Naqqasna r-rati tal-imgħax. Għaliex għamilna dan u xi jfisser għalik?
6 ta' Ġunju 2024
Il-prezzijiet m’għadhomx jogħlew b’rata daqshekk mgħaġġla, u l-inflazzjoni tinsab fuq ir-rotta biex tmur lura għall-mira tagħna ta’ 2%. B’riżultat ta’ dan, il-Kunsill Governattiv tagħna dan l-aħħar naqqas ir-rati tal-imgħax, wara li żammhom f’livelli għoljin għal disa’ xhur.
Għaliex baxxejna r-rati tal-imgħax?
Aħna l-bank ċentrali għall-euro, u l-mandat tagħna huwa li nżommu l-prezzijiet stabbli. Meta l-inflazzjoni kienet għolja wisq – jiġifieri, meta l-prezzijiet fl-ekonomija tagħna kienu qegħdin jogħlew wisq malajr – aħna żidna r-rati tal-imgħax biex ngħinu sabiex innaqqsuha. Aħna bdejna ngħollu r-rati f’Lulju 2022 u bqajna nagħmlu dan sa Settembru 2023.
Il-mira tagħna hi li nżommu l-inflazzjoni għal 2% fuq żmien medju. Issa li l-inflazzjoni toqrob aktar lejn dik il-mira, m’għadx hemm bżonn li nżommu r-rati tal-imgħax daqshekk għoljin.
Madankollu, se nżommu r-rati f’livelli li jiżguraw li l-inflazzjoni tmur lura għal 2% maż-żmien u li ma “teħilx” f’livell ogħla. Dan huwa importanti ħafna, għaliex l-inflazzjoni għolja tagħmel il-ħajja diffiċli għan-nies u għan-negozji.
X’inhuma r-rati tal-imgħax?
Ir-rati tal-imgħax huma l-ispiża tas-self tal-flus (xi kultant jingħad li r-rati tal-imgħax huma “il-prezz tal-flus”). Pereżempju, jekk inti tixtieq tieħu self minn bank, inti l-ewwel għandek taqbel fuq l-imgħax li se tħallas, li normalment tintwera bħala rata annwali. Ejja ngħidu li tissellef €10,000 b’rata annwali ta’ 5 %. Dan ifisser li jkollok tħallas lill-bank tiegħek €500 fis-sena minbarra li tħallas lura s-self. Allura, ir-rata tal-imgħax hija essenzjalment dak li l-bank jitolbok tħallas biex jisilfek il-flus.
Iżda din taħdem ukoll bil-maqlub. L-imgħax huwa l-flus li l-bank iħallas fuq it-tfaddil tiegħek, jiġifieri meta l-bank “jissellef” flus mingħandek. Pereżempju, jekk tpoġġi €1,000 fil-kont tat-tfaddil tiegħek b’rata annwali ta’ 3%, fl-aħħar tas-sena tirċievi €30 f’imgħax.
X’jikkawża ċ-ċaqliq tar-rati tal-imgħax?
Ir-rati tal-imgħax li l-banek joffru lin-nies u lin-negozji huma influwenzati bis-saħħa mir-rati ffissati mill-BĊE. Għalhekk meta l-BĊE jibdel ir-rati tal-imgħax, ir-rati tal-imgħax fuq is-self u t-tfaddil normalment jimxu b’mod ġenerali bl-istess mod.
Imma r-rati tat-tislif u tat-tfaddil huma affettwati wkoll mid-domanda għall-kreditu u l-provvista tiegħu: fi kliem ieħor, kemm in-negozji u n-nies iridu jonfqu, jinvestu, u kemm hemm kreditu disponibbli.
Is-swieq għal prodotti u servizzi oħrajn jaħdmu b’mod simili. Pereżempju, jekk ħafna nies iridu jixtru l-frawli, imma mhemmx ħafna disponibbli (għaliex mhuwiex l-istaġun tagħhom), il-prezz tagħhom jogħla.
Bl-istess mod, meta n-negozji u n-nies iridu jonfqu u jinvestu, iżda ma jistgħux jiksbu biżżejjed kreditu faċilment biex jagħmlu dan, ir-rati tal-imgħax għandhom tendenza li jiżdiedu. Isir aktar għali biex wieħed jissellef il-flus. Bil-maqlub, meta n-nies u n-negozji jkunu qegħdin ifaddlu ħafna flus fil-bank, ir-rati tal-imgħax għandhom tendenza li jinżlu.
Il-BĊE huwa l-bank ċentrali għall-euro. Aħna ma nistabbilixxux ir-rati tal-imgħax li inti tħallas fuq is-self tiegħek jew li tirċievi fuq depożitu tiegħek. Iżda aħna ninfluwenzawhom.
Aħna stabbilixxejna dak li nsejħu r-rati tal-imgħax ewlenin jew ir-“rati tal-politika”. Dawn huma r-rati li noffru lill-banek li jridu jissellfu mingħandna u għall-flus elettroniċi li jżommu magħna mil-lum għall-għada.
Meta nibdlu r-rati ewlenin tal-imgħax tagħna, dan jaffettwa l-ekonomija sħiħa inklużi r-rati għas-self domestiku, għas-self minn banek, jew għad-depożiti bankarji.
Il-Kunsill Governattiv tal-BĊE jieħu deċiżjonijiet dwar dawn ir-rati ewlenin tal-imgħax bejn wieħed u ieħor kull sitt ġimgħat.
Ir-rati ewlenin tal-imgħax kif jaffettwaw l-inflazzjoni?
Jekk l-inflazzjoni tkun għolja wisq, aħna nistgħu ngħollu r-rati biex il-kreditu jsir aktar għali. Dan iberred l-ekonomija, irażżan l-aspettattivi tal-inflazzjoni u jnaqqas l-inflazzjoni.
Jekk l-inflazzjoni tkun baxxa wisq, aħna nistgħu nbaxxu r-rati tal-imgħax u nagħmlu l-kreditu irħas biex nagħtu spinta lill-investiment u l-infiq, li jgħolli l-inflazzjoni.
F’dawn l-aħħar snin, l-inflazzjoni kienet għolja wisq. Il-prezzijiet żdiedu ħafna, speċjalment għall-enerġija u għall-ikel. Raġuni waħda kienet l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja. Raġuni oħra kienet li ħafna kumpaniji sabuha itqal biex isibu l-materjali, l-ispare parts u l-ħaddiema meħtieġa għall-produzzjoni, li kompla jaggrava l-problemi eżistenti kkawżati mill-pandemija.
L-użu tar-rati tal-imgħax b’mod deċiżiv iżomm ukoll l-aspettattivi tal-inflazzjoni taħt kontroll.
Iż-żidiet tagħna fir-rati tal-imgħax għenu biex jerġgħu jniżżlu l-inflazzjoni billi rażżnu d-domanda u bagħtu l-messaġġ li aħna determinati li niżguraw li l-inflazzjoni tmur lura għall-mira tagħna ta’ 2%.
Huwa importanti għall-banek ċentrali li josservaw mill-qrib kif in-nies u n-negozji jaħsbu li l-prezzijiet se jiżdiedu fil-futur – fi kliem ieħor, l-aspettattivi tal-inflazzjoni. Jekk in-nies jemmnu li l-inflazzjoni għolja se ddum, huwa aktar probabbli li jitolbu pagi ogħla, u l-kumpaniji min-naħa tagħhom iżidu l-prezzijiet biex jipproteġu l-profitti tagħhom. B’dan il-mod, l-aspettattivi ta’ inflazzjoni għolja jistgħu jwasslu għal spirall ta’ prezzijiet u pagi li dejjem jogħlew. Mhux se nħallu dan iseħħ.
Billi naġġustaw ir-rati tal-imgħax meta l-inflazzjoni tkun għolja wisq jew baxxa wisq, aħna nagħtu lin-negozji, lill-ħaddiema u lill-investituri kunfidenza li l-inflazzjoni se tkun fir-rata tagħna ta’ 2% fuq żmien medju. Dan l-impenn – li huwa apoġġat minn azzjoni – jgħin biex jiġu ankrati l-aspettattivi li se tinżamm l-istabbiltà tal-prezzijiet. Huwa wkoll raġuni għaliex issa nistgħu nnaqqsu r-rati tal-imgħax b’mod sigur.