Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (flimkien mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)
Jannar 2025
31 ta’ Jannar 2025
Komunikazzjoni esterna
Traduzzjoni tal-kaxex tal-Bullettin Ekonomiku tal-BĊE
Fid-19 ta’ Diċembru 2024, il-Kunsill Governattiv approva arranġamenti ġodda għat-traduzzjoni tal-kaxex tal-Bullettin Ekonomiku fil-lingwi taż-żona tal-euro li permezz tagħhom, il-banek ċentrali nazzjonali responsabbli sejrin jiddeċiedu, fuq bażi volontarja, jekk jittraduċuhomx jew le. Din id-deciżjoni tqis in-natura li qed tevolvi tal-kontenut ta’ dawn il-kaxex u tallinja r-reġim tat-traduzzjoni tagħhom ma’ dak applikabbli għall-artikli. L-arranġamenti l-ġodda, li jibqgħu konformi mal-obbligi statutorji tal-BĊE, sejrin ikunu applikabbli mill-Ħarġa 1/2025 tal-Bullettin Ekonomiku.
Operazzjonijiet tas-suq
Introduzzjoni ta’ qafas armonizzat għal sistemi ta’ valutazzjoni ta’ krediti interni statistiċi
Fid-19 ta’ Diċembru 2024, il-Kunsill Governattiv approva qafas armonizzat għas-sistemi ta’ valutazzjoni tal-krediti interni statistiċi (S-ICASs) tal-banek ċentrali nazzjonali. Ħafna mill-S-ICASs ġew introdotti bi tweġiba għall-pandemija tal-COVID-19 biex jivvalutaw l-affidabbiltà kreditizja ta’ korporazzjonijiet mhux finanzjarji (b’mod partikolari SMEs) permezz ta’ approċċ kwantitattiv. Mill-1 ta’ Jannar 2026, is-S-ICASs sejrin jiġu aċċettati bħala sors ta’ valutazzjoni ta’ kreditu addizzjonali fil-qafas ġenerali, soġġett għall-konformità mal-qafas armonizzat. L-emendi legali meħtieġa sejrin jidħlu fis-seħħ fiċ-ċiklu tal-aġġornament tad-Dokumentazzjoni Ġenerali li jmiss. Ara wkoll l-istqarrija għall-istampa relatata tad-29 ta’ Novembru dwar Bidliet għall-qafas tal-kollateral tal-Eurosistema biex titħaddan aktar armonizzazzjoni.
Approċċ armonizzat għad-determinazzjoni tal-ammonti tas-sanzjonijiet wara żbalji fir-rappurtar jew fil-kalkolu relatati mar-rekwiżiti minimi ta’ riżerva
Fis-7 ta’ Jannar 2025, il-Kunsill Governattiv approva metodoloġija għas-sanzjonar ta’ ksur relatat ma’ rekwiżit tar-riżervi minimi li jaqgħu taħt l-Artikolu 7(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) 2531/98. Mingħajr preġudizzju għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2532/98 tat-23 ta’ Novembru 1998 dwar il-poteri tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimponi sanzjonijiet, il-metodoloġija tarmonizza d-determinazzjoni ta’ sanzjonijiet potenzjali, b’mod partikolari għal ksur tar-rekwiżiti għar-rappurtar tal-obbligazzjonijiet użati għall-kalkolu tal-bażi tar-riżervi għal riżervi minimi jew ksur fil-kalkolu tal-bażi tar-riżervi u/jew ir-riżervi minimi kif speċifikati skont l-Artikoli 3, 5 u/jew 6 tar-Regolament (UE) 2021/378. Il-metodoloġija approvata sejra tiżgura applikazzjoni konsistenti u uniformi tas-sanzjonijiet, b’hekk tiżgura trattament ugwali fost l-istituzzjonijiet ta’ kreditu taż-żona tal-euro, il-konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità fid-determinazzjoni tas-sanzjoni x-xierqa, u t-trasparenza u l-imparzjalità tad-deċiżjonijiet tal-BĊE meta jiġu imposti sanzjonijiet fuq l-istituzzjonijiet. Fl-istess ġurnata, il-Kunsill Governattiv approva wkoll approċċ armonizzat għat-trattament ta’ remunerazzjoni inkorretta li tirriżulta minn riżervi minimi bbażati fuq rappurtar inkorrett jew fuq kalkoli inkorretti li jirriżultaw minn tali ksur.
Il-politika makroprudenzjali u l-istabbiltà finanzjarja
Dikjarazzjoni tal-Kunsill Governattiv dwar politiki makroprudenzjali
Fid-19 ta’ Diċembru 2024, il-Kunsill Governattiv ħa nota ta’ qafas imtejjeb tal-BĊE għall-valutazzjoni tal-buffers kapitali ta’ istituzzjonijiet oħrajn sistemikament importanti (O-SIIs), li jħares lejn l-importanza sistemika ta’ O-SIIs mhux biss fuq il-livell ta’ kull Stat Membru individwali iżda wkoll għall-unjoni bankarja b’mod ġenerali. Il-Kunsill Governattiv approva dikjarazzjoni relatata dwar il-politiki makroprudenzjali, li hija disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE.
Infrastruttura tas-suq u pagamenti
Opinjonijiet tal-BĊE dwar l-awtorizzazzjoni ta’ tokens referenzjati b’assi skont ir-Regolament tas-Swieq fil-Kriptoassi
Fit-30 ta’ Diċembru 2024, il-Kunsill Governattiv approva proċess biex jiżgura ħruġ f’waqtu ta’ opinjonijiet tal-MiCAR tal-BĊE dwar l-awtorizzazzjoni ta’ mittenti ta’ tokens referenzjati b’assi (ARTs) skont ir-Regolament (UE) 2023/1114 dwar is-Swieq fil-Kriptoassi (MiCAR). MiCAR jistabbilixxi qafas armonizzat għal swieq fil-kriptoassi fuq livell tal-Unjoni billi jipprovdi regoli speċifiċi għal kriptoassi u servizzi u attivitajiet relatati li għadhom mhumiex koperti minn atti leġiżlattivi tal-Unjoni dwar servizzi finanzjarji, inkluż ARTs u tokens tal-flus elettroniċi (EMTs). Skont il-MiCAR, il-BĊE jrid joħroġ opinjoni dwar l-awtorizzazzjoni ta’ mittent ta’ ARTS u jrid jittrasmetti tali opinjoni lill-awtorità kompetenti rispettiva fi żmien 20 jum tax-xogħol wara li jirċievi dak l-abbozz tad-deċiżjoni tal-awtorità kompetenti u l-applikazzjoni.
Aġġornament tal-qafas ta’ TIBER-EU
Fit-23 ta’ Jannar 2025, il-Kunsill Governattiv approva qafas ta’ TIBER-EU aġġornat u dokumenti ta’ gwida sabiex dawn jiġu allinjati għal kollox mal-istandards tekniċi regolatorji tal-Att dwar ir-Reżiljenza Operazzjonali Diġitali (DORA) dwar l-ittestjar tal-penetrazzjoni xprunata minn theddid minħabba d-dħul fis-seħħ ta’ DORA fis-17 ta’ Jannar 2025. Il-qafas ta’ TIBER-EU aġġornat u d-dokumenti ta’ gwida huma disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE.
Parir dwar il-leġiżlazzjoni
Opinjoni tal-BĊE dwar l-għoti ta’ assistenza ta’ likwidtà f’emerġenza
Fis-16 ta’ Diċembru 2024, il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2024/40 wara talba ta' Българска народна банка (Bank Nazzjonali tal-Bulgarija).
Opinjoni tal-BĊE dwar it-taxxa fuq id-dħul nett mill-imgħax u mill-kummissjoni ta’ ċerti istituzzjonijiet finanzjarji
Fis-17 ta’ Diċembru 2024, il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2024/41 wara talba tal-Banco de España.
Opinjoni tal-BĊE dwar is-sorveljanza tas-sistemi ta’ pagament
Fit-30 ta’ Diċembru 2024, il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2024/42 wara talba tal-Banco de Portugal.
Opinjoni tal-BĊE dwar is-sorveljanza ta’ fornituri ta’ servizzi finanzjarji li jibgħatu messaġġi
Fis-17 ta’ Jannar 2025, il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2025/1 wara talba tal-Gvernatur tal-Banque Nationale de Belgique/Nationale Bank van België.
Opinjoni tal-BĊE dwar is-sistema ta’ ċibersigurtà nazzjonali
Fl-20 ta’ Jannar 2025, il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2025/2 wara talba mill-Ministeru għall-Affarijiet Diġitali tal-Polonja.
Governanza korporattiva
Mandat rivedut tal-Kumitat tal-Awdituri Interni u tal-Karta tal-Verifika għall-Eurosistema/SEBĊ u l-SSM
Fis-16 ta’ Diċembru 2024, il-Kunsill Governattiv approva mandat rivedut tal-Kumitat tal-Awdituri Interni (IAC), wieħed mill-kumitati tal-Eurosistema/SEBĊ, u Karta tal-Verifika riveduta għall-Eurosistema/SEBĊ u l-SSM. Ir-reviżjonijiet jirriflettu l-Istandards Interni Globali l-ġodda maħruġin mill-Istitut tal-Awdituri Interni, li saru effettivi fid-9 ta’ Jannar 2025. B’mod partikolari, il-mandat u l-karta issa saru dokument wieħed. Il-mandat tal-IAC rivedut u l-Karta tal-Verifika riveduta issa huma disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE.
Mandat rivedut tal-Kumitat tal-Verifika
Fit-30 ta’ Diċembru 2024, il-Kunsill Governattiv approva mandat rivedut tal-Kumitat tal-Verifika u l-pubblikazzjoni tiegħu fis-sit web tal-BĊE. Dan ir-rieżami ad hoc tal-mandat jirrifletti l-Istandards tal-Verifika Interna Globali li daħlu fis-seħħ fid-9 ta’ Jannar 2025 u jinkludu għadd ta’ emendi u kjarifiki ulterjuri dwar aspetti proċedurali u organizzazzjonali. Il-mandat, li jrid jiġi rieżaminat mill-inqas darba kull tliet snin, huwa disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE.
Chairperson tal-Kumitat tal-Verifika tal-BĊE
Is-Sur Klaas Knot, membru tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE, se jassumi l-funzjoni ta’ Chairperson tal-Kumitat tal-Verifika tal-BĊE sat-tmiem tal-mandat tiegħu bħala Gvernatur tad-De Nederlandsche Bank f'Lulju 2025. F’dan ir-rwol, is-Sur Knot se jieħu l-post tas-Sur Stournaras, Gvernatur tal-Bank tal-Greċja.
Titjib tal-iskoperturi finanzjarji komuni relatati mal-klima tal-2025 tal-Eurosistema
Fit-23 ta’ Jannar 2025, il-Kunsill Governattiv approva skoperturi finanzjarji relatati mal-klima tal-Eurosistema komuni aġġornati għal portafoll ta’ politika mhux monetarja bil-għan li jżid ulterjorment it-trasparenza dwar l-iskoperturi tal-portafolji tal-Eurosistema għal riskji klimatiċi u l-marka tal-karbonju tagħhom. Il-bidliet, li jallinjaw l-iskoperturi aktar mill-qrib mal-aqwa standards tas-suq u mar-regolamenti tal-UE, iwessgħu l-iskoperturi u jżidu l-kwalità tagħhom. Jimmarkaw ukoll il-bidu tal-espansjoni tal-iskoperturi, fuq bażi volontarja, f’xi metriċi relatati man-natura.
Karti tal-flus u muniti
Għażla ta’ motifi possibbli għall-karti tal-flus tal-euro futuri
Fid-29 ta’ Jannar 2025, il-Kunsill Governattiv iddeċieda fuq l-għażla ta’ motifi possibbli għall-karti tal-flus tal-euro futuri. Dawn il-motifi huma bbażati fuq iż-żewġ temi magħżulin qabel: “Il-kultura Ewropea: spazji kulturali kondiviżi” u “Xmajjar u għasafar: ir-reżiljenza fid-diversità”. Din id-deċiżjoni hija msawra fuq proċess inklussiv li rċieva feedback mingħand il-pubbliku kif ukoll mingħand gruppi ta’ esperti.
Superviżjoni Bankarja tal-BĊE
Gwida tal-BĊE dwar il-parteċipazzjoni f’kulleġġi superviżorji konsultattivi tal-MiCAR
Fit-18 ta’ Diċembru 2024, il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal abbozz ta’ Gwida tal-BĊE, żviluppata mill-Bord Superviżorju, li tiddeskrivi r-rwol tal-BĊE f’kulleġġi superviżorji konsultattivi għal mittenti sinifikanti ta’ ARTs u EMTs skont MiCAR.
Rapport finali skont ir-Rakkomandazzjoni BERS/2019/18 dwar il-kondiviżjoni ta’ informazzjoni dwar friegħi għal skopijiet makruprudenzjali
Fid-19 ta’ Diċembru 2024, il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għar-rapport finali tal-BĊE, approvat mill-Bord Superviżorju, dwar l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni A - dwar il-kooperazzjoni u l-iskambju ta informazzjoni - u magħmul b’mod konformi mar-Rakkomandazzjoni BERS/2019/18 dwar l-iskambju u l-ġbir ta’ informazzjoni għal skopijiet makruprudenzjali dwar friegħi ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu li jkollhom l-uffiċċju prinċipali tagħhom fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz.
Penali amministrattivi imposti fuq bank wieħed taż-żona tal-euro
Fl-20 ta’ Diċembru 2024, il-BĊE ħabbar li huwa impona penali amministrattiva ta’ €10.4 miljuni lil BNP Paribas Fortis SA/NV talli rrapporta assi mwieżna għar-riskju kkalkulati ħażin. Stqarrija għall-istampa relatata hija disponibbli fuq is-sit web tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.
Il-konformità tal-BĊE mal-Linji Gwida dwar il-kooperazzjoni fuq is-sorveljanza u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej u l-awtoritajiet kompetenti
Fis-6 ta’ Jannar 2025, il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju biex jinnotifika lill-EBA li, għall-istituzzjonijiet sinifikanti taħt is-superviżjoni diretta tiegħu, il-BĊE għandu l-intenzjoni li jikkonforma, sat-30 ta’ April 2025, mal-Linji Gwida dwar il-kooperazzjoni fuq is-sorveljanza u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ESAs) u l-awtoritajiet kompetenti skont ir-Regolament (UE) 2022/2554 (JC 2024-36). Dawn il-Linji Gwida bdew japplikaw mis-17 ta’ Jannar 2025.
Revoka tad-deċiżjonijiet tal-BĊE dwar ir-rappurtar ta’ inċidenti ċibernetiċi u outsourcing
Fis-7 ta’ Jannar 2025, il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju li jadotta żewġ deċiżjonijiet mudell li jirrevokaw deċiżjonijiet dwar ir-rappurtar ta’ inċidenti ċibernetiċi lill-BĊE u dwar il-ġbir tad-dejta fuq arranġamenti ta’ outsourcing. Il-BĊE ddeċieda li jirrevoka dawn id-deċiżjonijiet u li jħaffef il-piż tar-rapportar fuq l-istituzzjonijiet sinifikanti kkonċernati peress li dan il-ġbir ta’ dejta tal-inqas jiddupplika parzjalment l-informazzjoni miġbura skont ir-Regolament (UE) 2022/2554 dwar ir-reżiljenza operazzjonali diġitali għas-settur finanzjarju li sar applikabbli fis-17 ta’ Jannar 2025.
Deċiżjoni tal-BĊE dwar il-kriterji għan-notifika tad-deċiżjonijiet superviżorji rigward testijiet tal-istress superviżorji
Fl-10 ta’ Jannar 2025, il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju li tiġi adottata d-Deċiżjoni BĊE/2025/1 li tistabbilixxi l-kriterji għan-notifika ta’ deċiżjonijiet superviżorji għall-fini ta’ testijiet tal-istress superviżorji. Din id-Deċiżjoni tal-BĊE ta’ applikazzjoni ġenerali hija kkumplimentata minn deċiżjonijiet individwali indirizzati lil entitajiet taħt superviżjoni individwali dwar ir-rappurtar ta’ informazzjoni lill-BĊE fir-rigward test tal-istress superviżorju tal-2025. Informazzjoni aktar dettaljata dwar it-test tal-istress superviżorju 2025, li tħabbar fl-20 ta’ Jannar 2025, hija disponibbli fuq is-sit elettroniku tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.
Gwida tal-BĊE għal entitajiet taħt superviżjoni parteċipanti fit-test tal-istress tal-2025
Fis-17 ta’ Jannar 2025, il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta tal-Bord Superviżorju li jadotta l-Gwida tal-BĊE u l-mudell tal-Assigurazzjoni tal-Kwalità tal-BĊE għat-testijiet tal-istress tal-2025 għall-entitajiet taħt superviżjoni parteċipanti. Din il-linja gwida tikkomplementa l-att legali tal-BĊE ta’ applikazzjoni ġenerali dwar ir-rappurtar tat-test tal-istress (Deċiżjoni BĊE/2025/1 li tistabbilixxi l-kriterji għan-notifika ta’ deċiżjonijiet superviżorji għall-fini ta’ testijiet tal-istress superviżorji) u d-deċiżjonijiet tal-BĊE indirizzati lil banek individwali.
Mistoqsijiet komuni dwar l-approċċ interim tal-BĊE matul EMIR 3
Fit-30 ta’ Jannar 2025, il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju li jadotta komunikazzjoni pubblika tal-approċċ propost u l-kjarifiki operazzjonali relatati għal istituzzjonijiet sinifikanti rigward l-approċċ interim dwar it-trattament ta’ rekwiżiti ta’ marġni inizjali skont ir-Regolament dwar l-Infrastruttura tas-Suq Ewropew (EMIR). Il-“Mistoqsijiet komuni dwar l-approvazzjonijiet tal-mudell tal-marġni inizjali skont EMIR 3”, li huma ppubblikati fuq is-sit web tal-BĊE dwar is-superviżjoni bankarja, jispjegaw l-approċċ interim tal-BĊE matul il-fażi tranżitorja tal-EMIR 3.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja