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE b’25 punt bażi. B’mod partikolari, id-deċiżjoni li titnaqqas ir-rata tal-faċilità tad-depożitu – ir-rata li permezz tagħha nidderieġu l-pożizzjoni tal-politika monetarja – hija bbażata fuq il-valutazzjoni aġġornata tagħna tal-prospettiva tal-inflazzjoni, id-dinamika tal-inflazzjoni sottostanti u s-saħħa tat-trażmissjoni tal-politika monetarja. Aħna ddeterminati li niżguraw li l-inflazzjoni tistabbilizza b’mod sostenibbli lejn il-mira tagħna ta’ 2 fil-mija fuq perjodu ta’ żmien medju. B’mod speċjali fil-kundizzjonijiet attwali ta’ inċertezza eċċezzjonali, se nsegwu approċċ ibbażat fuq id-data u laqgħa b’laqgħa sabiex niddeterminaw il-pożizzjoni tal-politika monetarja xierqa. B’mod partikolari, id-deċiżjonijiet tagħna dwar ir-rati tal-imgħax se jkunu bbażati fuq il-valutazzjoni tagħna tal-prospettiva tal-inflazzjoni fid-dawl tad-data ekonomika u finanzjarja li tidħol, id-dinamiċi tal-inflazzjoni sottostanti, u s-saħħa tat-trażmissjoni tal-politika monetarja. M’aħniex qegħdin nimpenjaw ruħna minn qabel għal xi direzzjoni partikolari għar-rati.
Fi kwalunkwe każ, aħna lesti li naġġustaw l-istrumenti kollha tagħna fi ħdan il-mandat tagħna biex niżguraw li l-inflazzjoni terġa’ lura għall-mira tagħna għal żmien medju u li nippreżervaw il-funzjonament bla xkiel tat-trażmissjoni tal-politika monetarja.
Issa ninsabu lesti biex inwieġbu l-mistoqsijiet tagħkom.
Għall-kliem eżatt miftiehem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja