- Stqarrija għall-istampa
Deċiżjonijiet tal-politika monetarja
9 ta' Ġunju 2022
L-inflazzjoni għolja hija sfida ewlenija għalina lkoll. Il-Kunsill Governattiv se jiżgura li l-inflazzjoni terġa' lura għall-mira tiegħu ta' 2% fuq żmien medju.
F'Mejju l-inflazzjoni reġgħet żdiedet b'mod sinifikanti, prinċipalment minħabba ż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija u tal-ikel, inkluż minħabba l-impatt tal-gwerra. Iżda l-pressjonijiet tal-inflazzjoni twessgħu u intensifikaw ruħhom, bi prezzijiet għal ħafna oġġetti u servizzi jiżdiedu b'mod qawwi. Il-persunal tal-Eurosistema rreveda ’l fuq il-projezzjonijiet tal-linja bażi tal-inflazzjoni tagħhom b’mod sinifikanti. Dawn il-projezzjonijiet jindikaw li l-inflazzjoni se tibqa' għolja b'mod mhux mixtieq għal xi żmien. Madankollu, il-moderazzjoni tal-ispejjeż tal-enerġija, it-tnaqqis tat-tfixkil fil-provvista relatat mal-pandemija u n-normalizzazzjoni tal-politika monetarja huma mistennija li jwasslu għal tnaqqis fl-inflazzjoni. Il-projezzjonijiet il-ġodda tal-persunal jipprevedu inflazzjoni annwali ta’ 6.8% fl-2022, qabel ma hija pproġettata li tonqos għal 3.5% fl-2023 u 2.1% fl-2024 - ogħla mill-projezzjonijiet ta' Marzu. Dan ifisser li l-inflazzjoni totali fi tmiem l-orizzont tal-projezzjoni hija mbassra li tkun kemxejn ogħla mill-mira tal-Kunsill Governattiv. L-inflazzjoni minbarra l-enerġija u l-ikel hija mbassra għal medja ta’ 3.3% fl-2022, 2.8% fl-2023 u 2.3% fl-2024 - ukoll ogħla mill-projezzjonijiet ta’ Marzu.
L-aggressjoni mhux iġġustifikata tar-Russja lejn l-Ukraina tkompli tkun ta’ piż fuq l-ekonomija fl-Ewropa u lil hinn. Qed tfixkel il-kummerċ, qed twassal għal nuqqas ta’ materjali, u qed tikkontribwixxi għal prezzijiet għoljin tal-enerġija u tal-komoditajiet. Dawn il-fatturi se jkomplu jkunu ta’ piż fuq il-kunfidenza u jnaqqsu t-tkabbir, speċjalment fiż-żmien qrib. Madankollu, il-kundizzjonijiet huma fis-seħħ biex l-ekonomija tkompli tikber minħabba l-ftuħ mill-ġdid tal-ekonomija li għaddej, suq tax-xogħol b'saħħtu, appoġġ fiskali u tfaddil li nbena matul il-pandemija. Ladarba l-ostakoli attwali jonqsu, l-attività ekonomika mistennija li terġa' tiżdied. Din il-prospettiva hija riflessa b’mod ġenerali fil-projezzjonijiet tal-persunal tal-BĊE, li jipprevedu li l-PDG reali annwali se jiżdied b’2.8% fl-2022, b’2.1% fl-2023 u b’2.1% fl-2024. Meta mqabbla mal-projezzjonijiet ta' Marzu, il-prospetti ġew riveduti 'l isfel b'mod sinifikanti għall-2022 u l-2023, filwaqt li għall-2024 ġew riveduti 'l fuq.
Fuq il-bażi tal-valutazzjoni aġġornata tiegħu, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jieħu aktar passi għan-normalizzazzjoni tal-politika monetarja tiegħu. Matul dan il-proċess, il-Kunsill Governattiv ser iżomm l-għażla, id-dipendenza fuq id-data, il-gradwaliżmu u l-flessibbiltà fit-tmexxija tal-politika monetarja.
Il-programm ta’ xiri ta’ assi (APP) u l-programm ta’ xiri ta’ emerġenza tal-pandemija (PEPP)
Il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jtemm ix-xiri ta' assi netti taħt il-programm ta' xiri ta' assi (APP) tiegħu mill-1 ta' Lulju 2022. Il-Kunsill Governattiv biħsiebu jibqa’ jinvesti mill-ġdid, kollha kemm huma, il-ħlasijiet ewlenin minn titoli li jimmaturaw u li jkunu nxtraw taħt l-APP għal perijodu estiż ta' żmien lil hinn mid-data meta jibda jgħolli r-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE, u fi kwalunkwe każ sakemm ikun meħtieġ biex jinżammu kundizzjonijiet wiesa’ ta' likwidità u pożizzjoni xierqa tal-politika monetarja.
Fir-rigward tal-programm ta’ xiri ta’ emerġenza tal-pandemija (PEPP), il-Kunsill Governattiv fiħsiebu jinvesti mill-ġdid il-ħlasijiet ewlenin mit-titoli li jimmaturaw mixtrija taħt il-PEPP sa mill-anqas l-aħħar tal-2024. Fi kwalunkwe każ, it-tnedija futura tal-portafoll tal-PEPP se tkun amministrata biex tevita interferenza mal-pożizzjoni xierqa tal-politika monetarja.
Fil-każ ta' frammentazzjoni mill-ġdid tas-suq relatata mal-pandemija, ir-riinvestimenti tal-PEPP jistgħu jiġu aġġustati b'mod flessibbli matul iż-żmien, il-klassijiet tal-assi u l-ġurisdizzjonijiet fi kwalunkwe ħin. Dan jista' jinkludi xiri ta' bonds maħruġa mir-Repubblika Ellenika minbarra r-rollovers ta' tifdijiet sabiex tiġi evitata interruzzjoni tax-xiri f'dik il-ġurisdizzjoni, li tista' tfixkel it-trażmissjoni tal-politika monetarja lill-ekonomija Griega waqt li tkun għadha qed tirkupra mill-konsegwenzi tal-pandemija. Ix-xiri nett taħt il-PEPP jista' jerġa' jibda wkoll, jekk meħtieġ, biex jikkontrobilanċja ix-xokkijiet negattivi relatati mal-pandemija.
Rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE
Il-Kunsill Governattiv għamel reviżjoni bir-reqqa tal-kundizzjonijiet li, skont il-gwida 'l quddiem tiegħu, għandhom jiġu ssodisfatti qabel ma jibda jgħolli r-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE. B'riżultat ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill Governattiv ikkonkluda li dawk il-kundizzjonijiet ġew sodisfatti.
Għaldaqstant, u f’konformità mas-sekwenzjar tal-politika tal-Kunsill Governattiv, il-Kunsill Governattiv għandu l-ħsieb li jgħolli r-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE b’25 punt bażi fil-laqgħa tiegħu dwar il-politika monetarja ta’ Lulju. Fil-frattemp, il-Kunsill Governattiv tal-BĊE ddeċieda li r-rata tal-imgħax fuq l-operazzjonijiet prinċipali ta’ rifinanzjament u r-rati tal-imgħax fuq il-faċilità ta’ self marġinali u fuq il-faċilità tad-depożitu jibqgħu l-istess jiġifieri 0.00%, 0.25% u -0.50% rispettivament.
B'ħarsa 'l quddiem, il-Kunsill Governattiv jistenna li jerġa' jgħolli r-rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE f'Settembru. Il-kalibrazzjoni ta' din iż-żieda fir-rata se tiddependi fuq il-prospetti aġġornati għall-inflazzjoni fuq żmien medju. Jekk il-prospetti għall-inflazzjoni fuq żmien medju jippersistu jew jiddeterjoraw, tkun xierqa żieda akbar fil-laqgħa ta’ Settembru.
Lil hinn minn Settembru, abbażi tal-valutazzjoni attwali tiegħu, il-Kunsill Governattiv jantiċipa li triq gradwali iżda sostnuta ta' żidiet ulterjuri fir-rati tal-imgħax se tkun adattata. F'konformità mal-impenn tal-Kunsill Governattiv għall-mira tiegħu ta' 2% fuq żmien medju, il-pass li bih il-Kunsill Governattiv jaġġusta l-politika monetarja tiegħu se jiddependi fuq id-data li tidħol u kif jivvaluta li l-inflazzjoni se tiżviluppa fi żmien medju.
Operazzjonijiet ta’ rifinanzjament
Il-Kunsill Governattiv se jkompli jimmonitorja l-kundizzjonijiet tal-finanzjament bankarju u jiżgura li l-maturazzjoni tal-operazzjonijiet taħt it-tielet sensiela ta’ operazzjonijiet ta’ rifinanzjament fuq żmien itwal immirati (TLTRO III) ma ttellifx it-trażmissjoni bla xkiel tal-politika monetarja tiegħu. Il-Kunsill Governattiv se jivvaluta wkoll regolarment kif l-operazzjonijiet ta’ self immirat qed jikkontribwixxu għall-pożizzjoni tal-politika monetarja tiegħu. Kif tħabbar qabel, il-kundizzjonijiet speċjali applikabbli taħt TLTRO III se jispiċċaw fit-23 ta' Ġunju 2022.
***
Il-Kunsill Governattiv lest li jaġġusta l-istrumenti kollha tiegħu, bl-inkorporazzjoni tal-flessibbiltà jekk meħtieġ, biex jiġi żgurat li l-inflazzjoni tistabbilizza fil-mira ta’ 2% fuq żmien medju. Il-pandemija wriet li, taħt kundizzjonijiet ta’ stress, il-flessibbiltà fit-tfassil u t-twettiq tax-xiri tal-assi għenu biex tiġi missielta t-trażmissjoni indebolita tal-politika monetarja u għamlu l-isforzi tal-Kunsill Governattiv biex jilħaq l-għan tiegħu aktar effettivi. Fi ħdan il-mandat tal-BĊE, taħt kundizzjonijiet ta’ stress, il-flessibbiltà se tibqa’ element tal-politika monetarja kull meta theddid għat-trażmissjoni tal-politika monetarja jipperikola l-kisba tal-istabbiltà tal-prezzijiet.
Il-President tal-BĊE se tagħti l-fehmiet tagħha fuq ir-raġunijiet li wasslu għal dawn id-deċiżjonijiet f’konferenza stampa li tibda fis-14:30 CET illum.
Għall-kliem eżatt miftiehem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja