Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Ċifri ewlenin

1 Rapport Amministrattiv

1.1 Għan tar-rapport amministrattiv tal-BĊE

Ir-rapport amministrattiv[1] hu parti integrali tal-Kontijiet Annwali tal-BĊE u hu maħsub biex jipprovdi tagħrif kuntestwali għall-qarrejja fir-rigward tar-rapporti finanzjarji.[2] Minħabba li l-attivitajiet u l-operazzjonijiet tal-BĊE jsiru biex isostnu l-għanijiet tal-politika tiegħu, ir-riżultat finanzjarju u l-pożizzjoni finanzjarja tal-BĊE għandhom jitqiesu flimkien mal-azzjonijiet tal-politika tiegħu.

Għal dan il-għan, ir-rapport amministrattiv jippreżenta l-attivitajiet u l-operazzjonijiet ewlenin tal-BĊE, kif ukoll l-impatt tagħhom fuq ir-rapporti finanzjarji tiegħu. Barra dan, janalizza l-iżviluppi ewlenin fil-Karta tal-Bilanċ u l-Kont tal-Profitt u t-Telf matul is-sena u jinkludi tagħrif dwar ir-riżorsi finanzjarji tal-BĊE. Finalment, jiddeskrivi l-ambjent ta' riskju li fih jopera l-BĊE, waqt li jipprovdi tagħrif dwar ir-riskji speċifiċi li l-BĊE hu espost għalihom, u l-politika għall-ġestjoni tar-riskji użata biex ittaffihom.

1.2 Kompiti u attivitajiet ewlenin

Il-BĊE hu parti mill-Eurosistema, li tinkludi, minbarra l-BĊE, il-banek ċentrali nazzjonali (BĊN) tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (UE) li l-munita tagħhom hi l-euro.[3] Il-BĊE għandu l-għan ewlieni li jżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet. Il-BĊE jaqdi l-kompiti tiegħu kif deskritt fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea[4] u fl-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (Statut tal-SEBĊ)[5] (Figura 1). Il-BĊE imexxi l-attivitajiet tiegħu sabiex iwettaq il-mandat tiegħu u mhux bl-intenzjoni li jiġġenera profitt.

Figura 1

Il-kompiti ewlenin tal-BĊE

L-operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema jiġu rreġistrati fir-rapporti finanzjarji tal-BĊE u tal-BĊN , fatt li jirrifletti l-prinċipju tal-implimentazzjoni deċentralizzata tal-politika monetarja fl-Eurosistema. It-Tabella 1 hawn taħt tagħti deskrizzjoni ġenerika tal-operazzjonijiet u l-funzjonijiet ewlenin tal-BĊE mwettqa biex jissodisfa l-mandat tiegħu, u l-impatt tagħhom fuq ir-rapporti finanzjarji tal-BĊE.

Tabella 1

L-attivitajiet ewlenin tal-BĊE u l-impatt tagħhom fuq ir-rapporti finanzjarji tiegħu

Implimentazzjoni tal-politika monetarja

Tmexxija ta’ operazzjonijiet tal-kambju barrani u amministrazzjoni tar-riżervi barranin

Promozzjoni tat-tħaddim bla xkiel tas-sistemi ta’ pagament

Kontribuzzjoni għas-sigurtà u s-solidità tas-sistema bankarja u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja

Oħrajn

1) Aktar dettalji dwar l-istrumenti tal-politika monetarja tal-Eurosistema u b’mod aktar speċifiku dwar l-operazzjonijiet tas-suq miftuħ jinsabu fis-sit web tal-BĊE.
2) Dettalji oħra dwar self ta’ titoli jinsabu fis-sit web tal-BĊE.
3) Dettalji oħra fuq il-linji swap tal-munita jinsabu fis-sit web tal-BĊE.
4) Aktar dettalji dwar l-operazzjonijiet ta’ likwidità f’euro tal-Eurosistema kontra kollateral eliġibbli jinsabu fis-sit web tal-BĊE.
5) Dettalji oħra dwar it-TARGET2 jinsabu fis-sit web tal-BĊE.

1.3 Żviluppi finanzjarji

1.3.1 Karta tal-Bilanċ

Il-Karta tal-Bilanċ tal-BĊE espandiet b’mod sinifikanti fil-perjodu mill-2018 sal-2022, prinċipalment xprunata minn xiri dirett ta’ titoli mill-BĊE fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-politika monetarja tal-Eurosistema (Ċart 1). Billi x-xiri nett taħt il-programm ta’ xiri ta’ assi (APP)[6] waqaf f’Diċembru 2018 u reġa’ beda f’Novembru 2019, it-tkabbir kien moderat fl-2019 u rriżulta prinċipalment minn żidiet fil-valur tas-suq tal-assi ta’ riżervi barranin tal-BĊE u fil-valur tal-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni. Il-muturi ewlenin tal-espansjoni sostanzjali fl-2020 u l-2021 kienu x-xiri nett ta’ titoli taħt l-APP u t-tnedija tal-programm ta’ xiri ta’ emerġenza waqt il-pandemija (PEPP)[7] f’Marzu 2020. Ix-xiri nett ta’ titoli taħt il-PEPP u l-APP twaqqaf fl-aħħar ta’ Marzu 2022 u mill-1 ta’ Lulju 2022, rispettivament, u dan wassal għal żieda iżjed moderata fil-Karta tal-Bilanċ tal-BĊE fl-2022.

Ċart 1

Komponenti ewlenin tal-Karta tal-Bilanċ tal-BĊE

(biljuni ta’ EUR)

Sors: BĊE.

Fl-2022 il-Karta tal-Bilanċ tal-BĊE żdiedet b’€18.7 biljuni għal €698.9 biljuni, l-aktar minħabba s-sehem tal-BĊE fix-xiri ta' titoli fil-programm ta' xiri tal-emerġenza pandemika PEPP u l-APP. Dan ix-xiri rriżulta f'żieda fit-titoli miżmuma għall-għanijiet tal-politika monetarja, waqt li l-ħlas bi flus kontanti għal dan ix-xiri permezz tal-kontijiet tat-TARGET2 wassal għal żieda korrispondenti fl-Obbligazzjonijiet fi ħdan l-Eurosistema. Din iż-żieda fl-obbligazzjonijiet fi ħdan l-Eurosistema kienet ikkumpensata sew bid-dħul ta’ flus kontanti bħala riżultat ta’ depożiti ogħla mal-BĊE minn residenti taż-żona tal-euro, li fl-istess ħin irriżultaw f’żieda f’obbligazzjonijiet oħra.

Iż-żieda fil-valur ekwivalenti għall-euro tal-assi tar-riżervi barranin tal-BĊE u fil-valur tal-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni kkontribwiet ukoll għat-tkabbir tal-Karta tal-Bilanċ tal-BĊE.

Titoli denominati f’euro miżmuma għall-għanijiet tal-politika monetarja kienu jirrappreżentaw 65% tal-assi totali tal-BĊE fi tmiem l-2022. Taħt din il-partita tal-karta tal-bilanċ il-BĊE għandu titoli akkwistati fil-kuntest tal-Programm tas-Swieq tat-Titoli (SMP), is-CBPP3, l-ABSPP u l-PSPP u l-PEPP. It-titoli kollha li jifdal miżmuma taħt l-ewwel u t-tieni programmi ta’ xiri ta’ bonds garantiti (CBPP1 u CBPP2) li mmaturaw matul l-2022.

Abbażi tad-deċiżjonijiet rilevanti tal-Kunsill Governattiv, il-BĊE baqa’ għaddej bix-xiri nett tiegħu ta’ titoli taħt il-PEPP sal-aħħar ta’ Marzu 2022, filwaqt li x-xiri nett taħt l-APP intemm mill-1 ta’ Lulju 2022. Fl-istess ħin, il-pagamenti prinċipali minn titoli li jimmaturaw miżmuma fiż-żewġ portafolli komplew jiġu investiti mill-ġdid għalkollox matul is-sena. B’riżultat ta’ dan ix-xiri u l-investimenti mill-ġdid, il-portafoll ta’ titoli miżmuma mill-BĊE għall-għanijiet tal-politika monetarja żdied bi €11.9 biljun għal €457.3 biljun (Ċart 2), bl-investimenti tal-PEPP u tal-PSPP jiżdiedu bi €9.0 biljun u €8.8 biljun rispettivament. It-tnaqqis ta’ €5.5 biljun fl-investimenti ABSPP kien dovut għal fidi.

F'Diċembru 2022 il-Kunsill Governattiv ħabbar[8] li, mill-bidu ta' Marzu 2023,, il-portafoll tal-APP kien se jonqos b'ritmu meqjus u prevedibbli, billi l-Eurosistema mhux se terġa’ tinvesti l-ħlasijiet prinċipali kollha mit-titoli li jimmaturaw. It-tnaqqis se jammonta għal €15-il biljun fix-xahar bħala medja sa tmiem ta’ Ġunju 2023 u r-ritmu sussegwenti tiegħu se jiġi determinat maż-żmien. Il-Kunsill Governattiv se jkompli jinvesti mill-ġdid, għalkolloxbis-sħiħ, il-ħlasijiet prinċipali minn titoli li jimmaturaw mixtrija taħt il-PEPP sa mill-inqas tmiem l-2024, u se jibqa’ japplika l-flessibbiltà tul iż-żmien, il-klassijiet ta’ assi u l-ġurisdizzjonijiet f’dawn l-investimenti mill-ġdid bil-ħsieb li jiġu miġġielda r-riskji għall-mekkaniżmu ta’ trażmissjoni tal-politika monetarja relatati mal-pandemija tal-coronavirus (COVID-19).

Ċart 2

Titoli miżmuma għall-għanijiet tal-politika monetarja

(biljuni ta’ EUR)

Sors: BĊE.

Għall-programmi attivi ta’ titoli miżmuma għal skopijiet ta’ politika monetarja, jiġifieri l-APP u l-PEPP, titoli miżmuma mill-BĊE fi tmiem tal-2022 kellhom profil ta’ maturità diversifikat[9] (Ċart 3).

Chart 3

Profil tal-maturità tal-APP u l-PEPP

Sors: BĊE.
Nota: Għal titoli sostnuti minn assi l-profil ta’ maturità huwa bbażat fuq it-tul ta’ żmien medju ppeżat tat-titoli aktar milli fuq id-data ta’ maturità legali.

Fl-2022 il-valur totali ekwivalenti f'euro tal-assi tal-BĊE f’riżervi barranin, li jikkonsistu minn deheb, drittijiet speċjali ta' ġbid, dollari Amerikani, yen Ġappuniżi u renminbi Ċiniżi, żdied bi €4.1 biljun għal €84.5 biljun.

Il-valur ekwivalenti f'euro tal-investimenti tal-BĊE f'deheb u ammonti riċevibbli f'deheb żdied bi €1.6 biljun għal €27.7 biljun fl-2022 (Ċart 3), minħabba żieda fil-prezz tas-suq tad-deheb f'termini ta' euro, waqt li d-daqs ta' dawn l-investimenti f'uqiji fini ma nbidilx. Din iż-żieda wasslet ukoll għal żieda ekwivalenti fil-kontijiet ta’ rivalutazzjoni tad-deheb tal-BĊE (ara t-Taqsima 1.3.2 “Riżorsi finanzjarji”).

Ċart 4

Investimenti f’deheb u prezz tad-deheb

(skala tax-xellug: EUR biljuni; skala tal-lemin: euro għal kull uqija fina ta’ deheb)

Sors: BĊE.
Nota: "Kontijiet ta’ rivalutazzjoni tad-deheb" ma tinkludix il-kontribuzzjonijiet tal-banek ċentrali tal-Istati Membri li ssieħbu fiż-żona tal-euro wara l-1 ta' Jannar 1999 għall-kontijiet akkumulati ta’ rivalutazzjoni tad-deheb tal-BĊE fil-jum ta' qabel id-dħul tagħhom fl-Eurosistema.

L-investimenti tal-BĊE f’munita barranija[10] miżmuma f’dollari Amerikani, yen Ġappuniżi u renminbi Ċiniżi, żdiedu f’termini ta’ euro bi €2.0 biljun għal €55.0 biljun (Ċart 5), l-iżjed minħabba d-deprezzament tad-dollaru Amerikan kontra l-euro. Dan l-apprezzament tad-dollaru Amerikan jidher ukoll f'bilanċi iktar ogħla fil-kontijiet ta’ rivalutazzjoni tal-BĊE (ara t-Taqsima 1.3.2 “Riżorsi finanzjarji”).

Ċart 5

Investimenti f’munita barranija

(biljuni ta’ EUR)

Sors: BĊE.

Id-dollaru Amerikan baqa’ l-komponent ewlieni fl-investimenti tal-BĊE f'munita barranija, u rappreżentaw madwar 78% tat-total fi tmiem is-sena 2022.

Il-BĊE jamministra l-investimenti tiegħu f'munita barranija bl-użu ta' approċċ bi tliet stadji. L-ewwel, portafoll referenzjali strateġiku jitfassal mill-maniġers tar-riskju tal-BĊE u jiġi approvat mill-Kunsill Governattiv. It-tieni, il-maniġers tal-portafolli tal-BĊE jfasslu l-portafoll referenzjali tattiku, li jiġi approvat mill-Bord Eżekuttiv. It-tielet, isiru operazzjonijiet ta’ investiment ta’ kuljum b'mod deċentralizzat mill-BĊN fuq bażi ta’ kuljum.

L-investimenti tal-BĊE f'munita barranija jiġu investiti l-aktar f'titoli u f'depożiti tas-suq monetarju jew jinżammu f'kontijiet kurrenti (Ċart 6). It-titoli f'dan il-portafoll jiġu valutati bil-prezzijiet tas-suq tal-aħħar tas-sena.

Ċart 6

Kompożizzjoni tal-investimenti f'munita barranija

(biljuni ta’ EUR)

Sors: BĊE.

L-għan tal-investimenti f'munita barranija tal-BĊE hu li jiffinanzjaw interventi potenzjali fis-suq tal-kambju barrani. Għal din ir-raġuni, l-investimenti tal-BĊE f’munita barranija huma ġestiti skont tliet għanijiet (f’ordni ta’ prijorità): likwidità, sikurezza u ritorn. Għalhekk, dan il-portafoll jinkludi l-aktar titoli b'maturità qasira (Ċart 7).

Ċart 7

Profil tal-maturità tat-titoli denominati f'munita barranija

Sors: BĊE.

Il-valur tal-portafoll tal-fondi proprji baqa’ prattikament l-istess f’livell ta’ €21.1 biljun (Ċart 8) peress li l-muturi ewlenin tiegħu fl-2022 kienu fil-biċċa l-kbira ta’ kumpens reċiproku. L-investiment ta’ ammont totali ugwali għall-ammont trasferit lill-provvediment tal-BĊE għar-riskji finanzjarji fl-2021 u l-ammont imħallas mill-BĊN taż-żona tal-euro fl-2022 fir-rigward tat-tieni pagament tas-sottoskrizzjonijiet miżjuda tagħhom fil-kapital tal-BĊE wara l-ħruġ tal-Bank of England mis-SEBĊ (ara t-Taqsima 1.3.2 “Riżorsi finanzjarji”), żied id-daqs tal-portafoll tal-fondi proprji. Madankollu, din iż-żieda kienet kważi kkumpensata għalkollox bit-tnaqqis fil-valur tas-suq tat-titoli miżmuma f’dan il-portafoll bħala riżultat taż-żieda sinifikanti fir-redditi tal-bonds taż-żona tal-euro (Ċart 16).

Ċart 8

Il-portafoll tal-fondi proprji tal-BĊE

(biljuni ta’ EUR)

Sors: BĊE.

Il-portafoll jikkonsisti l-aktar minn titoli denominati f'euro li jiġu valutati bil-prezzijiet tas-suq ta' tmiem is-sena. Fl-2022 it-titoli tad-dejn tal-gvern ammontaw għal 76% tal-portafoll totali.

Is-sehem tal-investimenti ekoloġiċi fil-portafoll tal-fondi proprji baqa’ jiżdied u minn 7.6 % fi tmiem l-2021 żdied għal 13.1 % fi tmiem l-2022. Il-BĊE qed jippjana li jkompli jżid dan is-sehem fis-snin li ġejjin.[11] Mill-2021, ix-xiri ta’ bonds ekoloġiċi fi swieq sekondarji huwa kkumplimentat minn investimenti fil-fond ta’ investiment f’bonds ekoloġiċi denominati f’euro għall-banek ċentrali mniedi mill-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali f’Jannar 2021.

Il-portafoll tal-fondi proprji tal-BĊE fil-biċċa l-kbira jikkonsisti f’investimenti tar-riżorsi finanzjarji tal-BĊE, jiġifieri l-kapital imħallas u l-ammonti mwarrba fil-fond tar-riżervi u l-provvediment għal riskji finanzjarji. L-għan ta' dan il-portafoll hu li jipprovdi dħul biex jgħin fil-finanzjament tal-ispejjeż operattivi tal-BĊE li m’għandhomx x’jaqsmu mal-konklużjoni tal-kompiti superviżorji tiegħu.[12] Huwa investit f’assi denominati f’euro, soġġett għal-limiti imposti mill-qafas tal-kontroll tar-riskju tiegħu. Dan jirriżulta fi struttura ta' maturità iżjed diversifikata (Ċart 9), minn dik tal-portafoll tar-riżervi narranin.

Ċart 9

Profil tal-maturità tat-titoli tal-fondi proprji tal-BĊE

Sors: BĊE.

Fl-aħħar tal-2022, il-valur totali tal-karti tal-flus euro fiċ-ċirkolazzjoni kien ta’ €1,572.0 biljun, żieda ta’ 1.8% meta mqabbel mal-aħħar tal-2021. Il-BĊE ġie allokat sehem ta’ 8% mit-total tal-valur tal-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni, li ammonta għal €125.8 biljun fl-aħħar tas-sena. Billi l-BĊE ma joħroġx karti tal-flus huwa stess għandu klejms fi ħdan l-Eurosistema fil-konfront tal-BĊN taż-żona tal-euro għal valur ekwivalenti għall-valur tal-karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni.

L-obbligazzjonijiet fi ħdan l-Eurosistema tal-BĊE, li prinċipalment jinkludi l-bilanċ nett tat-TARGET2 tal-BĊN taż-żona tal-euro vis-à-vis il-BĊE u l-obbligazzjonijiet tal-BĊE fir-rigward tal-assi tar-riżervi barranin ittrasferiti lilu mill-BĊN taż-żona tal-euro meta ngħaqdu mal-Eurosistema, naqas b’€ 3.3 biljuni għal €355.5 biljuni fi tmiem l-2022.

L-iżvilupp tal-obbligazzjonijiet fi ħdan l-Eurosistema matul il-perjodu mill-2018 sal-2020, kien immexxi l-aktar mill-evoluzzjoni tal-obbligazzjoni netta tat-TARGET2 bħala riżultat tax-xiri nett tal-BĊE ta’ titoli miżmuma għal skopijiet ta’ politika monetarja, li huma saldati permezz ta’ kontijiet tat-TARGET2 (Ċart 10). Fl-2021 u l-2022, l-impatt tax-xiri ta’ titoli tal-politika monetarja fuq l-obbligazzjoni netta tat-TARGET2 kien ikkumpensat sew minn fatturi oħra. Fl-2022 dawn il-fatturi kienu prinċipalment id-depożiti ogħla ta’ residenti taż-żona tal-euro aċċettati mill-BĊE fir-rwol tiegħu bħala aġent fiskali[13] u l-bilanċi ogħla tas-sistemi anċillari taż-żona tal-euro konnessi mat-TARGET2 permezz tal-komponent TARGET2-BĊE.

Ċart 10

Bilanċ nett TARGET2 u titoli miżmuma għal skopijiet ta' politika monetarja fi ħdan l-Eurosistema

(biljuni ta’ EUR)

Sors: BĊE.

L-obbligi l-oħra tal-BĊE jikkonsisti prinċipalment f’depożiti aċċettati mill-BĊE fir-rwol tiegħu bħala aġent fiskali u l-bilanċi ta’ sistemi anċillari konnessi mat-TARGET2 permezz tal-komponent TARGET2-BĊE. Fl-2022, l-obbligazzjonijiet l-oħra tal-BĊE żdiedu bi €33.2 biljun għal €165.7 biljun, l-aktar minħabba depożiti ogħla ta’ residenti taż-żona tal-euro aċċettati fir-rwol tiegħu bħala aġent fiskali.

1.3.2 Riżorsi finanzjarji

Ir-riżorsi finanzjarji tal-BĊE jikkonsistu fil-kapital tiegħu, kull ammont miżmum fil-provvediment għal riskji finanzjarji u l-fond ta’ riżerva ġenerali, il-kontijiet ta’ rivalutazzjoni u kull qligħ għas-sena. Dawn ir-riżorsi finanzjarji jiġu (i) investiti f’assi li jiġġeneraw dħul u/jew (ii) jintużaw biex ipattu għat-telf. Fil-31 ta’ Diċembru 2022, ir-riżorsi finanzjarji tal-BĊE ammontaw għal total ta' €51.6 biljun (Ċart 11). Dan kien €1.8 biljun ogħla milli kien fl-2021, minħabba (i) iż-żieda fil-kontijiet ta’ rivalutazzjoni bħala riżultat tal-apprezzament tad-dollaru Amerikan kontra l-euro u ż-żieda fil-prezz tas-suq tad-deheb f’termini ta’ euro fl-2022; u (ii) iż-żieda fil-kapital imħallas. Dawn iż-żidiet kienu parzjalment ikkumpensati, l-aktar bit-tnaqqis fil-provvediment għar-riskji finanzjarji, wara l-użu parzjali tiegħu biex ipattu għat-telf imġarrab fl-2022.

Ċart 11

Ir-riżorsi finanzjarji tal-BĊE

(biljuni ta’ EUR)

Sors: BĊE.
Nota: Il-”Kontijiet ta’ rivalutazzjoni” jinkludu l-qligħ totali mir-rivalutazzjoni tal-investiment f'deheb, munita barranija u titoli, iżda jeskludu l-kont tar-rivalutazzjoni għall-benefiċċji ta' wara l-impjieg.

Il-qligħ mhux realizzat mid-deheb u mill-muniti barranin u l-qligħ mhux realizzat fuq titoli li huma soġġetti għar-rivalutazzjoni tal-prezzijiet mhux rikonoxxut bħala dħul fil-Kont tal-Profitt u t-Telf iżda jidħol direttament fil-kontijiet ta’ rivalutazzjoni li jidhru fuq in-naħa tal-obbligazzjonijiet tal-Karta tal-Bilanċ tal-BĊE. Il-bilanċi f'dawn il-kontijiet jistgħu jintużaw biex jassorbu l-impatt ta’ ċaqliq sfavorevoli fil-prezzijiet u/jew fir-rati tal-kambju rispettivi fil-ġejjieni, u b'hekk isaħħu r-reżiljenza tal-BĊE kontra r-riskji bażi. Fl-2022 il-kontijiet ta’ rivalutazzjoni għad-deheb, il-muniti barranin u t-titoli[14] żdiedu bi €3.0 biljun għal €36.1 biljun minħabba l-bilanċi ogħla ta’ rivalutazzjoni għal muniti barranin u deheb, bħala riżultat tal-apprezzament tad-dollaru Amerikan kontra l-euro u ż-żieda fil-prezz tas-suq tad-deheb f’termini ta’ euro (Ċart 12), li kienu parzjalment ikkumpensati bi tnaqqis fil-bilanċi ta' rivalutazzjoni għat-titoli.

Ċart 12

Ir-rati ewlenin tal-kambju barrani u l-prezz tad-deheb matul il-perjodu 2018-22

(bidliet perċentwali vis-à-vis l-2018; data ta’ tmiem is-sena)

Sors: BĊE.

Wara t-tluq tal-Bank of England mis-SEBĊ fl-2020, l-ishma tal-BĊN l-oħra fil-kapital sottoskritt tal-BĊE żdiedu. Il-Kunsill Governattiv iddeċieda li l-BĊN l-oħra jkopru biss il-kapital imħallas irtirat tal-Bank of England ta’ €58 miljun fl-2020 u li l-BĊN taż-żona tal-euro jħallsu għalkollox is-sottoskrizzjonijiet miżjuda tagħhom f’żewġ pagamenti annwali ugwali fl-2021 u fl-2022. Wara l-ħlas tal-aħħar pagament mill-BĊN taż-żona tal-euro, il-kapital imħallas tal-BĊE żdied bi €0.6 biljun għal €8.9 biljun fl-2022.[15]

Fid-dawl tal-espożizzjoni tiegħu għar-riskji finanzjarji (ara t-Taqsima 1.4.1 “Riskji finanzjarji”), il-BĊE jżomm provvediment għar-riskji finanzjarji. Il-provvediment għar-riskju finanzjarju, flimkien mal-ammont miżmum fil-fond ġenerali tar-riżervi tal-BĊE, m’għandhomx jaqbżu l-valur tal-kapital imħallas mill-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro. Id-daqs ta' dan il-provvediment jiġi eżaminat kull sena billi titqies firxa ta’ fatturi, fosthom il-livell ta’ investimenti ta’ assi soġġetti għal riskju, ir-riżultati mbassrin għas-sena li jmiss u valutazzjoni tar-riskju. Wara r-rieżami annwali, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jirrilaxxa €1,627 miljun mill-provvediment għal riskji finanzjarji biex ipatti għat-telf imġarrab fl-2022, u wara dan, ir-riżultat finanzjarju tal-BĊE kien ta’ żero (ara t-Taqsima 1.3.3 “Kont tal-Profitt u t-Telf”). Wara dan ir-rilaxx, id-daqs tal-provvediment għar-riskji finanzjarji naqas għal €6.6 biljun.

1.3.3 Kont tal-Profitt u t-Telf

Wara bosta snin ta’ żidiet, il-qligħ annwali tal-BĊE laħaq l-ogħla livell fl-2019 qabel ma beda jonqos fl-2020. Iċ-ċaqliq fil-qligħ tal-BĊE kien immexxi l-aktar minn bidliet fid-dħul iġġenerat fuq assi ta’ riżervi barranin u fuq titoli miżmuma għall-għanijiet tal-politika monetarja. Fl-2021 kien hemm ukoll trasferiment sinifikanti għall-provvediment għal riskji finanzjarji, li naqqas il-qligħ tal-BĊE b’ammont korrispondenti.

Wara r-rilaxx ta’ €1,627 miljun mill-provvediment għal riskji finanzjarji biex jiġi kkumpensat it-telf imġarrab fl-2022, ir-riżultat finanzjarju tal-BĊE kien żero (2021: €192-il miljun). It-telf irriżulta prinċipalment minn (i) l-ispiża tal-imgħax li tirriżulta mill-obbligazzjoni netta TARGET2 tal-BĊE u (ii) ir-riżultat negattiv minn operazzjonijiet finanzjarji u tnaqqis fil-valur (Ċart 13).

Ċart 13

Komponenti ewlenin tal-Kont tal-Profitt u t-Telf tal-BĊE

(EUR miljuni)

Sors: BĊE.
Nota: “Dħul u spejjeż oħra” tikkonsisti minn “Dħul/spiża netti minn tariffi u kummissjonijiet”, “Dħul mill-ishma azzjonarji u l-interessi azzjonarji”, “Dħul ieħor” u “Spejjeż oħra”.

Id-dħul nett mill-imgħax tal-BĊE naqas bi €666 miljun għal €900 miljun (Ċart 14), l-iżjed minħabba l-ispejjeż tal-imgħax li rriżultaw mill-obbligazzjoni tat-TARGET2 tal-BĊE. L-ispiża tal-imgħax relatata mar-remunerazzjoni tal-klejms tal-BĊN taż-żona tal-euro fir-rigward tar-riżervi barranin trasferiti lill-BĊE kkontribwiet ukoll għal dan it-tnaqqis. Dawn l-ispejjeż tpattew parzjalment minn dħul ogħla mill-imgħax li ġie minn (i) klejms tal-BĊE relatati mal-allokazzjoni tal-karti tal-flus tal-euro fi ħdan l-Eurosistema, (ii) assi ta’ riżervi barranin u (iii) titoli miżmuma għall-għanijiet tal-politika monetarja.

Ċart 14

Dħul nett mill-imgħax

(EUR miljuni)

Sors: BĊE.

Id-dħul nett mill-imgħax iġġenerat fuq titoli miżmuma għall-għanijiet tal-politika monetarja żdied b’€528 miljun għal €1,534 miljun fl-2022 (Ċart 15), l-aktar minħabba d-dħul nett ogħla mill-imgħax li jirriżulta mill-APP (minn titoli miżmuma taħt is-CBPP3, l-ABSPP, u l-PSPP) u d-dħul mill-imgħax nett negattiv aktar baxx fuq il-portafoll tal-PEPP. Id-dħul nett mill-imgħax tal-APP żdied b’€424 miljun għal €1,571 miljun fl-2022, filwaqt li d-dħul mill-imgħax nett negattiv tal-PEPP waqa’ għal €103 miljun minn €252 miljun. Dawn l-iżviluppi kienu prinċipalment xprunati miż-żieda sinifikanti fir-redditu tal-bonds taż-żona tal-euro fl-2022 (Ċart 16), li ppermettiet ix-xiri ta’ titoli taħt iż-żewġ programmi b’redditi ogħla minn redditu storiku tal-portafolli rispettivi. Id-dħul nett mill-imgħax fuq il-portafolli SMP, CBPP1 u CBPP2 naqas bi €45 miljun għal €66 miljun, minħabba t-tnaqqis fid-daqs ta’ dawn il-portafolli bħala riżultat tat-titoli li jimmaturaw.

Ċart 15

Dħul nett mill-imgħax/(spiża) fuq titoli miżmuma għall-għanijiet tal-politika monetarja

(EUR miljuni)

Sors: BĊE.

Ċart 16

Rendimenti tal-bonds tal-gvern ta’ seba’ snin fiż-żona tal-euro

(perċentwali fis-sena; data fl-aħħar tax-xahar)

Sors: BĊE.

Id-dħul mill-imgħax fuq assi f’riżervi barranin żdied bi €602 miljun għal €798 miljun, l-aktar minħabba dħul ogħla mill-imgħax fuq titoli denominati f’dollari Amerikani. Ir-rata medja tal-imgħax li daħal fuq il-portafoll tad-dollaru Amerikan tal-BĊE żdiedet fl-2022 meta mqabbla mas-sena ta’ qabel minħabba (i) il-bejgħ u l-fidi ta’ bonds b’redditu aktar baxx mixtrija fil-passat u (ii) ix-xiri ta’ titoli b’redditu ogħla minħabba ż-żieda fir-redditi tal-bonds f’dollari Amerikani minn tmiem l-2021 (Ċart 17).

Ċart 17

Rendiment tal-bonds tal-gvern fl-Istati Uniti, il-Ġappun u ċ-Ċina

(perċentwali fis-sena; data fl-aħħar tax-xahar)

Sors: Bloomberg u l-BĊE.

Id-dħul mill-imgħax li jirriżulta mill-allokazzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro lill-BĊE u l-ispiża tal-imgħax li tirriżulta mir-remunerazzjoni tal-klejms tal-BĊN fir-rigward ta’ riżervi barranin trasferiti ammontaw għal €736 miljun u €201 miljun rispettivament fl-2022, filwaqt li t-tnejn kienu żero fis-sena ta’ qabel. Il-bidliet kienu r-riżultat ta’ żidiet fir-rata fuq l-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament (MRO), li hija r-rata użata għall-kalkolu tal-imgħax fuq dawn il-bilanċi. Din ir-rata kienet ta’ 0 % minn Marzu 2016, iżda żdiedet gradwalment mis-27 ta’ Lulju 2022 u kienet ta’ 2.5 % fi tmiem is-sena.

L-ispiża netta tal-imgħax li tirriżulta mill-bilanċi tat-TARGET2 dovuti lil/mill-BĊN ammontat għal €2,075 miljun, imqabbla ma’ dħul mill-imgħax ta’ €22 miljun fl-2021. L-ispiża netta tal-imgħax fl-2022 irriżultat mir-remunerazzjoni tal-bilanċi tat-TARGET2 intra-Eurosistema tal-BĊE bir-rata tal-MRO, li bdiet tiżdied fl-2022. Id-dħul mill-imgħax ta’ €22 miljun fl-2021 irriżulta mir-remunerazzjoni tal-bilanċi tat-TARGET2 ta’ BĊN barra ż-żona tal-euro b’rata medja ta’ remunerazzjoni negattiva.

Dħul nett ieħor mill-imgħax naqas, l-aktar minħabba r-remunerazzjoni tad-depożiti aċċettati mill-BĊE fir-rwol tiegħu bħala aġent fiskali. Filwaqt li fl-2021 il-BĊE kiseb introjtu mill-imgħax fuq dawn id-depożiti minħabba r-rata medja negattiva ta’ remunerazzjoni applikata għalihom, fl-2022 il-BĊE ġarrab spiża tal-imgħax peress li r-rati ta’ remunerazzjoni applikabbli saru pożittivi u d-depożiti medji kienu ogħla lejn tmiem is-sena. Dan kien parzjalment ikkumpensat mid-dħul ogħla mill-imgħax li nkiseb fuq il-portafoll tal-fondi proprji bħala riżultat taż-żieda fir-redditi fiż-żona tal-euro (Ċart 16).

Telf nett realizzat li jirriżulta minn operazzjonijiet finanzjarji żdied b’€104 miljun għal €110 miljun fl-2022 (Ċart 18). Dan kien dovut għal telf fil-prezzijiet li sar l-aktar fuq il-bejgħ ta’ titoli denominati f’dollari Amerikani, billi l-valur tas-suq tagħhom kien affettwat b’mod negattiv miż-żieda fir-redditi tal-bonds f’dollari Amerikani matul is-sena (Ċart 17). Dan it-telf seħħ prinċipalment fl-aħħar tliet kwarti tal-2022 (Ċart 19). It-telf realizzat fil-prezz kien parzjalment ikkumpensat minn qligħ realizzat fir-rata tal-kambju, li fil-biċċa l-kbira rriżulta bħala konsegwenza tat-tnaqqis fil-prezz tal-aħħar tas-sena ta’ titoli f’dollari Amerikani.

Ċart 18

Qligħ/telf realizzat minn operazzjonijiet finanzjarji

(EUR miljuni)

Sors: BĊE.

Ċart 19

Qligħ/telf realizzat kull trimestru minn operazzjonijiet finanzjarji fl-2021 u l-2022

(EUR miljuni)

Sors: BĊE.

It-telf mir-rivalutazzjoni mhux realizzat hu spiża fil-forma ta’ tnaqqis fil-valur fit- tmiem is-sena fil-Kont tal-Profitt u t-Telf tal-BĊE. Fl-2022 dan it-tnaqqis fil-valur ammonta għal €1,840 miljun, meta mqabbel ma’ €133 miljun fl-2021 (Ċart 20), u rriżulta prinċipalment mit-tnaqqis fil-valur tas-suq tat-titoli miżmuma fil-portafolli tal-fondi proprji u tad-dollaru Amerikan bħala riżultat taż-żieda sinifikanti fir-redditi korrispondenti.

Ċart 20

Tnaqqis tal-valur ta’ assi u pożizzjonijiet finanzjarji

(EUR miljuni)

Sors: BĊE.

Fil-31 ta’ Diċembru 2022, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jirrilaxxa €1,627 miljun mill-provvediment tal- BĊE għal riskji finanzjarji biex ipatti għat-telf imġarrab fl-2022 (ara t-Taqsima 1.3.2 “Riżorsi finanzjarji”).

L-ispejjeż operattivi totali tal-BĊE, inkluż id-deprezzament u s-servizzi tal-produzzjoni tal-karti tal-flus, żdiedu bi €14 miljun għal €1,224 miljun (Ċart 21). It-tnaqqis meta mqabbel mal-2021 kien prinċipalment dovut għal kostijiet aktar baxxi tal-persunal li jirriżultaw minn gwadanji attwarjali fir-rigward ta’ benefiċċji oħra fit-tul bħala konsegwenza tar-rata ta’ skont ogħla użata għall-valwazzjoni attwarja fi tmiem l-2022. L-ispejjeż amministrattivi żdiedu bi ftit, l-aktar minħabba ritorn gradwali għal-livelli normali ta’ attività wara l-pandemija u s-servizzi tal-IT ġodda u mtejba fis-superviżjoni bankarja.

L-ispejjeż relatati mas-superviżjoni bankarja huma koperti għalkollox permezz ta’ tariffi imposti fuq l-entitajiet taħt superviżjoni. Abbażi tal-ispejjeż attwali mġarrba mill-BĊE fit-twettiq tal-kompiti ta’ superviżjoni bankarji tiegħu, id-dħul mit-tariffi superviżorji għall-2022 kien ta’ €594 miljun.[16]

Ċart 21

Spejjeż operattivi u dħul mit-tariffi superviżorji

(EUR miljuni)

Sors: BĊE.

1.4 Ġestjoni tar-riskji

Il-ġestjoni tar-riskju hi parti kritika tal-attivitajiet tal-BĊE u titwettaq permezz ta' proċess kontinwu ta' (i) identifikazzjoni u valutazzjoni tar-riskji, (ii) analiżi tal-istrateġija u l-politika tar-riskju, (iii) l-implimentazzjoni ta' azzjonijiet li jtaffu r-riskji, u (iv) sorveljanza u rappurtar tar-riskji, kollha sostnuti b'metodoloġiji, proċessi u sistemi effettivi.

Figura 2

Ċiklu tal-ġestjoni tar-riskju

It-taqsimiet li ġejjin jiffokaw fuq ir-riskji, is-sorsi tagħhom u l-oqfsa applikabbli tal-kontroll tar-riskju.

1.4.1 Riskji finanzjarji

Il-Bord Eżekuttiv jipproponi politika u proċeduri li jiżguraw livell xieraq ta' protezzjoni kontra r-riskji finanzjarji li l-BĊE hu espost għalihom. il-Kumitat tal-Ġestjoni tar-Riskju (RMC), li jinkludi esperti mill-banek ċentrali tal-Eurosistema, jikkontribwixxi għas-sorveljanza, il-kejl u r-rappurtar tar-riskji finanzjarji relatati mal-karta tal-bilanċ tal-Eurosistema u jiddefinixxi u jeżamina mill-ġdid il-metodoloġiji u l-oqfsa assoċjati. B'dan il-mod, l-RMC jgħin lill-korpi deċiżjonali biex jiġi żgurat livell xieraq ta' protezzjoni għall-Eurosistema.

Ir-riskji finanzjarji jiġu mill-attivitajiet ewlenin tal-BĊE u mill-iskoperturi assoċjati. L-oqfsa u l-limiti tal-kontroll tar-riskju li juża l-BĊE biex jamministra l-profil tar-riskju tiegħu f’kull tip ta’ operazzjoni, jirriflettu l-għanijiet tal-politika jew tal-investiment tad-diversi portafolli kif ukoll il-karatteristiċi tar-riskju tal-assi bażi.

Biex jissorvelja u jivvaluta r-riskji, il-BĊE juża għadd ta' metodi tekniċi ta' valutazzjoni tar-riskju żviluppati mill-esperti tiegħu. Dawn il-metodi tekniċi huma bbażati fuq qafas konġunt ta’ simulazzjoni tar-riskji tas-suq u tal-kreditu. Il-kunċetti, it-teknika u l-assunzjonijiet tal-mudelli ewlenin li jiffurmaw il-bażi tal-miżuri tar-riskju jużaw standards tal-industrija u dejta tas-suq disponibbli. Ir-riskji huma kwantifikati tipikament bħala l-iżbilanċ mistenni (ES),[17] stmat fil-livell ta' fiduċja ta' 99%, fuq perjodu ta’ sena. Jintużaw żewġ metodi għall-kalkolu tar-riskji: (i) il-metodu tal-kontabilità, fejn il-kontijiet ta' rivalutazzjoni tal-BĊE jitqiesu bħala bafer fl-istimi tal-kalkolu tar-riskju skont ir-regoli applikabbli kollha tal-kontabilità; u (ii) il-metodu finanzjarju, fejn il-kontijiet ta' rivalutazzjoni ma jitqiesux bħala bafer fil-kalkolu tar-riskju. Il-BĊE jikkalkola wkoll miżuri oħra tar-riskju fuq livelli differenti ta' fiduċja, jagħmel analiżijiet ta' sitwazzjonijiet ta' sensittività u stress, u jivvaluta tbassir aktar fit-tul tal-iskoperturi u d-dħul biex ikollu stampa komprensiva tar-riskji.[18]

Ir-riskji totali tal-BĊE żdiedu matul is-sena. Fl-aħħar tal-2022, ir-riskji finanzjarji totali għall-portafolli tal-BĊE kollha flimkien, kif imkejlin bl-ES f’livell ta’ fiduċja ta’ 99% fuq perjodu ta’ sena taħt il-metodu tal-kontabilità, kienu ta’ €16.0 biljun, li kien €0.7 biljun ogħla mir-riskji stmati fi tmiem l-2021 (Ċart 22). Iż-żieda fir-riskji stmati kompliet xejra li bdiet fl-2020 u tirrifletti t-tkabbir tal-portafolli tal-politika monetarja tal-BĊE bħala riżultat tax-xiri tal-assi li sar taħt il-PEPP u l-APP.

Ċart 22

Riskji finanzarji totali (ES 99% approċċ tal-kontabilità)

(biljuni ta’ EUR)

Sors: BĊE.

Ir-riskju għall-kreditu jiġi mill-portafolli tal-politika monetarja tal-BĊE, mill-portafoll tal-fondi proprji tiegħu u mill-investimenti tar-riżervi barranin tiegħu. Waqt li t-titoli miżmuma għall-għanijiet tal-politika monetarja jiġu valutati b’kost amortizzat soġġett għal indeboliment u għalhekk, fin-nuqqas ta' bejgħ, mhumiex soġġetti għal bidliet fil-prezzijiet assoċjati ma' migrazzjoni tal-kreditu, xorta waħda huma soġġetti għal riskju ta' inadempjenza tal-kreditu. Il-fondi proprji denominati f'euro u r-riżervi barranin jiġu valutati bil-prezz tas-suq u, bħala tali, huma soġġetti għar-riskju tal-migrazzjoni tal-kreditu u tal-inadempjenza. Ir-riskju tal-kreditu żdied meta mqabbel mas-sena ta’ qabel minħabba l-espansjoni tal-Karta tal-Bilanċ tal-BĊE permezz ta’ xiri ta’ titoli taħt l-PEPP u l-APP.

Ir-riskju tal-kreditu jittaffa l-iżjed permezz tal-applikazzjoni tal-kriterji tal-eliġibbiltà, tal-proċeduri tad-diliġenza dovuta u l-limiti li jvarjaw fil-portafolli kollha.

Ir-riskji tal-munita u tal-materja prima jiġu mill-investimenti tal-BĊE f'munita barranija u f'deheb. Ir-riskju tal-munita baqa’ stabbli meta mqabbel mal-2021.

Minħabba r-rwol ta' dawn l-assi fil-politika, il-BĊE ma jfittixx li jelimina r-riskji relatati mal-munita u l-materja prima. Minflok, dawn ir-riskji jittaffew permezz tal-kontijiet ta' rivalutazzjoni eżistenti u d-diversifikazzjoni tal-investimenti fil-muniti differenti u d-deheb.

Ir-riżervi barranin tal-BĊE u l-fondi proprji denominati f'euro jiġu investiti l-iżjed f'titoli bi dħul fiss u huma soġġetti għar-riskju tar-rata tal-imgħax valutat skont is-suq, billi jiġu valutati bil-prezzijiet tas-suq. L-investimenti tar-riżervi barranin tal-BĊE huma investiti l-iżjed f'assi b'maturità relattivament qasira (ara Ċart 7 fis-Taqsima 1.3.1 “Karta tal-Bilanċ”), filwaqt li l-assi fil-portafoll tal-fondi proprji ġeneralment ikollhom maturitajiet itwal (ara ċ-Ċart 9 fit-Taqsima 1.3.1 “Karta tal-Bilanċ”). Ir-riskju tar-rata tal-imgħax ta’ dawn il-portafolli, kif imkejjel skont l-approċċ tal-kontabilità, żdied meta mqabbel mal-2021, u dan jirrifletti żviluppi fil-kundizzjonijiet tas-suq.

Ir-riskju tar-rata tal-imgħax valutat skont is-suq jittaffa permezz tal-politika tal-allokazzjoni tal-assi u l-kontijiet ta' rivalutazzjoni.

Il-BĊE hu soġġett ukoll għar-riskju tar-rata tal-imgħax li jirriżulta mid-diskrepanza bejn ir-rata tal-imgħax li jdaħħal fuq l-assi tiegħu u r-rata tal-imgħax li jħallas fuq l-obbligazzjonijiet tiegħu, u dan għandu impatt fuq id-dħul nett tiegħu mill-imgħax. Dan ir-riskju mhuwiex marbut direttament ma’ xi portafoll partikolari, iżda pjuttost mal-istruttura tal-Karta tal-Bilanċ tal-BĊE kollha kemm hi, u b’mod partikolari, l-eżistenza ta’ diskrepanzi fil-maturità u r-redditu bejn l-assi u l-obbligazzjonijiet. Dan jiġi mmonitorjat permezz ta’ projezzjonijiet tal-profittabbiltà tal-BĊE, li jindikaw li l-BĊE, qabel kwalunkwe rilaxx minn jew trasferimenti għall-provvediment għal riskji finanzjarji jista’ jesperjenza telf fit-terminu qasir sa medju, filwaqt li jistenna ritorn għall-qligħ fit-tul.

Din ix-xorta ta' riskju tiġi amminstrata permezz tal-politika tal-allokazzjoni ta' assi u tittaffa ulterjorment bl-eżistenza ta' obbligazzjonijiet mhux remunerati fil-Karta tal-Bilanċ tal-BĊE.

Ir-riskji assoċjati mat-tibdil fil-klima se jiġu inkorporati gradwalment fil-qafas tal-ġestjoni tar-riskju tal-BĊE fis-snin li ġejjin. Fl-2 022 l-Eurosistema wettqet l-ewwel test tal-istress fuq il-klima tal-karta tal-bilanċ tal-Eurosistema[19], li ppermetta li tinkiseb stima preliminari tal-impatt ta’ dan ir-riskju fuq il-Karta tal-Bilanċ tal-BĊE. Fis-snin li ġejjin, l-ittestjar tal-istress fuq il-klima se jitwettaq fuq bażi regolari.

1.4.2 Riskju operattiv

Il-Bord Eżekuttiv hu responsabbli għal, u japprova l-politika u l-qafas tal-ġestjoni tar-risku[20] operattiv (ORM) tal-BĊE. Il-Kumitat għar-Riskju Operattiv (ORC) jgħin lill-Bord Eżekuttiv fil-qadi tar-rwol tiegħu fis-sorveljanza tal-ġestjoni tar-riskji operattiv. L-ORM hu parti integrali mill-istruttura tal-governanza u l-proċessi ta' ġestjoni tal-BĊE.[21]

L-għan ewlieni tal-qafas ORM tal-BĊE hu li jagħti kontribut biex jiżgura li l-BĊE jilħaq il-missjoni u l-għanijiet tiegħu, filwaqt li jħares ir-reputazzjoni u l-assi tiegħu kontra t-telf, l-użu ħażin u d-danni. Fil-qafas tal-ORM, kull qasam ta’ ħidma hu responsabbli biex jidentifika, jivvaluta, jirreaġixxi għal, jirrapporta dwar u jissorvelja r-riskji, l-inċidenti u l-kontrolli operattiv tiegħu. F’dan il-kuntest, il-politika tal-BĊE relatata mat-tolleranza tar-riskju tipprovdi gwida fir-rigward tal-istrateġiji ta’ reazzjoni għar-riskju u l-proċeduri ta’ aċċettazzjoni tar-riskju. Hi marbuta ma’ matriċi ta' riskju ta' ħamsa b’ħamsa abbażi ta’ skali ta’ gradazzjoni tal-impatt u l-probabbiltà bl-applikazzjoni ta’ kriterji kwantitattivi u kwalitattivi.

L-ambjent li fih jopera l-BĊE huwa espost għal theddid dejjem aktar kumpless u interkonness u hemm firxa wiesgħa ta’ riskji operattiv assoċjati mal-attivitajiet ta’ kuljum tal-BĊE. L-oqsma ewlenin ta’ tħassib għall-BĊE jinkludu firxa wiesgħa ta' riskji mhux finanzjarji li jirriżultaw minn nies, sistemi, proċessi u avvenimenti esterni. Konsegwentement, il-BĊE stabbilixxa proċessi biex jiffaċilita ġestjoni kontinwa u effettiva tar-riskji operattiv tiegħu u biex jintegra l-informazzjoni dwar ir-riskju fil-proċess deċiżjonali. Barra minn hekk, il-BĊE jiffoka fuq it-tisħiħ tar-reżiljenza tiegħu u jqis ir-riskji b’mod wiesa’ u l-opportunitajiet minn perspettiva minn tarf sa tarf, inklużi l-aspetti tas-sostenibbiltà. Ġew stabbiliti strutturi ta’ reazzjoni u pjani ta' kontinġenza biex tiġi żgurata l-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi tan-negożju f'każ ta' xi tfixkil jew kriżi.

1.4.3 Riskju tal-kondotta

Il-BĊE għandu Uffiċċju ta’ Konformità u Governanza bħala funzjoni ewlenija tal-ġestjoni tar-riskju biex isaħħaħ il-qafas tal-governanza tal-BĊE sabiex jindirizza r-riskju tal-kondotta.[22] L-għan tiegħu huwa li jappoġġja lill-Bord Eżekuttiv fil-protezzjoni tal-integrità u r-reputazzjoni tal-BĊE, li jippromwovi standards etiċi ta’ mġiba u li jsaħħaħ ir-responsabbiltà u t-trasparenza tal-BĊE. Kumitat indipendenti ta’ Etika jipprovdi pariri u gwida lil uffiċjali għolja tal-BĊE dwar kwistjonijiet ta’ integrità u kondotta u jappoġġa lill-Kunsill Governattiv fil-ġestjoni tar-riskji fil-livell eżekuttiv b’mod xieraq u koerenti. Fil-livell tal-Eurosistema u l-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (SSM) il-Kumitat dwar l-Etika u l-Konformità jaħdem biex tinkiseb implimentazzjoni koerenti tal-oqfsa tal-kondotta għall-BĊN u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (NCAs).

Matul l-2022, il-BĊE espanda l-ġestjoni tar-riskju tal-kondotta tiegħu biex ikopri wkoll ir-riskju tal-kondotta li jirriżulta mir-rikors għal kuntratturi esterni li jappoġġaw il-kompiti tal-BĊE.

2 Rendikonti finanzjarji tal-BĊE

2.1 Karta tal-Bilanċ fil-31 ta' Diċembru 2022

Nota: It-totali fir-rapporti finanzjarji u fit-tabelli inklużi fin-noti jistgħu ma jaqblux minħabba żieda/tnaqqis sal-eqreb euro. Iċ-ċifri 0 u (0) jindikaw ammonti pożittivi jew negattivi mqarrba għal żero, waqt li s-sing (-) jindika żero.

2.2 Kont tal-Profitt u t-Telf għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2022

Frankfurt am Main, 14 ta’ Frar 2023
Bank Ċentrali Ewropew

Christine Lagarde
President

2.3 Politika tal-kontabilità

Forma u preżentazzjoni tar-rapporti finanzjarji

Ir-rapporti finanzjarji tal-BĊE tfasslu skont il-politika ta’ kontabilità li ġejja,[23] li, fil-fehma tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE, jagħtu preżentazzjoni ġusta tar-rapporti finanzjarji u fl-istess ħin jirriflettu n-natura tal-attivitajiet ta’ bank ċentrali.

Prinċipji tal-kontabilità

Ġew applikati l-prinċipji tal-kontabilità li ġejjin: realtà u trasparenza ekonomika, prudenza, għarfien ta’ avvenimenti post karta tal-bilanċ, materjalità, negozju avvjat, prinċipju tad-dovuti, konsistenza u komparabbiltà.

Rikonoxximent tal-assi u l-obbligazzjonijiet

Assi jew obbligazzjoni jidhru fil-Karta tal-Bilanċ biss meta x’aktarx li kull benefiċċju ekonomiku futur marbut magħhom jgħaddi lil jew mingħand il-BĊE, meta sostanzjalment ir-riskji u l-gwadanji kollha assoċjati magħhom ikunu ġew trasferiti lill-BĊE, u meta l-kost jew il-valur tal-assi jew l-ammont tal-obbligazzjoni ikunu jistgħu jiġu kalkulati b’mod affidabbli.

Bażi tal-kontabilità

Il-kontijiet tħejjew abbażi tal-kost storiku, modifikat biex jinkludi l-valutazzjoni tas-suq tat-titoli negozjabbli (barra dawk miżmumin għall-għanijiet tal-politika monetarja), tad-deheb u tal-assi u l-obbligazzjonijiet l-oħra kollha inklużi fil-karta tal-bilanċ u esklużi minnha denominati f’munita barranija.

It-tranżazzjonijiet f’assi u obbligazzjonijiet finanzjarji jidhru fil-kontijiet bid-data meta jkunu ġew konklużi.

Bl-eċċezzjoni tat-tranżazzjonijiet spot f’titoli, it-tranżazzjonijiet fi strumenti finanzjarji denominati f’munita barranija jidħlu fil-kontijiet esklużi mill-karta tal-bilanċ bid-data ta’ meta jkunu saru. Fid-data tal-ħlas, l-entrati esklużi mill-karta tal-bilanċ jiġu riversjati, u t-tranżazzjonijiet jiddaħħlu fil-karta tal-bilanċ. Ix-xiri u l-bejgħ ta’ munita barranija jaffettwa l-pożizzjoni netta f’munita barranija fid-data ta’ meta jkun sar, u r-riżultati realizzati mill-bejgħ jiġu kalkulati wkoll f’din id-data. L-imgħax, il-primjums u l-iskontijiet dovuti relatati mal-istrumenti finanzjarji denominati f’munita barranija jiġu kalkulati u rreġistrati kuljum, u l-pożizzjoni f’munita barranija tiġi affettwata wkoll kuljum minn dawn id-dovuti.

Assi u obbligazzjonijiet f’deheb u f’munita barranija

L-assi u l-obbligazzjonijiet denominati f’munita barranija jinqalbu f’euro bir-rata tal-kambju tad-data tal-karta tal-bilanċ. Id-dħul u l-ispejjeż jinqalbu bir-rata tal-kambju tad-data meta jiġu rreġistrati. Ir-rivalutazzjoni ta’ assi u obbligazzjonijiet tal-kambju barrani, fosthom l-istrumenti inklużi fil-karta tal-bilanċ u esklużi minnha, issir għal kull munita individwali.

Ir-rivalutazzjoni bil-prezz tas-suq ta’ assi u obbligazzjonijiet denominati f’munita barranija tinħadem b’mod separat mir-rivalutazzjoni tar-rata tal-kambju.

Id-deheb jiġi valutat bil-prezz tas-suq prevalenti fid-data tal-karta tal-bilanċ. Ma ssir ebda distinzjoni bejn id-differenzi fir-rivalutazzjoni tal-prezz u tal-munita fil-każ tad-deheb. Minflok, jingħata kont ta’ stima waħda tad-deheb abbażi tal-prezz f’euro għal kull uqija fina ta’ deheb, li, għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2022, kienet derivata mir-rata tal-kambju tal-euro kontra d-dollaru Amerikan fit-30 ta’ Dicembru 2022.

Id-dritt speċjali ta’ kreditu (SDR) jiġi definit f’termini ta’ basket ta’ muniti u l-valur tiegħu jiġi determinat mis-somma ppeżata tar-rati tal-kambju ta' ħames muniti kbar (id-dollaru Amerikan, l-euro, ir-renminbi Ċiniż, il-yen Ġappuniż u l-lira sterlina). L-investimenti tal-BĊE f'SDRs ġew konvertiti f'euro bir-rata tal-kambju tal-euro kontra l-SDR fit-30 ta’ Diċembru 2022.

Titoli

Titoli miżmumin għall-għanijiet tal-politika monetarja
It-titoli miżmumin attwalment għall-għanijiet tal-politika monetarja jidħlu fil-kontijiet b’kost amortizzat soġġett għal indeboliment.

Titoli oħra
It-titoli negozjabbli (barra dawk miżmumin għall-għanijiet tal-politika monetarja) u assi simili jiġu valutati jew bil-prezzijiet medji tas-suq jew abbażi tal-kurva tar-redditi rilevanti fid-data tal-karta tal-bilanċ, għal kull titolu individwali. L-opzjonijiet inkorporati fit-titoli ma jiġux separati għall-għanijiet tal-valutazzjoni. Għas-sena li għalqet fil-31 ta’ Diċembru 2022, intużaw il-prezzijiet medji tas-suq tat-30 ta’ Diċembru 2022.

Fondi ta' investiment negozjabbli jiġu rivalutati fuq bażi netta fuq livell ta' fond, bl-użu tal-valur nett tal-assi tagħhom. Ma jiġi applikat ebda nnettjar bejn qligħ u telf mhux realizzat f'fondi ta' investiment differenti.

Ishma azzjonarji illikwidi u strumenti azzjonarji oħra miżmumin bħala investimenti permanenti jiġu valutati bil-prezz tal-akkwist soġġett għal indeboliment.

Rikonoxximent tad-dħul

Id-dħul u l-ispejjeż jiġu rikonoxxuti fil-perjodu meta jidħlu jew meta jiġġarrbu.[24] Il-qligħ u t-telf realizzat li jirriżulta mill-bejgħ ta’ munita barranija, deheb u titoli jiġi rreġistrat fil-Kont tal-Profitt u t-Telf. Dan il-qligħ u t-telf realizzat jiġi kalkulat b’referenza għall-kost medju tal-assi rispettivi.

Il-qligħ mhux realizzat ma jiġix rikonoxxut bħala dħul u jiġi trasferit direttament f’kont ta’ rivalutazzjoni.

It-telf mhux realizzat jiġi rreġistrat fil-Kont tal-Profitt u t-Telf jekk, fl-aħħar tas-sena, ikun ikbar mill-qligħ tar-rivalutazzjoni preċedenti akkumulat fil-kont ta’ rivalutazzjoni rispettiv. Dan it-telf mhux realizzat fuq kwalunkwe titolu jew munita jew fuq id-deheb ma jiġix innettjat kontra l-qligħ mhux realizzat fuq titoli jew muniti oħra jew deheb. Fil-każ li dan it-telf mhux realizzat minn xi partita rreġistrata fil-Kont tal-Profitt u t-Telf, il-prezz medju ta’ din il-partita jitnaqqas bir-rata tal-kambju jew bil-prezz tas-suq tal-aħħar tas-sena.

It-telf mill-indeboliment jiġi rreġistrat fil-Kont tal-Profitt u t-Telf u ma jiġix riversjat fis-snin ta’ wara ħlief jekk l-indeboliment jonqos u t-tnaqqis jista’ jiġi relatat ma’ avveniment osservabbli li jseħħ wara li l-indeboliment ikun ġie rreġistrat għall-ewwel darba.

Primjums jew skontijiet fuq titoli jiġu amortizzati fuq il-bqija tal-ħajja kuntrattwali tat-titoli.

Tranżazzjonijiet riversjati

It-tranżazzjonijiet riversjati huma operazzjonijiet fejn il-BĊE jixtri jew ibigħ assi bi ftehim ta’ riakkwist jew jagħmel operazzjonijiet ta’ kreditu bil-kollateral.

Fi ftehim ta’ riakkwist, it-titoli jinbiegħu bi flus kontanti bi ftehim li jsir fl-istess ħin biex jerġgħu jinxtraw mingħand il-kontroparti bi prezz miftiehem f’data stabbilita fil-ġejjieni. Kull ftehim ta’ ri-akkwist jidħol fil-kontijiet bħala depożiti kollateralizzati fuq in-naħa tal-obbligazzjonijiet tal-Karta tal-Bilanċ. It-titoli li jinbiegħu bi ftehim bħal dan jibqgħu jidhru fil-Karta tal-Bilanċ tal-BĊE.

Fi ftehim ta’ riakkwist riversjat, it-titoli jinxtraw bi flus kontanti bi ftehim li jsir fl-istess ħin biex jerġgħu jinbiegħu lill-kontroparti bi prezz miftiehem f’data stabbilita fil-ġejjieni. Kull ftehim ta’ ri-akkwist riversjat jidħol fil-kontijiet bħala self kollateralizzat fuq in-naħa tal-obbligazzjonijiet tal-Karta tal-Bilanċ iżda ma jiġix inkluż fl-investimenti tal-BĊE f’titoli.

It-tranżazzjonijiet riversjati (fosthom tranżazzjonijiet ta’ self ta’ titoli) li jsiru fi programm offrut minn istituzzjoni speċjalizzata jidħlu fil-Karta tal-Bilanċ biss meta jiġi provdut kollateral fi flus kontanti u dawn il-flus kontanti jibqgħu ma jiġux investiti.

Strumenti esklużi mill-karta tal-bilanċ

L-istrumenti tal-munita, jiġifieri t-tranżazzjonijiet forward tal-kambju barrani, il-forward legs tas-swaps tal-kambju barrani u strumenti oħra tal-munita li jinvolvu l-kambju minn munita għall-oħra f’data fil-ġejjieni, jiġu inklużi fil-pożizzjoni netta tal-munita barranija biex jiġi kalkulat il-qligħ u t-telf mill-kambju barrani.

L-istrumenti tar-rati tal-imgħax jiġu rivalutati individwalment. Bidliet ta’ kuljum fil-marġni ta’ varjazzjoni tar-rata tal-imgħax ta’ kuntratti futures miftuħin jidħlu fil-Kont tal-Profitt u t-Telf. Il-valutazzjoni tat-tranżazzjonijiet forward f’titoli ssir mill-BĊE u tinħadem b'metodi ta’ valutazzjoni aċċettati b’mod ġenerali bi prezzijiet u rati osservabbli tas-suq, kif ukoll bħala fatturi ta’ skont mid-dati tal-konklużjoni tat-tranżazzjonijiet sad-data tal-valutazzjoni.

Assi fissi

Assi fissi, fosthom assi intanġibbli, iżda bl-esklużjoni tal-artijiet u x-xogħlijiet tal-arti, jiġu valutati bil-prezz tal-akkwist li minnu jitnaqqas id-deprezzament. L-artijiet u x-xogħlijiet tal-arti jiġu valutati bil-prezz tal-akkwist. Il-bini ewlieni tal-BĊE hu valutat bil-prezz tal-akkwist bid-deprezzament imnaqqas u soġġett għall-indeboliment. Għad-deprezzament tal-bini ewlieni tal-BĊE, l-ispejjeż jiġu assenjati lill-komponenti xierqa tal-assi li jiġu deprezzati skont il-kalkolu tal-ħajja utli tagħhom. Id-deprezzament jiġi kalkolat bil-metodu straight-line matul il-ħajja utli mistennija tal-assi, mit-trimestru wara li l-assi jkunu disponibbli għall-użu. Il-ħajja utli applikata għall-kategoriji ewlenin ta’ assi tidher hawn taħt:

Il-perjodu ta’ deprezzament għall-ispiża kapitalizzata fuq it-tiġdid tal-bini relatata mal-bini mikri bħalissa mill-BĊE ġie aġġustat biex jitqiesu l-avvenimenti li jkollhom impatt fuq il-ħajja utli mistennija tal-assi affettwati.

Il-BĊE jwettaq test annwali ta’ indeboliment tal-bini ewlieni tiegħu u assi bid-dritt tal-użu relatati mal-bini tal-uffiċċji (ara "Kirjiet" hawn taħt). Jekk jiġi identifikat indikatur tal-indeboliment u jiġi stmat li l-assi jista' jkun fi stat ta' indeboliment, issir stima tal-ammont rekuperabbli. Telf minħabba indeboliment jiġi reġistrat fil-Kont tal-Profitt u t-Telf jekk l-ammont rekuperabbli jkun inqas mill-valur nett deprezzat.

Assi fissi li jqumu inqas minn €10,000 jiġu kanċellati fis-sena tal-akkwist.

Assi fissi li jikkonformaw mal-kriterji ta’ kapitalizzazzjoni iżda li jkunu għadhom qegħdin jinbnew jew jiġu żviluppati jidħlu taħt l-intestatura “Assi li qegħdin jinbnew”. L-ispejjeż relatati jiġu trasferiti fl-intestaturi rilevanti tal-assi fissi ladarba l-assi jkunu disponibbli biex jintużaw.

Kirjiet

Meta l-kirjiet kollha li jinvolvu assi tanġibbli, l-assi relatat mad-dritt tal-użu u r-responsabbiltà għall-kiri jiġu rikonoxxuti fuq il-Karta tal-Bilanċ fid-data tal-bidu tal-kirja, u inklużi taħt “Assi fissi tanġibbli u intanġibbli” u “Varji” (obbligazzjonijiet)”, rispettivament. Fejn il-kirjiet jikkonformaw mal-kriterji tal-kapitalizzazzjoni, iżda l-assi involut ikun għadu qed jinbena jew jiġi adattat, l-ispejjeż imġarrba qabel id-data tal-bidu tal-kirja jiġu rreġistrati taħt l-intestatura “Assi taħt kostruzzjoni”. L-assi bid-dritt tal-użu u l-obbligazzjoni tal-kiri relatati jiġu rikonoxxuti taħt l-intestaturi rilevanti tal-assi fissi ladarba l-assi jkun disponibbli għall-użu (id-data tal-bidu tal-kirja).

Assi marbuta mad-dritt tal-użu jiġu valutati bil-prezz tal-akkwist bid-deprezzament imnaqqas. Barra minn hekk, assi bid-dritt tal-użu relatati ma' binjiet ta’ uffiċċji huma soġġetti għal indeboliment (fir-rigward tat-test annwali tal-indeboliment, ara “Assi fissi” hawn fuq). Id-deprezzament jiġi kkalkolat fuq bażi straight-line mid-data tal-bidu sa, jew it-tmiem tal-ħajja utli tal-assi bid-dritt ta’ użu jew it-tmiem tal-perjodu tal-kirja, skont liema jiġi l-ewwel.

Ir-responsabbiltà tal-kera titkejjel inizjalment bil-valur preżenti tal-ħlasijiet futuri tal-kera (li jinkludu biss komponenti tal-kirja), skontati bl-użu tar-rata inkrementali tas-self tal-BĊE. Sussegwentement, ir-responsabbiltà tal-kirja titkejjel bi spiża amortizzata bl-użu tal-metodu ta’ imgħax effettiv. L-ispiża tal-imgħax relatatata tiġi rreġistrata fil-Kont tal-Profitt u t-Telf taħt "Spejjeż oħra tal-imgħax". Meta jkun hemm bidla fil-pagamenti tal-kirja futuri li jirriżultaw minn bidla f'indiċi jew rivalutazzjoni oħra tal-kuntratt eżistenti, ir-responsabbiltà tal-kera tiġi mkejla mill-ġdid. Kull kejl mill-ġdid bħal dan jirriżulta f'aġġustament korrispondenti għall-ammont miżmum fil-kotba tal-assi bid-dritt tal-użu.

Kirjiet għal żmien qasir b’tul ta’ 12-il xahar jew inqas u kirjiet ta’ assi ta’ valur baxx taħt €10,000 (konsistenti mal-limitu użat għar-rikonoxximent ta’ assi fissi) jiġu rreġistrati bħala spiża fil-Kont tal-Profitt u t-Telf.

Il-benefiċċji tal-BĊE ta’ wara l-impjieg, benefiċċji oħra fit-tul u benefiċċji tat-terminazzjoni

Il-BĊE jħaddem skemi ta’ benefiċċji definiti għall-persunal tiegħu u għall-membri tal-Bord Eżekuttiv, kif ukoll għall-membri tal-Bord Superviżorju impjegati mill-BĊE.

L-iskema tal-pensjoni tal-persunal hija finanzjata b’assi miżmumin f’fond ta’ benefiċċji fit-tul għall-impjegati. Il-kontribuzzjonijiet obbligatorji li jsiru mill-BĊE u l-persunal huma riflessi fl-istruttura ta’ benefiċċji definiti tal-iskema. Il-persunal jista’ jagħmel kontribuzzjonijiet supplimentari fuq bażi volontarja fi skema ta’ kontribuzzjonijiet definiti li tista’ tintuża biex tipprovdi benefiċċji addizzjonali.[25] Dawn il-benefiċċji addizzjonali jiġu kalkolati bl-ammont tal-kontribuzzjonijiet volontarji flimkien mar-redditi mill-investiment li jiġu minn dawk il-kontribuzzjonijiet.

Hemm provvedimenti mhux finanzjati għall-benefiċċji ta’ wara l-impjieg u benefiċċji oħra fit-tul tal-membri tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE u l-membri tal-Bord Superviżorju impjegati mill-BĊE. Għall-persunal hemm provvedimenti mhux finanzjati għall-benefiċċji ta’ wara l-impjieg minbarra l-pensjonijiet u għal benefiċċji oħra fit-tul u benefiċċji tat-terminazzjoni.

Obbligazzjoni tal-benefiċċji definiti netti
L-obbligazzjoni rikonoxxuta fil-Karta tal-Bilanċ fil-partita “Obbligazzjonijiet Varji” fir-rigward tal-iskemi tal-benefiċċji definiti, inklużi benefiċċji oħra fit-tul u benefiċċji tat-terminazzjoni, hi l-valur attwali tal-obbligu tal-benefiċċji definiti fid-data tal-karta tal-bilanċ, li minnu jitnaqqas il-valur ġust tal-assi tal-iskema użati biex jiffinanzjaw l-obbligu.

L-obbligu tal-benefiċċji definiti jiġi kalkulat kull sena minn attwarji indipendenti bl-użu tal-metodu tal-unità ta’ kreditu prevista. Il-valur attwali tal-obbligu tal-benefiċċji definiti jiġi kalkolat billi l-valutazzjoni tal-likwidità fil-ġejjieni tiġi skontata b’rata determinata b’referenza għar-redditi tas-suq fid-data tal-karta tal-bilanċ ta’ bonds korporattivi ta’ kwalità tajba denominati f’euro li jkollhom l-istess termini ta’ maturità bħal dawk tal-obbligu relatat.

Il-qligħ u t-telf attwarjali jista’ jiġi minn aġġustamenti għall-esperjenza (fejn ir-riżultati attwali jkunu differenti mill-assunzjonijiet attwarjali li jkunu saru qabel) u minn bidliet fil-assunzjonijiet attwarjali.

Kost nett tal-benefiċċji definiti
L-ispiża netta tal-benefiċċji definiti tinqasam f’komponenti li jidħlu fil-Kont tal-Profitt u t-Telf u kalkoli ġodda fir-rigward tal-benefiċċji ta’ wara l-impjieg li jidħlu fil-“Kontijiet ta’ rivalutazzjoni” tal-Karta tal-Bilanċ.

L-ammont nett li jidħol fil-Kont tal-Profitt u t-Telf jiġbor fih:

  1. l-ispiża kurrenti tas-servizz tal-benefiċċji definiti dovuti għal dik is-sena;
  2. l-ispiża tal-imgħoddi tas-servizz tal-benefiċċji definiti li tirriżulta minn emenda fl-iskema;
  3. l-imgħax nett bir-rata ta’ skont fuq l-obbligazzjoni netta tal-benefiċċji definiti;
  4. kalkoli ġodda fir-rigward ta' benefiċċji fit-tul oħrajn u benefiċċji tat-terminazzjoni ta' tul ta' żmien, jekk ikun hemm, fl-intier tagħhom.

L-ammont nett li jidher fil-“Kontijiet ta’ rivalutazzjoni” jinkludi l-partiti li ġejjin:

  1. il-qligħ u t-telf attwarjali fuq l-obbligu tal-benefiċċji definiti;
  2. ir-redditu attwali fuq l-assi tal-iskema, minbarra l-ammonti inklużi fl-imgħax nett fuq l-obbligazzjoni netta tal-benefiċċji definiti;
  3. kwalunkwe bidla fl-effett tal-limitu massimu tal-assi, minbarra l-ammonti inklużi fl-imgħax nett fuq l-obbligazzjoni netta tal-benefiċċji definiti.

Dawn l-ammonti jiġu valutati kull sena minn attwarji indipendenti biex tiġi stabbilita l-obbligazzjoni xierqa fir-rapporti finanzjarji.

Bilanċi fi ħdan is-SEBĊ/bilanċi fi ħdan l-Eurosistema

Il-bilanċi fi ħdan is-SEBĊ jiġu primarjament mill-ħlasijiet transkonfinali fl-Unjjoni Ewropea (UE) li jiġu konklużi f’euro bi flus tal-banek ċentrali. Dawn it-tranżazzjonijiet fil-biċċa l-kbira tagħhom isiru minn entitajiet privati (i.e. istituzzjonijiet ta’ kreditu, korporazzjonijiet u individwi). Jiġu konklużi fit-TARGET2 – Trans-European Automated Real-time Gross settlement Express Transfer system – u joħolqu bilanċi bilaterali fil-kontijiet tat-TARGET2 tal-banek ċentrali tal-UE. Dawn il-bilanċi bilaterali jiġu nnettjati u mbagħad jiġu assenjati kuljum lill-BĊE, biex b'hekk kull bank ċentrali nazzjonali (BĊN) jibqa’ b’pożizzjoni singola bilaterali netta vis-à-vis il-BĊE biss. Pagamenti li jsiru mill-BĊE u li jiġu finalizzati fit-TARGET2 jaffetwaw ukoll il-pożizzjonijiet singoli bilaterali netti. Dawn il-pożizzjonijiet fil-kotba tal-BĊE jirrappreżentaw l-klejm jew l-obbligazzjoni netta ta’ kull BĊN kontra l-bqija tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (SEBĊ). Il-bilanċi fi ħdan l-Eurosistema tal-BĊN taż-żona tal-euro vis-à-vis il-BĊE li jiġu mit-TARGET2, kif ukoll bilanċi oħra fi ħdan l-Eurosistema denominati f’euro (e.g. it-tqassim tal-profitt interim tal-BĊE lill-BĊN, jekk ikun hemm), jiġu preżentati fil-Karta tal-Bilanċ tal-BĊE bħala pożizzjoni waħda netta tal-assi jew tal-obbligazzjonijiet u jidhru fi “Klejms oħra fi ħdan l-Eurosistema (netti)” jew “Obbligazzjonijiet oħra fi ħdan l-Eurosistema (netti)”. Il-bilanċi fi ħdan is-SEBĊ ta’ BĊN barra ż-żona tal-euro vis-à-vis il-BĊE, li jiġu mill-parteċipazzjoni tagħhom fit-TARGET2,[26] jidhru f’“Obbligazzjonijiet ma’ residenti barra ż-żona tal-euro denominati f’euro”.

Il-bilanċi fi ħdan l-Eurosistema mill-allokazzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro fl-Eurosistema jidħlu bħala assi wieħed nett fi “Klejms relatati mal-allokazzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro fi ħdan l-Eurosistema” (ara “Karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni” hawn taħt).

Il-bilanċi fi ħdan l-Eurosistema mit-trasferiment ta’ assi f’riżervi barranin lill-BĊE mill-BĊN li jissieħbu fl-Eurosistema huma denominati f’euro u jidħlu f’“Obbligazzjonijiet ekwivalenti għat-trasferiment ta’ riżervi barranin”.

Karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni

Il-BĊE u l-BĊN taż-żona tal-euro, li flimkien jagħmlu l-Eurosistema, joħorġu l-karti tal-flus tal-euro.[27] Il-valur totali tal-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni jiġi allokat lill-banek ċentrali tal-Eurosistema fl-aħħar jum tax-xogħol ta’ kull xahar skont l-iskema tal-allokazzjoni tal-karti tal-flus.[28]

Il-BĊE ġie allokat sehem ta’ 8% tal-valur totali tal-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni, li jidher fil-Karta tal-Bilanċ fil-partita tal-obbligazzjonijiet “Karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni”. Is-sehem tal-BĊE mill-ħruġ totali ta’ karti tal-flus tal-euro huwa kopert bi klejms fil-konfront tal-BĊN. Dawn il-klejms, li jrendu l-imgħax,[29] jidhru fil-partita “Klejms relatati mal-allokazzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro fi ħdan l-Eurosistema” (ara “Bilanċi fi ħdan is-SEBĊ/bilanċi fi ħdan l-Eurosistema” hawn fuq). Id-dħul mill-imgħax fuq dawn il-klejms jidħol fil-Kont tal-Profitt u t-Telf fil-partita “Dħul mill-imgħax fuq l-allokazzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro fi ħdan l-Eurosistema”.

Tqassim tal-profitt interim

Ammont li jkun daqs id-dħul tal-BĊE mill-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni u d-dħul mit-titoli miżmumin għall-għanijiet tal-politika monetarja mixtrija (i) fil-Programm tas-Swieq tat-Titoli; (ii) fit-tielet programm ta’ xiri ta’ bonds garantiti; (iii) fil-programm ta’ xiri ta’ titoli koperti b’assi; (iv) fil-programm ta’ xiri ta’ assi mis-settur pubbliku; u (v) fil-programm ta’ xiri tal-emerġenza pandemika jitqassam f’Jannar tas-sena ta’ wara permezz ta’ tqassim tal-profitt interim, sakemm il-Kunsill Governattiv ma jiddeċidix mod ieħor.[30] Kull deċiżjoni ta’ dan it-tip għandha tittieħed meta, fuq il-bażi ta’ stima motivata mħejjija mill-Bord Eżekuttiv, il-Kunsill Governattiv ikun jistenna li l-BĊE jkollu telf ġenerali annwali jew jagħmel profitt annwali li jkun inqas minn dan id-dħul. Il-Kunsill Governattiv jista’ jiddeċiedi wkoll li jittrasferixxi dan id-dħul kollu jew parti minnu għal provvediment għal riskji finanzjarji. Barra minn hekk, il-Kunsill Governattiv jista’ jiddeċiedi li jnaqqas l-ammont tad-dħul fuq il-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni li għandu jitqassam f'Jannar bl-ammont tal-ispejjeż imġarrbin mill-BĊE fir-rigward tal-ħruġ u l-ipproċessar tal-karti tal-flus tal-euro.

Avvenimenti post karta tal-bilanċ

Il-valuri tal-assi u l-obbligazzjonijiet jiġu aġġustati għal avvenimenti li jseħħu bejn id-data tal-karta tal-bilanċ annwali u d-data meta l-Bord Eżekuttiv jawtorizza l-preżentazzjoni tal-Kontijiet Annwali tal-BĊE għall-approvazzjoni tal-Kunsill Governattiv, jekk dawn l-avvenimenti jaffettwaw materjalment il-kundizzjoni tal-assi u l-obbligazzjonijiet fid-data tal-karta tal-bilanċ.

Avvenimenti importanti post karta tal-bilanċ li ma jaffettwawx il-kundizzjoni tal-assi u l-obbligazzjonijiet fid-data tal-karta tal-bilanċ jidhru fin-noti.

Bidliet fil-politika tal-kontabilità

Fl-2022 ma kien hemm ebda bidliet fil-politika tal-kontabilità applikata mill-BĊE.

Kwistjonijiet oħra

Skont l-Artikolu 27 tal-Istatut tas-SEBĊ, u abbażi ta’ rakkomandazzjoni tal-Kunsill Governattiv, il-Kunsill tal-UE approva l-ħatra ta’ Baker Tilly GmbH & Co. KG, Wirtschaftsprüfungsgesellschaft, Düsseldorf (Repubblika Federali tal-Ġermanja) bħala l-awdituri esterni tal-BĊE għal perjodu ta’ ħames snin sa tmiem is-sena finanzjarja 2022. Dan il-perjodu ta’ ħames snin jista’ jiġi estiż sa sentejn finanzjarji addizzjonali.

2.4 Noti dwar il-Karta tal-Bilanċ

Nota 1 - Deheb u ammonti riċevibbli f’deheb

Fil-31 ta’ Diċembru 2022 il-BĊE kellu16,229,522 uqija ta’ deheb fin[31], li l-valur tas-suq tagħhom kien jammonta għal €27,689 miljun (2021: €26,121-il miljun). Fl-2022 ma saru ebda tranżazzjonijiet bid-deheb u l-investimenti tal-BĊE għalhekk baqgħu l-istess meta jitqabblu mal-livell tagħhom fil-31 ta’ Diċembru 2021. Iż-żieda fil-valur ekwivalenti f’euro ta’ dawn l-investimenti kien dovut għaż-żieda fil-prezz tas-suq għad-deheb f'termini ta' euro (ara “Assi u obbligazzjonijiet f’deheb u f’munita barranija” fit-Taqsima 2.3 “Politika tal-kontabilità” u n-nota 15 “Kontijiet ta’ rivalutazzjoni”).

Nota 2 - Klejms fuq residenti barra ż-żona tal-euro u taż-żona tal-euro denominati f’munita barranija

Nota 2.1 - Ammonti riċevibbli mill-FMI

Dan l-assi jirrappreżenta l-investimenti tal-BĊE f’SDRs (drittijiet speċjali ta’ kreditu) u kien jammonta għal €1,759 miljun fid-data tal-31 ta’ Diċembru 2022 (2021: €1,234-il miljun). Dan joħroġ mir-riżultat ta’ arranġament kummerċjali reċiproku volontarju mal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) ta’ xiri u bejgħ ta’ SDRs fejn l-FMI huwa awtorizzat jorganizza bejgħ jew xiri ta’ SDRs bl-euro, f’isem il-BĊE, fi ħdan livelli minimi u massimi ta’ investiment. Għall-għanijiet tal-kontabilità, l-SDRs jitqiesu bħala munita barranija (ara “Assi u obbligazzjonijiet f’deheb u f’munita barranija” fit-Taqsima 2.3 “Politika tal-kontabilità”). L-investimenti tal-BĊE ta’ SDRs żdiedu fl-2022, prinċipalment bħala riżultat ta’ tranżazzjoni li saret fil-kuntest tal-arranġament kummerċjali volontarju msemmi hawn fuq.

Nota 2.2 - Bilanċi ma’ banek u investimenti f’titoli, self estern u assi esterni oħra; u klejms fil-konfront ta’ residenti taż-żona tal-euro denominati f’munita barranija

Dawn iż-żewġ partiti jikkonsistu f’bilanċi ma’ banek u self denominat f’munita barranija, u f’investimenti f’titoli denominati f’dollari Amerikani, yen Ġappuniżi u renminbi Ċiniżi.

Il-valur totali ta' dawn il-partiti żdied fl-2022, l-iżjed minħabba l-apprezzament tad-dollaru Amerikan kontra l-euro.

L-investimenti netti tal-BĊE f’munita barranija,[32] kienu kif ġej:

Ma saru ebda interventi tal-kambju barrani matul l-2022.

Nota 3 - Klejms fil-konfront ta’ residenti barra ż-żona tal-euro denominati f’euro

Nota 3.1 - Bilanċi ma’ banek, investimenti f’titoli u self

Fil-31 ta’ Diċembru 2022 ma kien hemm ebda bilanċ taħt din il-partita, filwaqt li fi tmiem l-2021 din il-partita kienet tikkonsisti fi klejm ta’ €3,070 miljun fir-rigward tal-arranġamenti tal-faċilità ta’ likwidità bejn l-Eurosistema u l-banek ċentrali barra ż-żona tal-euro.[33]

Nota 4 - Klejms oħra fil-konfront ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu taż-żona tal-euro denominati f’euro

Fil-31 ta’ Diċembru 2022 din il-partita kienet tikkonsisti mill-bilanċi tal-kont kurrenti ma’ residenti taż-żona tal-euro li kienu jammontaw għal €12-il miljun (2021: €38-il miljun).

Nota 5 - Titoli ta’ residenti taż-żona tal-euro denominati f’euro

Nota 5.1 - Titoli miżmuma għall-għanijiet tal-politika monetarja

Fil-31 ta’ Diċembru 2022 din il-partita kienet tikkonsisti f’titoli akkwistati mill-BĊE fil-kuntest tal-Programm tas-Swieq tat-Titoli (SMP), it-tielet programm ta’ xiri ta’ bonds garantiti (CBPPs), il-programm ta’ xiri ta’ titoli koperti b’assi (ABSPP), il-programm ta’ xiri mis-settur pubbliku (PSPP) u l-programm ta’ xiri tal-emerġenza pandemika (PEPP).

It-titoli kollha miżmuma taħt l-ewwel u t-tieni programm ta’ xiri ta’ bonds garantiti (CBPP1 u CBPP2) immaturaw matul l-2022, u għalhekk il-BĊE u l-BĊN taż-żona tal-euro ma kellhomx investimenti f’dawn it-titoli fil-31 ta’ Diċembru 2022.

1) Aktar kriterji ta’ eliġibbiltà għall-programmi speċifiċi jinsabu fid-deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv.
2) Titoli ta’ dejn pubbliku maħruġa minn ħames teżoreriji taż-żona tal-euro biss inxtraw taħt l-SMP.
3) Il-BĊE ma jakkwistax titoli fil-programm ta’ xiri mis-settur korporattiv (CSPP).
4) Deroga tar-rekwiżiti tal-eliġibbiltà ingħatat għal titoli maħruġa mill-Gvern Grieg.

Matul l-ewwel trimestru tal-2022 l-Eurosistema baqgħet għaddejja bix-xiri nett tagħha taħt il-programm ta’ xiri ta’ assi (APP)[34] b’ritmu ta’ €20 biljun kull xahar bħala medja. F’Marzu 2022 il-Kunsill Governattiv iddeċieda[35] li jirrevedi l-ammonti tax-xiri nett għal €40 biljun f’April, €30 biljun f’Mejju u €20 biljun f’Ġunju, u f’Ġunju 2022 il-Kunsill Governattiv iddeċieda[36] li jtemm ix-xiri nett ta’ assi taħt l-APP mill-1 ta’ Lulju 2022. Il-Kunsill Governattiv biħsiebu[37] jibqa’ jerġa’ jinvesti, bis-sħiħ, il-pagamenti prinċipali mit-titoli li jimmaturaw sal-aħħar ta’ Frar 2023. Imbagħad, il-portafoll tal-APP se jonqos b’ritmu meqjus u prevedibbli, billi l-Eurosistema mhux se terġa’ tinvesti l-ħlasijiet prinċipali kollha mit-titoli li jimmaturaw. It-tnaqqis se jammonta għal €15-il biljun kull xahar bħala medja sa tmiem ta’ Ġunju 2023 u r-ritmu sussegwenti tiegħu se jiġi determinat maż-żmien. Il-Kunsill Governattiv se jerġa’ jivvaluta regolarment ir-ritmu tat-tnaqqis tal-portafoll tal-APP biex jiżgura li jibqa’ konsistenti mal-istrateġija u l-pożizzjoni ġenerali tal-politika monetarja, biex jippreserva l-funzjonament tas-suq, u jżomm kontroll sod fuq il-kundizzjonijiet tas-suq tal-flus fuq żmien qasir.

Barra minn hekk, matul l-ewwel trimestru tal-2022 l-Eurosistema baqgħat għaddejja bix-xiri nett ta’ assi taħt il-PEPP[38], għalkemm b’ritmu aktar baxx minn dak tat-trimestru preċedenti, skont id-deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv f’Diċembru 2021[39]. Abbażi tal-istess deċiżjoni, xiri nett tal-PEPP twaqqaf fl-aħħar ta’ Marzu 2022. Il-Kunsill Governattiv biħsiebu jerġa’ jinvesti, bis-sħiħ, il-ħlasijiet prinċipali mit-titoli li jimmaturaw mixtrija taħt il-PEPP sa mill-anqas l-aħħar tal-2024. Il-Kunsill Governattiv se jibqa’ japplika l-flessibbiltà tul iż-żmien, il-klassijiet ta’ assi u l-ġurisdizzjonijiet fl-investimenti mill-ġdid, bil-ħsieb li jiġġieled kontra r-riskji għall-mekkaniżmu tat-trażmissjoni tal-politika monetarja relatati mal-pandemija. It-tnedija futura tal-portafoll tal-PEPP se tkun amministrata biex tevita interferenza mal-pożizzjoni xierqa tal-politika monetarja.

It-titoli akkwistati f’dawn il-programmi jiġu valutati fuq bażi tal-kost amortizzat soġġett għal indeboliment (ara “Titoli” fit-Taqsima 2.3 “Politika tal-kontabilità”).

Il-kost amortizzat tat-titoli miżmumin mill-BĊE kif ukoll il-valur tas-suq tagħhom[40] (li ma jidħolx fil-Karta tal-Bilanċ jew fil-Kont tal-Profitt u t-Telf u qed ingħata għal finijiet ta’ tqabbil biss) kienu kif ġej:

Il-valur tal-kost amortizzat tat-titoli miżmuma mill-BĊE nbidel matul is-sena kif ġej:

1) "Skont/(primjum) nett" jinkludi qligħ/(telf) nett realizzat, jekk ikun hemm.

Il-Kunsill Governattiv jivvaluta regolarment ir-riskji finanzjarji assoċjati mat-titoli miżmumin f’dawn il-programmi.

F’dan il-kuntest, it-testijiet tal-indeboliment isiru kull sena bl-użu ta’ data ta’ tmiem is-sena, u jiġu approvati mill-Kunsill Governattiv. F’dawn it-testijiet, l-indikaturi tal-indeboliment jiġu valutati separatament għal kull programm. Fil-każijiet fejn jiġu osservati indikaturi tal-indeboliment, issir analiżi oħra biex tikkonferma li l-flussi tal-likwidità tat-titoli bażi ma jkunux ġew affettwati minn avveniment ta’ indeboliment. Skont ir-riżultati tat-testijiet tal-indeboliment ta’ din is-sena, ma ġie reġistrat ebda telf mill-BĊE fuq it-titoli miżmumin fil-portafolli tiegħu tal-politika monetarja fl-2022.

Il-valur tal-kost amortizzat tat-titoli miżmuma mill-Eurosistema kien kif ġej:

Nota: Iċ-ċifri tal-“BĊN taż-żona tal-euro” huma preliminari u jistgħu jkunu soġġetti għal reviżjoni, li tirriżulta wkoll f'bidla ekwivalenti fiċ-ċifri tat-“Total Eurosistema”.

Nota 6 - Klejms fi ħdan l-Eurosistema

Nota 6.1 - Klejms relatati mal-allokazzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro fi ħdan l-Eurosistema

Din il-partita tikkonsisti fil-klejms tal-BĊE vis-à-vis il-BĊN taż-żona tal-euro relatati mal-allokazzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro fl-Eurosistema (ara “Karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni” fit-Taqsima 2.3 “Politika tal-kontabilità”) u li fil-31 ta’ Diċembru 2022 kienu jammontaw għal €125,763 miljun (2021: €123,551 miljun). Ir-remunerazzjoni ta’ dawn il-klejms tiġi kkalkulata kuljum bl-aħħar rata tal-imgħax disponibbli użata mill-Eurosistema fis-sejħiet tagħha għall-offerti għall-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament (ara n-nota 23.2 “Dħul mill-imgħax tal-allokazzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro fi ħdan l-Eurosistema”).

Nota 7 - Assi oħra

Nota 7.1 - Assi fissi tanġibbli u intanġibbli

Dawn l-assi jinkludu l-partiti li ġejjin:

Fir-rigward tal-bini ewlieni tal-BĊE u l-bini fejn hemm l-uffiċċji bid-dritt tal-użu, fl-aħħar tas-sena sar test tal-indeboliment u ma ġie reġistrat ebda telf minħabba indeboliment.

Nota 7.2 - Assi finanzjarji oħra

Din il-partita tikkonsisti prinċipalment mill-portafoll tal-fondi proprji tal-BĊE, li fil-biċċa l-kbira jikkonsisti minn investimenti tar-riżorsi finanzjarji tal-BĊE, jiġifieri l-kapital imħallas u ammonti mwarrba fil-fond tar-riżervi ġenerali u l-provvediment għar-riskji finanzjarji. Din tinkludi wkoll 3,211-il sehem fil-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali (BIS) bil-prezz tal-akkwist ta’ €42 miljun u kontijiet kurrenti oħra denominati f’euro.

Il-komponenti ta’ din il-partita kienu kif ġej:

Iż-żieda netta f’din il-partita fl-2022 kienet primarjament dovuta għall-investiment fil-portafoll tal-fondi proprji tal-BĊE ta’ ammont totali ugwali għall-ammont trasferit għall-provvediment tal-BĊE għal riskji finanzjarji fl-2021 u għall-ammont imħallas mill-BĊN taż-żona tal-euro fl-2022 fir-rigward tat-tieni pagament tas-sottoskrizzjonijiet miżjuda tagħhom fil-kapital tal-BĊE (ara n-nota 16 “Kapital u riżervi”). Iż-żieda f’din il-partita ġiet fil-biċċa l-kbira kumpensata, l-aktar bit-tnaqqis fil-valur tas-suq tat-titoli denominati f’euro miżmuma fil-portafoll tal-fondi proprji tal-BĊE.

Nota 7.3 - Differenzi fir-rivalutazzjoni ta’ strumenti esklużi mill-karta tal-bilanċ

Din il-partita tikkonsisti f’bidliet fil-valutazzjoni tat-tranżazzjonijiet swap u forward f’munita barranija li kienu pendenti fil-31 ta’ Diċembru 2022 (ara n-nota 20 “Tranżazzjonijiet swap u forward tal-kambju barrani”). Dawn il-bidliet fil-valutazzjoni ammontaw għal €783 miljun (2021: €620 miljun) u huma r-riżultat tal-konverżjoni ta' tranżazzjonijiet simili fl-ekwivalenti tagħhom f’euro bir-rati tal-kambju tad-data tal-karta tal-bilanċ, imqabblin mal-valuri f’euro li jirriżultaw mill-konverżjoni tat-tranżazzjonijiet bil-prezz medju tal-munita barranija rispettiva f’dik id-data (ara “Strumenti esklużi mill-karta tal-bilanċ” u “Assi u obbligazzjonijiet f’deheb u f’munita barranija” fit-Taqsima 2.3, “Politika tal-kontabilità”).

Nota 7.4 - Dovuti u spejjeż imħallsin bil-quddiem

Din il-partita kienet tinkludi l-komponenti li ġejjin:

Fil-31 ta’ Diċembru 2022 l-akbar komponent ta’ din il-partita kien imgħax akkumulat fuq strumenti finanzjarji prinċipalment minn imgħax tal-kupun fuq titoli, inkluż imgħax pendenti mħallas mal-akkwist (ara n-nota 2.2 “Bilanċi ma’ banek u investimenti f’titoli, self estern u assi esterni oħra; u klejms fil-konfront ta’ residenti taż-żona tal-euro denominati f’munita barranija”, in-nota 5 “Titoli ta’ residenti taż-żona tal-euro denominati f’euro” u n-nota 7.2 “Assi finanzjarji oħra”).

Kien jinkludi wkoll imgħax akkumulat riċevibbli fuq bilanċi TARGET2 dovuti minn BĊN taż-żona tal-euro għal Diċembru 2022 (ara n-nota 12.2 “Obbligazzjonijiet oħra fi ħdan l-Eurosistema (netti)”) u imgħax akkumulat riċevibbli mingħand BĊN taż-żona tal-euro għall-aħħar trimestru tal-2022 fir-rigward tal-klejms tal-BĊE relatati mal-allokazzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro fi ħdan l-Eurosistema (ara n-nota 6.1 “Klejms relatati mal-allokazzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro fi ħdan l-Eurosistema”). Dawn l-ammonti tħallsu f’Jannar 2023.

Id-dħul akkumulat relatat mal-kompiti superviżorji jikkorrispondi għat-tariffi superviżorji li għandhom jitħallsu għall-perjodu tariffarju 2022. Dan l-ammont se jinġabar fl-2023 (ara n-nota 26 “Dħul/spiża netti minn tariffi u kummissjonijiet”).[41]

Din il-partita tinkludi (i) ħlasijiet varji bil-quddiem; (ii) dħul akkumulat minn proġetti komuni tal-Eurosistema (ara n-nota 28, “Dħul ieħor”); u (iii) dħul akkumulat mill-imgħax fuq assi u obbligazzjonijiet finanzjarji oħra.

Nota 7.5 - Varji

Fil-31 ta’ Diċembru 2022 din il-partita ammontat għal €438 miljun (2021: €749 miljun) u kienet tinkludi prinċipalment bilanċi b’valur ta’ €349 miljun (2021: €573 million) relatati ma' tranżazzjonijiet swap u forward f’munita barranija li kienu pendenti fil-31 ta’ Diċembru 2022 (ara n-nota 20, “Tranżazzjonijiet swap u forward tal-kambju barrani”). Dawn il-bilanċi ħarġu mill-konverżjoni ta’ tranżazzjonijiet simili fl-ekwivalenti f’euro bil-prezz medju tal-munita rispettiva fid-data tal-karta tal-bilanċ, imqabbel mal-valuri f’euro li bihom it-tranżazzjonijiet daħlu fil-kontijiet għall-ewwel darba (ara “Strumenti esklużi mill-karta tal-bilanċ” fit-Taqsima 2.3 “Politika tal-kontabilità”).

Nota 8 - Karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni

Din il-partita tikkonsisti mis-sehem tal-BĊE (8%) mit-total tal-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni (ara “Karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni” fit-Taqsima 2.3 “Politika tal-kontabilità”) u li fil-31 ta’ Diċembru 2022 kienet tammonta għal €125,763 miljun (2021: €123,551 miljun).

Nota 9 - Obbligazzjonijiet oħra ma’ istituzzjonijiet ta’ kreditu taż-żona tal-euro denominati f’euro

Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom il-possibbiltà li jaċċettaw flus kontanti bħala kollateral fil-faċilitajiet tagħhom ta’ self ta’ titoli fil-PSPP u s-settur pubbliku PEPP, bla ma jkollhom jerġgħu jinvestuhom. Fil-każ tal-BĊE, dawn l-operazzjonijiet isiru permezz ta’ istituzzjoni speċjalizzata.

Fil-31 ta’ Diċembru 2022 il-valur pendenti ta' tranżazzjonijiet bħal dawn ta' self kontra kollateral fi flus kontanti li saru ma' istituzzjonijiet ta' kreditu taż-żona tal-euro kien ta' €17,734 miljun (2021: €9,473 miljun). Il-flus kontanti aċċettati bħala kollateral ġew trasferiti f'kontijiet tat-TARGET2. Billi l-flus kontanti baqgħu ma ġewx investiti sa tmiem is-sena, dawn it-tranżazzjonijiet daħlu fil-Karta tal-Bilanċ (ara “Tranżazzjonijiet riversjati” fit-Taqsima 2.3 “Politika tal-kontabilità”).[42]

Nota 10 - Obbligazzjonijiet ma’ residenti oħra taż-żona tal-euro denominati f’euro

Nota 10.1 - Amministrazzjoni pubblika

Fil-31 ta’ Diċembru 2022, din il-partita ammontat għal €48,520 miljun (2021: €3,200 miljun) u kienet tinkludi depożiti tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES) u l-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja (EFSF). Skont l-Artikolu 21 tal-Istatut tas-SEBC, il-BĊE jista’ jaġixxi bħala aġent fiskali għal istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji tal-Unjoni, gvernijiet ċentrali, reġjonali, lokali jew awtoritajiet pubbliċi oħra, korpi oħra regolati bil-liġi pubblika, jew intrapriżi pubbliċi ta’ Stati Membri.

Nota 10.2 – Obbligazzjonijiet oħrajn

Din il-partita tikkonsisti f’bilanċi tas-sistemi anċillari taż-żona tal-euro[43] konnessi mat-TARGET2 permezz tal-komponent TARGET2-BĊE, li fil-31 ta’ Diċembru 2022 kienet tammonta għal €15,343 miljun (2021: €4,404 miljun).

Nota 11 - Obbligazzjonijiet lejn residenti barra ż-żona tal-euro denominati f’euro

Din il-partita kienet tinkludi l-komponenti li ġejjin:

Fil-31 ta’ Diċembru 2022 l-akbar komponent ta’ din il-partita kienu l-bilanċi TARGET2, li jikkonsistu fil-bilanċi tat-TARGET2 ta’ BĊN barra ż-żona tal-euro vis-à-vis il-BĊE (ara “Bilanċi fi ħdan is-SEBĊ/bilanċi fi ħdan l-Eurosistema” fit-Taqsima 2.3 “Politika tal-kontabilità”) u tas-sistemi anċillari barra ż-żona tal-euro konnessi mat-TARGET2 permezz tal-komponent TARGET2-BĊE. It-tnaqqis f'dawn il-bilanċi fl-2022 jikkorrispondi għal bilanċi aktar baxxi tas-sistemi anċillari barra ż-żona tal-euro.

Din il-partita kienet tinkludi bilanċi relatati mal-amministrazzjoni tal-attivitajiet ta’ self u għoti ta’ self tal-UE, fejn il-BĊE jaġixxi bħala aġent fiskali għall-Kummissjoni Ewropea (ara n-nota 21 “Amministrazzjoni ta’ operazzjonijiet ta’ self u għoti ta’ self”).

Din tinkludi wkoll bilanċi minn tranżazzjonijiet pendenti ta’ self ta’ titoli fil-PSPP u titoli tas-settur pubbliku PEPP li jkunu saru ma’ istituzzjonijiet ta’ kreditu barra ż-żona tal-euro, fejn daħlu flus kontanti bħala kollateral u li ġew trasferiti għall-kontijiet tat-TARGET2 (ara n-nota 9, “Obbligazzjonijiet oħra lejn istituzzjonijiet ta’ kreditu taż-żona tal-euro denominati f’euro”).

Il-bqija ta’ din il-partita tikkonsisti f’bilanċ li jirriżulta mill-arranġament permanenti reċiproku dwar il-muniti mal-Federal Reserve System. B’dan l-arranġament, il-Federal Reserve Bank of New York jipprovdi dollari Amerikani lill-BĊE permezz ta’ tranżazzjonijiet swap biex jiġi pprovdut finanzjament f’dollari Amerikani għal żmien qasir lil kontropartijiet tal-Eurosistema. Simultanjament il-BĊE jagħmel tranżazzjonijiet swap back-to-back mal-BĊN taż-żona tal-euro, li jużaw dawn il-fondi biex iwettqu operazzjonijiet għall-provvista ta’ likwidità f’dollari Amerikani ma’ kontropartijiet fl-Eurosistema bħala tranżazzjonijiet riversjati. It-tranżazzjonijiet swap back-to-back jirriżultaw f’bilanċi fi ħdan l-Eurosistema bejn il-BĊE u l-BĊN taż-żona tal-euro. Barra minn hekk, it-tranżazzjonijiet swap li jsiru mal-Federal Reserve Bank of New York u l-BĊN taż-żona tal-euro joħolqu klejms u obbligazzjonijiet forward li jidħlu fil-kontijiet esklużi mill-karta tal-bilanċ (ara n-nota 20 “Tranżazzjonijiet swap u forward tal-kambju barrani”).

Nota 12 - Obbligazzjonijiet fi ħdan l-Eurosistema

Nota 12.1 - Obbligazzjonijiet ekwivalenti għat-trasferiment ta’ riżervi barranin

Dawn jirrappreżentaw l-obbligazzjonijiet lejn il-BĊN taż-żona tal-euro li oriġinaw mit-trasferiment ta’ assi f’riżervi barranin lill-BĊE meta ssieħbu fl-Eurosistema. Skont l-Artikolu 30.2 tal-Istatut tas-SEBĊ, dawn il-kontribuzzjonijiet huma ffissati fi proporzjon tal-ishma tal-BĊN fil-kapital sottoskritt tal-BĊE. Ma kienx hemm bidliet fl-2022.

Ir-remunerazzjoni ta’ dawn l-obbligazzjonijiet tiġi kalkulata kuljum bl-aħħar rata tal-imgħax marġinali disponibbli użata mill-Eurosistema fis-sejhiet tagħha għall-offerti għall-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament, aġġustata biex ma tirrifletti ebda qligħ mill-komponent tad-deheb (ara n-nota 23.3 “Remunerazzjoni ta’ klejms tal-BĊN fir-rigward tar-riżervi barranin trasferiti”).

Nota 12.2 - Obbligazzjonijiet oħra fi ħdan l-Eurosistema (netti)

Fl-2022 din il-partita kienet tikkonsisti l-aktar minn bilanċi tat-TARGET2 tal-BĊN taż-żona tal-euro vis-à-vis il-BĊE (ara “Bilanċi fi ħdan is-SEBĊ/bilanċi fi ħdan l-Eurosistema” fit-Taqsima 2.3 “Politika tal-kontabilità).

It-tnaqqis fl-obbligazzjoni netta tat-TARGET2 kien prinċipalment attribwibbli għall-influssi ta’ flus kontanti bħala riżultat ta’ (i) depożiti ogħla tal-MES u l-EFSF (ara n-nota 10.1 “Amministrazzjoni ġenerali”); u (ii) bilanċi ogħla tas-sistemi anċillari taż-żona tal-euro konnessi mat-TARGET2 permezz tal-komponent TARGET2-BĊE (ara n-nota 10.2 “Obbligazzjonijiet oħrajn”). L-impatt ta’ dawn il-fatturi kien parzjalment ikkumpensat bil-ħruġ ta’ flus kontanti bħala riżultat ta’ (i) bilanċi aktar baxxi tas-sistemi anċillari barra ż-żona tal-euro konnessi mat-TARGET2 permezz tal-komponent TARGET2-BĊE (ara n-nota 11 “Obbligazzjonijiet lejn residenti barra ż-żona tal-euro denominati f’euro”); u (ii) ix-xiri nett ta’ titoli taħt il-PEPP u l-APP, li tħallsu permezz tal-kontijiet tat-TARGET2 (ara n-nota 5 “Titoli ta’ residenti taż-żona tal-euro denominati f’euro”).

Ir-remunerazzjoni tal-pożizzjonijiet tat-TARGET2 miżmumin mill-BĊN taż-żona tal-euro fil-konfront tal-BĊE, minbarra l-bilanċi mit-tranżazzjonijiet swap back-to-back fir-rigward tal-operazzjonijiet għall-provvista ta’ likwidità f’dollari Amerikani, tiġi kalkulata kuljum bl-aħħar rata tal-imgħax disponibbli użata mill-Eurosistema fis-sejħiet tagħha għall-offerti għall-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament.

Fl-2021 din il-partita kienet tinkludi wkoll l-ammont dovut lill-BĊN taż-żona tal-euro fir-rigward tad-distribuzzjoni interim tal-profitt tal-BĊE. Fir-rigward tal-2022, il-Kunsill Governattiv, fid-dawl tar-riżultat finanzjarju tal-BĊE għas-sena, iddeċieda li jżomm l-ammont sħiħ ta’ dħul derivat minn karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni, kif ukoll id-dħul minn titoli mixtrija taħt l-SMP, l-APP u l-PEPP (ara “Distribuzzjoni interim tal-profitt” fit-Taqsima 2.3 “Politika tal-kontabilità”). Għalhekk, l-ebda ammont relatat ma kien dovut fi tmiem l-2022.

Nota 13 - Obbligazzjonijiet oħra

Nota 13.1 - Differenzi fir-rivalutazzjoni ta’ strumenti esklużi mill-karta tal-bilanċ

Din il-partita tikkonsisti primarjament minn bidliet fil-valutazzjoni tat-tranżazzjonijiet swap u forward f’munita barranija li kienu pendenti fil-31 ta’ Diċembru 2022 (ara n-nota 20 “Tranżazzjonijiet swap u forward tal-kambju barrani”). Dawn il-bidliet fil-valutazzjoni ammontaw għal €430 miljun (2021: €568 miljun) u huma r-riżultat tal-konverżjoni ta' tranżazzjonijiet simili fl-ekwivalenti tagħhom f’euro bir-rati tal-kambju tad-data tal-karta tal-bilanċ, imqabblin mal-valuri f’euro li jirriżultaw mill-konverżjoni tat-tranżazzjonijiet bil-prezz medju tal-munita barranija rispettiva f’dik id-data (ara “Strumenti esklużi mill-karta tal-bilanċ” u “Assi u obbligazzjonijiet f’deheb u f’munita barranija” fit-Taqsima 2.3, “Politika tal-kontabilità”).

Nota 13.2 - Dovuti u dħul miġbura bil-quddiem

Din il-partita kienet tinkludi l-komponenti li ġejjin:

Fil-31 ta’ Diċembru 2022 iż-żewġ partiti ewlenin taħt din l-intestatura kienu imgħax akkumulat pagabbli fuq il-bilanċi tat-TARGET2 dovuti lill-BĊN għal Diċembru 2022 (ara n-nota 11 “Obbligazzjonijiet lejn residenti barra ż-żona tal-euro denominati f’euro” u n-nota 12.2 “Obbligazzjonijiet oħra fi ħdan l-Eurosistema (netti)”) u imgħax akkumulat pagabbli lill-BĊN taż-żona tal-euro għall-2022 fir-rigward tal-klejms tagħhom relatati mar-riżervi barranin trasferiti lill-BĊE (ara n-nota 12.1 “Obbligazzjonijiet ekwivalenti għat-trasferiment ta’ riżervi barranin”). Dawn l-ammonti tħallsu f’Jannar 2023.

Nota 13.3 - Varji

Fil-31 ta’ Diċembru 2022 din il-partita kienet tammonta għal €1,562 miljun (2021: €2,277 miljun). Din kienet tinkludi bilanċi li ammontaw għal €974 miljun (2021: €535 million) relatati ma' tranżazzjonijiet swap u forward f’munita barranija li kienu pendenti fil-31 ta’ Diċembru 2022 (ara n-nota 20, “Tranżazzjonijiet swap u forward tal-kambju barrani”). Dawn il-bilanċi ħarġu mill-konverżjoni ta’ tranżazzjonijiet simili fl-ekwivalenti f’euro bil-prezz medju tal-munita rispettiva fid-data tal-karta tal-bilanċ, imqabbel mal-valuri f’euro li bihom it-tranżazzjonijiet daħlu fil-kontijiet għall-ewwel darba (ara “Strumenti esklużi mill-karta tal-bilanċ” fit-Taqsima 2.3 “Politika tal-kontabilità”).

Din il-partita kienet tinkludi wkoll obbligazzjoni ta’ kiri ta’ €141 miljun (2021: €175 miljun) (ara “Kirjiet” fit-Taqsima 2.3 “Politika tal-kontabilità”).

Barra minn hekk, din il-partita tinkludi l-obbligazzjoni netta tal-benefiċċji definiti tal-BĊE fir-rigward tal-benefiċċji ta’ wara l-impjieg u benefiċċji oħra fit-tul tal-persunal tiegħu[44] u tal-membri tal-Bord Eżekuttiv kif ukoll tal-membri tal-Bord Superviżorju impjegati mill-BĊE. Il-benefiċċji tat-terminazzjoni tal-persunal tal-BĊE huma inklużi wkoll.

Il-benefiċċji tal-BĊE ta’ wara l-impjieg, benefiċċji oħra fit-tul u benefiċċji tat-terminazzjoni

Karta tal-Bilanċ
L-ammonti rikonoxxuti fil-Karta tal-Bilanċ taħt il-partita “Varji” (obbligazzjonijiet) fir-rigward tal-benefiċċji ta’ wara l-impjieg, benefiċċji oħra fit-tul u benefiċċji tat-terminazzjoni tal-persunal kienu kif ġej:

Nota: Il-kolonni bl-isem “Bordijiet” jagħtu l-ammonti fir-rigward kemm tal-Bord Eżekuttiv kif ukoll tal-Bord Superviżorju.

Fl-2022 il-valur attwali tal-obbligu tal-benefiċċji vis-à-vis il-persunal, ta’ €1,947 miljun (2021: €3,165 miljun) kien jinkludi benefiċċji mhux finanzjati ta’ €233 miljun (2021: €373 miljun) relatati mal-benefiċċji ta’ wara l-impjieg minbarra l-pensjonijiet, ma’ benefiċċji oħra fit-tul u ma’ benefiċċji tat-terminazzjoni tal-persunal. Il-valur preżenti tal-obbligu tal-benefiċċji vis-à-vis l-membri tal-Bord Eżekuttiv u l-membri tal-Bord Superviżorju, ta’ €31 miljun (2021: €43 miljun) hu relatat biss ma' provvedimenti mhux finanzjati li jeżistu għall-benefiċċji ta’ wara l-impjieg u benefiċċji oħra fit-tul.

Il-kalkolu mill-ġdid tal-obbligazzjoni netta tal-benefiċċji definiti tal-BĊE fir-rigward tal-benefiċċji ta’ wara l-impjieg huma rrikonoxxuti fil-Karta tal-Bilanċ taħt il-partita tal-obbligazzjonijiet “Kontijiet ta’ rivalutazzjoni”. Fl-2022, il-qligħ mill-kejl mill-ġdid taħt dik il-partita tal-obbligazzjonijiet ammonta għal €369 miljun, filwaqt li fl-2021 il-BĊE rreġistra telf mill-kejl mill-ġdid ta’ €799 miljun (ara n-nota 15 “Kontijiet ta’ rivalutazzjoni”).

Bidliet fl-obbligu tal-benefiċċji definiti, assi tal-iskema u riżultati tal-kejl mill-ġdid
Il-bidliet fil-valur attwali tal-obbligu tal-benefiċċji definiti jidher hawn taħt:

Nota: Il-kolonni bl-isem “Bordijiet” jagħtu l-ammonti fir-rigward kemm tal-Bord Eżekuttiv kif ukoll tal-Bord Superviżorju.
1) Ċifra netta li tinkludi kontribuzzjonijiet obbligatorji u trasferimenti fi/barra mill-iskemi. Il-kontribuzzjonijiet obbligatorji mħallsa mill-persunal huma 7.4%, waqt li dawk imħallsa mill-BĊE huma 20.7% tas-salarju bażiku.

Il-qligħ totali mill-kejl mill-ġdid ta’ €1,441 miljun fuq l-obbligu tal-benefiċċji definiti fl-2022 seħħ primarjament bħala riżultat taż-żieda fir-rata ta’ skont użata għall-valutazzjoni attwarjali minn 1.3% fl-2021 għal 3.9% fl-2022.

Il-bidliet fil-valur ġust tal-assi tal-iskema fl-istruttura tal-benefiċċji definiti fir-rigward tal-persunal jidhru hawn taħt:

It-telf bil-kejl mill-ġdid fuq l-assi tal-iskema fl-2022 kien jirrifletti l-fatt li r-redditu attwali mill-unitajiet tal-fondi kien aktar baxx mid-dħul mill-imgħax mistenni fuq l-assi tal-iskema, li kien ibbażat fuq il-assunzjoni ta’ rata ta’ skont ta’ 1.3%

Il-bidliet fir-riżultati tal-kejl mill-ġdid kienu kif ġej:

Kont tal-Profitt u t-Telf
L-ammonti rikonoxxuti fil-Kont tal-Profitt u t-Telf kienu kif ġej:

Nota: Il-kolonni bl-isem “Bordijiet” jagħtu l-ammonti fir-rigward kemm tal-Bord Eżekuttiv kif ukoll tal-Bord Superviżorju.

Il-qligħ tal-kejl mill-ġdid fuq benefiċċji oħra fit-tul u beneficcji oħra tat-terminazzjoni żdiedu fl-2022 għal €45 miljun (2021: €9 miljuni), prinċipalment minħabba rata ta’ skont ogħla użata għall-valutazzjoni attwarjali fit-tmiem l-2022.

Assunzjonijiet ewlenin
Fit-tħejjija tal-valutazzjonijiet imsemmijin f’din in-nota, l-attwarji indipendenti użaw assunzjonijiet li ġew aċċettati mill-Bord Eżekuttiv għall-għanijiet tal-kontabilità u l-pubblikazzjoni. Il-assunzjonijiet ewlenin użati għal skopijiet ta' kalkolu tal-obbligu tal-benefiċċji ta' wara l-impjieg u benefiċċji oħra fit-tul kienu kif ġej:

1) Dawn il-assunzjonijiet ntużaw fil-kalkolu tal-parti tal-obbligu tal-benefiċċji definiti tal-BĊE li hi finanzjata minn assi b’garanzija ta’ kapital ta’ bażi.
2) Barra dan, issir konċessjoni għal żidiet prospettivi fis-salarji individwali ta’ mhux aktar minn 1.8% fis-sena, skont l-età tal-parteċipanti fl-iskema.
3) Skont ir-regoli tal-iskema tal-pensjoni tal-BĊE, il-pensjonijiet għandhom jiżdiedu kull sena. Jekk l-aġġustamenti ġenerali fis-salarji tal-impjegati tal-BĊE jkunu inqas mill-inflazzjoni tal-prezzijiet, kull żieda fil-pensjonijiet għandha tkun konformi mal-aġġustamenti ġenerali fis-salarji. Jekk l-aġġustamenti ġenerali fis-salarji jaqbżu l-inflazzjoni tal-prezzijiet, dawn jiġu applikati biex tiġi kalkulata ż-żieda fil-pensjonijiet, sakemm il-pożizzjoni finanzjarja tal-iskemi tal-pensjoni tal-BĊE tkun tiflaħ għal żieda bħal din.

Nota 14 - Dispożizzjonijiet

Din il-partita tikkonsisti prinċipalment f’dispożizzjoni għal riskji finanzjarji, li tintuża safejn jitqies meħtieġ mill-Kunsill Governattiv biex tpatti għal telf li jinqala’ bħala riżultat ta’ skoperturi għal riskji finanzjarji. Id-daqs u r-rekwiżit kontinwu għal din id-dispożizzjoni jiġu eżaminati kull sena, skont il-valutazzjoni tal-BĊE tal-iskopertura tiegħu għal dawn ir-riskji filwaqt li titqies firxa ta’ fatturi. Id-daqs tagħha, flimkien ma’ kull ammont miżmum fil-fond ġenerali tar-riżervi, m’għandux jaqbeż il-valur tal-kapital tal-BĊE mħallas mill-BĊN taż-żona tal-euro.

Din is-sena ġie rilaxxat ammont ta’ €1,627 miljun minn din id-dispożizzjoni biex jiġi kopert it-telf li rriżulta minn skoperturi għal riskji finanzjarji, biex b’hekk ir-riżultat finanzjarju tal-BĊE għas-sena kien ta’ żero. It-telf irriżulta l-aktar miż-żieda fir-rata tal-imgħax użata mill-Eurosistema fis-sejħiet tagħha għall-offerti għal operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament li wasslet għal spiża sinifikanti tal-imgħax li tirriżulta mill-obbligu nett TARGET2 tal-BĊE (ara n-nota 23.4 “Dħul ieħor mill-imgħax; u spiza oħra tal-imgħax”) Fl-istess ħin, iż-żieda fir-redditi tal-euro u tad-dollaru Amerikan irriżultat fi tnaqqis fil-prezz tat-titoli fil-fondi proprji u fil-portafolli tad-dollaru Amerikan kif ukoll telf mill-bejgħ ta’ titoli f’dollari Amerikani (ara “Rikonoxximent tad-dħul” fit-Taqsima 2.3 “Politika tal-kontabilità”, nota 25 “Tnaqqis fil-valur tal-assi u l-pożizzjonijiet finanzjarji” u n-nota 24 “Qligħ/telf realizzat li jirriżulta minn operazzjonijiet finanzjarji”). Dan ir-rilaxx mill-provvediment għar-riskji finanzjarji naqqas id-daqs tiegħu għal €6,566 miljun fil-31 ta’ Diċembru 2022.

Din il-partita tinkludi wkoll provvedimenti amministrattivi li jammontaw għal €69 miljun (2021: €74 miljun).

Nota 15 - Kontijiet ta’ rivalutazzjoni

Din il-partita tikkonsisti l-aktar f’bilanċi ta’ rivalutazzjoni mill-qligħ mhux realizzat fuq assi, obbligazzjonijiet u strumenti esklużi mill-karta tal-bilanċ (ara “Rikonoxximent tad-dħul”, “Assi u obbligazzjonijiet f’deheb u f’munita barranija”, “Titoli” u “Strumenti esklużi mill-karta tal-bilanċ” fit-Taqsima 2.3 "Politika tal-kontabilità). Il-partita tinkludi wkoll il-kalkoli l-ġodda tal-obbligu nett tal-benefiċċji definiti tal-BĊE fir-rigward tal-benefiċċji ta’ wara l-impjieg (ara “Il-benefiċċji ta’ wara l-impjieg tal-BĊE, benefiċċji oħra fit-tul u benefiċċji tat-terminazzjoni” fit-Taqsima 2.3 “Politika tal-kontabilità” u n-nota 13.3 “Varji”).

Iż-żieda fid-daqs tal-kontijiet ta’ rivalutazzjoni hija prinċipalment dovuta għall-apprezzament tad-dollaru Amerikan kontra l-euro u ż-żieda fil-prezz tas-suq tad-deheb f’termini ta’ euro fl-2022.

Ir-rati tal-kambju barrani użati għar-rivalutazzjoni tal-aħħar tas-sena jidhru hawn taħt:

Nota 16 - Kapital u riżervi

Nota 16.1 - Kapital

Il-kapital sottoskritt tal-BĊE hu ta’ €10,825 miljun.

Wara li l-Bank of England irtira mis-SEBĊ fil-31 ta’ Jannar 2020, il-BĊE żamm il-kapital sottoskritt tiegħu bla tibdil u s-sehem tal-Bank of England fil-kapital sottoskritt tal-BĊE ġie ri-allokat kemm fost il-BĊN taż-żona tal-euro kif ukoll il-BĊN l-oħra barra ż-żona tal-euro. Barra minn hekk, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li l-BĊN taż-żona tal-euro jħallsu bis-sħiħ is-sottoskrizzjonijiet miżjuda tagħhom f’żewġ pagamenti annwali fl-2021 u fl-2022, kull wieħed tal-ammont ta’ €610 miljun. Minħabba l-ħlas tat-tieni pagament mill-BĊN taż-żona tal-euro fit-28 ta’ Diċembru 2022, it-total tal-kapital imħallas tal-BĊE żdied għal €8,880 miljun, kif jidher fit-tabella hawn taħt:

Il-BĊN barra ż-żona tal-euro huma mitlubin iħallsu 3.75% tal-kapital sottoskritt tagħhom bħala kontribuzzjoni għall-ispejjeż operattiv tal-BĊE. Mill-1 ta' Frar 2020 din il-kontribuzzjoni kienet tammonta għal total ta' €76 miljun. Il-BĊN barra ż-żona tal-euro mhuma intitolati jirċievu ebda sehem mill-qligħ tal-BĊE li jista’ jitqassam, u lanqas mhuma responsabbli biex ikopru kwalunkwe telf li jġarrab il-BĊE.

2.5 Strumenti esklużi mill-karta tal-bilanċ

Nota 17 - Programmi ta’ self ta’ titoli

Bħala parti mill-ġestjoni tal-fondi proprji tal-BĊE, il-BĊE għandu ftehim dwar programm ta’ self ta’ titoli li bih istituzzjoni speċjalizzata tagħmel tranżazzjonijiet ta’ self ta’ titoli f’isem il-BĊE.

Barra minn hekk, skont id-deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv, il-BĊE għamel disponibbli għas-self l-investimenti tiegħu f’titoli akkwistati fl-ewwel, it-tieni u t-tielet CBPPs, il-PSPP u l-PEPP, kif ukoll l-investimenti tiegħu f’titoli akkwistati taħt l-SMP li huma eliġibbli wkoll għall-akkwist taħt il-PSPP.[45]

Jekk dawn l-operazzjonijiet ta' self ta' titoli ma jsirux kontra kollateral fi flus kontanti li jibqa' mhux investit fl-aħħar tas-sena, jiġu rreġistrati fil-kontijiet esklużi mill-karta tal-bilanċ.[46] Operazzjonijiet bħal dawn ta’ self ta’ titoli, b’valur ta’ €11,569 miljun (2021: €16,156 miljun) kienu pendenti fil-31 ta’ Diċembru 2022. Minn dan l-ammont, €6,637 miljun (2021: €11,821 miljun) kien relatat mas-self ta’ titoli miżmuma għall-għanijiet tal-politika monetarja.

Nota 18 - Futures tar-rati tal-imgħax

It-tranżazzjonijiet li ġejjin, ippreżentati bir-rati tal-kambju tal-aħħar tas-sena, kienu pendenti:

Dawn it-tranżazzjonijiet saru fil-kuntest tal-ġestjoni tar-riżervi barranin tal-BĊE.

Nota 19 - Tranżazzjonijiet forward f’titoli

Fil-31 ta’ Diċembru 2022 ma kien hemm ebda bilanċ taħt din il-partita, filwaqt li fi tmiem l-2021 il-bejgħ forward ta’ titoli fl-ammont ta’ €382 miljun, ippreżentat bir-rati tal-kambju barrani fi tmiem is-sena, baqa’ pendenti. Dawn it-tranżazzjonijiet saru fil-kuntest tal-ġestjoni tar-riżervi barranin tal-BĊE.

Nota 20 - Tranżazzjonijiet swap u forward tal-kambju barrani

Ġestjoni ta’ riżervi barranin
Saru tranżazzjonijiet swap u forward tal-kambju barrani fil-kuntest tal-ġestjoni tar-riżervi barranin tal-BĊE. Il-klejms u l-obbligazzjonijiet pendenti li jirriżultaw minn dawn it-tranżazzjonijiet, ippreżentati bir-rati tal-kambju barrani tal-aħħar tas-sena, kienu kif ġej:

Arranġamenti swap li jipprovdu likwidità
Il-BĊE hu parti minn network ta’ swap-line ta’ banek ċentrali u għandu fis-seħħ arranġamenti reċiproċi ta’ swap mal-Bank of Canada, il-Bank of England, il-Bank of Japan, il-Federal Reserve System, is-Swiss National Bank u l-People’s Bank of China. Dawn l-arranġamenti swap jippermettu l-provvista ta’ (i) likwidità fi kwalunkwe waħda mill-muniti rispettivi tal-banek ċentrali msemmija hawn fuq lill-banek taż-żona tal-euro jew (ii) likwidità f’euro lil istituzzjonijiet finanzjarji fil-ġurisdizzjonijiet tal-banek ċentrali msemmija hawn fuq. Barra minn hekk, hemm fis-seħħ ukoll ftehimiet ta’ swap ma’ Danmarks Nationalbank, Narodowy Bank Polski u Sveriges Riksbank għall-provvista ta’ likwidità f’euro lil istituzzjonijiet finanzjarji fil-ġurisdizzjonijiet tagħhom. L-arranġamenti msemmija hawn fuq għandhom l-għan li jindirizzaw il-ħtiġijiet possibbli ta’ likwidità biex jilqgħu għal disfunzjoni potenzjali tas-suq u b’hekk jimminimizzaw ir-riskju ta’ effetti konsegwenzjali negattivi għas-swieq finanzjarji u l-ekonomiji taż-żona tal-euro.[47]

Klejms u obbligazzjonijiet f’dollari Amerikani b’data ta’ maturità fl-2023 saru fir-rigward tal-provvediment ta’ likwidità f’dollari Amerikani lil kontropartijiet tal-Eurosistema (ara n-nota 11 “Obbligazzjonijiet ma’ residenti barra ż-żona tal-euro denominati f’euro”).

Nota 21 - Amministrazzjoni ta’ operazzjonijiet ta’ self u għoti ta’ self

Fl-2022 il-BĊE baqa’ responsabbli għall-amministrazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ self tal-UE taħt il-faċilità ta’ assistenza finanzjarja għal żmien medju u l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbilizzazzjoni Finanzjarja, għall-ftehim ta’ faċilità ta’ self għall-Greċja, u għall-amministrazzjoni ta’ ħlasijiet relatati ma’ self wieħed tal-EFSF.

Bi tweġiba għall-pandemija COVID-19, fl-2022 l-UE baqgħet tagħti self lill-Istati Membri taħt l-istrument tagħha għall-Appoġġ temporanju biex jittaffew ir-Riskji tal-Qgħad f'Emerġenza (SURE). Fl-2022 l-UE kompliet ukoll tipprovdi finanzjament fil-forma ta’ appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli u appoġġ ta’ self lill-Istati Membri fil-programm Next Generation EU (NGEU), li ġie stabbilit biex jappoġġa l-irkupru ekonomiku fl-UE, filwaqt li jiffaċilita t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali tal-ekonomija tal-Unjoni. Bħalma għamel fis-sena ta’ qabel, il-BĊE appoġġa lill-Kummissjoni Ewropea fl-amministrazzjoni tal-operazzjonijiet relatati maż-żewġ strumenti msemmija hawn fuq.

Fl-2022 il-BĊE pproċessa pagamenti relatati mal-operazzjonijiet kollha msemmija hawn fuq.

Nota 22 - Obbligazzjonijiet kontinġenti minn kawżi pendenti

Tressqu kawżi kontra l-BĊE dwar l-eżerċizzju tal-funzjonijiet superviżorji tiegħu fuq Banca Carige S.p.A. (Banca Carige). F’waħda minn dawn il-kawżi, l-azzjonisti ta’ Banca Carige qed ifittxu kumpens finanzjarju mill-BĊE għad-dannu allegatament imġarrab b’riżultat ta’ diversi azzjonijiet mill-BĊE fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet superviżorji tiegħu fir-rigward ta’ Banca Carige, li jikkonsisti kemm f’allegati nuqqasijiet ta’ azzjoni kif ukoll azzjonijiet dannużi. Din il-kawża se tiġi deċiża waqt li jitqies, fost fatturi oħra, l-eżitu finali ta’ kawżi relatati oħra. F’waħda minnhom, il-Qorti Ġenerali tal-UE qieset, fis-sentenza tagħha tat-12 ta’ Ottubru 2022, li d-deċiżjoni tal-BĊE li jqiegħed lil Banca Carige taħt amministrazzjoni temporanja ma kellhiex bażi legali xierqa skont il-liġi Taljana. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni tal-BĊE li jqiegħed lil Banca Carige taħt amministrazzjoni temporanja kif ukoll l-ewwel estensjoni tat-tul tal-amministrazzjoni temporanja fl-2019. Madankollu, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali ġiet appellata mill-BĊE quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE, li għad tista’ twaqqa’ din is-sentenza. Barra minn hekk, żewġ deċiżjonijiet oħra tal-BĊE li jestendu l-amministrazzjoni temporanja bħalissa qed jiġu kkontestati f’rikors għal annullament, li għadu pendenti.

2.6 Noti fuq il-Kont tal-Profitt u t-Telf

Nota 23 - Dħul nett mill-imgħax

Nota 23.1 - Dħul mill-imgħax fuq assi f’riżervi barranin:

Din il-partita tinkludi d-dħul mill-imgħax, bl-ispiża tal-imgħax imnaqqsa, fir-rigward tal-assi netti f’riżervi barranin tal-BĊE.

Id-dħul/l-ispiża netti mill-imgħax għal kull tip ta’ strument jidhru hawn taħt:

Id-dħul/l-ispiża netti mill-imgħax għal kull munita barranija kien kif ġej:

Nota 23.2 - Dħul mill-imgħax fuq l-allokazzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro fi ħdan l-Eurosistema

Din il-partita tikkonsisti fid-dħul mill-imgħax relatat mas-sehem ta’ 8% tal-BĊE mill-ħruġ totali ta’ karti tal-flus tal-euro (ara “Karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni” fit-Taqsima 2.3 “Politika tal-kontabilità” u n-nota 6.1 “Klejms relatati mal-allokazzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro fl-Eurosistema”). Id-dħul mill-imgħax fl-2022 kien jammonta għal €736 miljun (2021: żero) u rriżulta miż-żieda fir-rata fuq l-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament għal aktar minn 0% sas-27 ta’ Lulju 2022. Fl-2021 din ir-rata kienet ta’ 0 % matul is-sena kollha.

Nota 23.3 - Remunerazzjoni ta’ klejms ta’ BĊN fir-rigward ta’ riżervi barranin trasferiti

Ir-remunerazzjoni mħallsa lill-BĊN taż-żona tal-euro fuq il-klejms tagħhom fir-rigward tal-assi f’rizervi barranin trasferiti lill-BĊE (ara n-nota 12.1 “Obbligazzjonijiet ekwivalenti għat-trasferiment ta’ riżervi barranin”) tidher taħt din l-intestatura. L-ispiża tal-imgħax fl-2022 kien jammonta għal €201 miljun (2021: żero) u rriżulta miż-żieda fir-rata fuq l-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament għal aktar minn 0% sas-27 ta’ Lulju 2022. Fl-2021 din ir-rata kienet ta’ 0 % matul is-sena kollha.

Nota 23.4 - Dħul ieħor mill-imgħax; u spiża oħra tal-imgħax

Dħul ieħor mill-imgħax u spiża oħra tal-imgħax kienu kif ġej:

1) Id-dħul nett tal-BĊE mill-imgħax fuq l-investimenti SMP f’bonds tal-gvern Grieg ammonta għal €43 miljun (2021: €46 miljun).

Nota 24 - Qligħ/telf realizzat minn operazzjonijiet finanzjarji

Il-qligħ u t-telf realizzat li jirriżulta minn operazzjonijiet finanzjarji kienu kif ġej:

It-telf nett realizzat mill-prezzijiet jinkludi qligħ u telf realizzat fuq titoli u futures tar-rata tal-imgħax. It-telf nett realizzat mill-prezzijiet fl-2022 kien prinċipalment ikkawżat mit-telf fil-prezzijiet realizzat f’titoli denominati f’dollari Amerikani wara ż-żieda fir-redditu tat-titoli f’dollari Amerikani. It-telf nett realizzat mill-prezzijiet kien parzjalment ikkumpensat minn qligħ realizzat tar-rata tal-kambju, li fil-biċċa l-kbira rriżulta bħala konsegwenza tat-tnaqqis fil-prezz tal-aħħar tas-sena ta’ titoli f’dollari Amerikani.

Qligħ u telf realizzat li jirriżulta minn operazzjonijiet finanzjarji għal kull munita u għal kull trimestru jidhru hawn taħt:

Nota 25 - Tnaqqis tal-valur ta’ assi u pożizzjonijiet finanzjarji

It-tnaqqis tal-valur ta’ assi u pożizzjonijiet finanzjarji jidher hawn taħt:

Il-valur fis-suq tal-biċċa l-kbira tat-titoli miżmuma fil-portafoll proprju u l-portafoll tad-dollaru Amerikan naqas, flimkien ma’ żieda fir-redditi korrispondenti fl-2022. Dan wassal għal telf mhux realizzat tal-prezz tat-titoli fl-aħħar tas-sena.

Nota 26 - Dħul nett/spiża netta minn tariffi u kummissjonijiet

Fl-2022 id-dħul taħt din l-intestatura kien jikkonsisti primarjament f’tariffi superviżorji. L-ispejjeż irriżultaw l-aktar mit-tariffi tal-kustodja.

Id-dħul u l-ispejjeż relatati mal-kompiti superviżorji
Dħul relatat mas-superviżjoni bankarja prinċipalment jinkludi dħul mit-tariffi superviżorji. Il-BĊE jimponi tariffi annwali fuq entitajiet taħt superviżjoni biex jirkupra l-ispiża mġarrba fit-twettiq tal-kompiti superviżorji tiegħu. Abbażi tal-ispejjeż annwali attwali imġarrba mill-BĊE fit-twettiq tal-kompiti ta’ superviżjoni bankarji tiegħu, id-dħul mit-tariffi superviżorji għall-2022 kien ta’ €594 miljun. €578 miljun).

Biex jiġi ddeterminat l-ammont ta’ tariffi superviżorji li għandhom jiġu imposti, l-ispiża annwali attwali tiġi aġġustata għall-ammonti rimborżati lil/riċevuti mingħand banek individwali għal perjodi tariffarji preċedenti u aġġustamenti oħra, inkluż l-imgħax riċevut fuq ħlasijiet tard.[48] Meta jitqies aġġustament li jikkorrispondi għall-imgħax riċevut fuq ħlasijiet tard kif ukoll rimborżi netti lil banek individwali għal perjodi tariffarji preċedenti, it-tariffi superviżorji annwali li għandhom jiġu imposti fuq l-entitajiet taħt superviżjoni għall-perjodu tariffarju 2022 jikkorrispondu għal ammont kważi ugwali tal-ispejjeż annwali attwali ta’ €594 miljun[49] (ara n-nota 7.4 “Dovuti u spejjeż imħallsa bil-quddiem”). It-tariffi superviżorji individwali se jiġu ffaturati fit-tieni trimestru tal-2023.[50]

Il-BĊE hu intitolat ukoll li jimponi penali amministrattivi fuq entitajiet taħt superviżjoni għal nuqqas ta' konformità mal-liġi bankarja tal-UE dwar rekwiżiti prudenzjali (inklużi d-deċiżjonijiet superviżorji tal-BĊE). Id-dħul relatat ma jitqiesx fil-kalkolu tat-tariffi superviżorji annwali, u lanqas ir-rimborżi ta’ tali penali jekk jiġu emendati jew annullati d-deċiżjonijiet ta’ sanzjoni preċedenti. Minflok, l-ammonti relatati jiġu rreġistrati fil-Kont tal-Profitt u t-Telf tal-BĊE. Fl-2022 id-dħul li jirriżulta minn penali fuq entitjiet taħt superviżjoni ammonta għal €12-il miljun (2021: €1 miljun).

B'hekk, id-dħul tal-BĊE għal kompiti superviżorji kien kif ġej:

L-ispejjeż relatati mas-superviżjoni bankarja jirriżultaw mis-superviżjoni diretta ta’ entitajiet sinifikanti, is-sorveljanza tas-superviżjoni ta’ entitajiet inqas sinifikanti u t-twettiq ta’ kompiti orizzontali u servizzi speċjalizzati. Dawn jikkonsistu fl-ispejjeż diretti tal-funzjoni superviżorja tal-BĊE u l-ispejjeż rilevanti li jirriżultaw minn oqsma ta’ appoġġ meħtieġa biex jiġu sodisfati r-responsabbiltajiet superviżorji tal-BĊE, li jirriflettu s-servizzi tagħhom fir-rigward ta’ bini u faċilitajiet; riżorsi umani; teknoloġija tal-informatika (IT); legali, verifika u amministrazzjoni; komunikazzjoni u traduzzjoni; kif ukoll attivitajiet oħra.

L-ispejjeż attwali relatati mal-kompiti superviżorji tal-BĊE, li jiġu rkuprati permezz tat-tariffi superviżorji annwali għall-2022 ammontaw għal €594 miljun (2021: €578 miljun). Iż-żieda ġenerali kienet xprunata mir-ritorn gradwali u kontinwu għal-livelli normali ta’ attività fis-superviżjoni bankarja wara l-pandemija, u l-iżviluppi u t-titjib li għaddejjin fis-sistemi tal-IT iddedikati għas-superviżjoni bankarja.

Nota 27 - Dħul minn ishma azzjonarji u interessi parteċipanti

Id-dividend ta’ €1 miljun fl-2022 (2021: €2 miljuni li daħlu mill-ishma li l-BĊE għandu fil-BIS (ara n-nota 7.2 “Assi finanzjarji oħra”) jidhru taħt din l-intestatura.

Nota 28 - Dħul ieħor

Dħul mixxellanju ieħor fl-2022 kien ta’ €61 miljun (2021: €56 miljun) u ġie l-aktar mill-kontribuzzjonijiet dovuti tal-BĊN taż-żona tal-euro għall-ispejjeż imġarrbin mill-BĊE fir-rigward ta’ proġetti konġunti tal-Eurosistema.

Nota 29 - Spejjeż tal-persunal

L-ispejjeż tal-persunal kienu kif ġej:

1) Is-salarji u l-benefiċċji huma bbażati, essenzjalment, u paragunabbli ma’, l-iskema ta’ remunerazzjoni tal-Unjoni Ewropea.

L-għadd medju ta’ impjegati, espress bħala ekwivalenti full-time (FTEs)[51], ammonta għal 4,136 (2021: 4,038), li minnhom 373 kienu persunal maniġerjali (2021: 362)

Minkejja ż-żieda fis-salarji u l-benefiċċji b’riżultat tal-għadd medju ogħla ta’ persunal impjegat mill-BĊE, l-ispejjeż totali tal-persunal naqsu fl-2022. Dan it-tnaqqis kien prinċipalment dovut għal qligħ attwarju fir-rigward ta’ benefiċċji oħra fit-tul li jirriżultaw minn rata ta’ skont ogħla użata għall-valutazzjoni attwarja fi tmiem l-2022 (ara n-nota 13.3 “Varji”).

Remunerazzjoni għall-Bordijiet Eżekuttiv u Superviżorju
Membri tal-Bord Eżekuttiv u l-membri tal-Bord Superviżorju impjegati mill-BĊE jirċievu salarju bażiku u benefiċċji għar-residenza. Fil-każ tal-President, minflok il-benefiċċju għar-residenza tiġi provduta residenza. Membri tal-Bord Eżekuttiv u l-President tal-Bord Superviżorju jirċievu wkoll benefiċċju ta' rappreżentanza. Bla ħsara għall-Kundizzjonijiet tal-Impjieg tal-Persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-membri taż-żewġ bordijiet huma intitolati għal benefiċċji tal-familja, tat-tfal u tal-edukazzjoni u oħrajn, skont iċ-ċirkostanzi individwali tagħhom. Is-salarji huma soġġetti għat-taxxa li tmur għall-benefiċċju tal-UE kif ukoll għal tnaqqis fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet għall-iskemi tal-pensjoni, tal-assigurazzjoni medika, kura fit-tul u tal-assigurazzjoni kontra l-inċidenti. Il-benefiċċji la huma taxxabbli u lanqas pensjonabbli.

Fl-2022 is-salarji bażiċi tal-membri tal-Bord Eżekuttiv u l-membri tal-Bord Superviżorju impjegati mill-BĊE (i.e. minbarra r-rappreżentanti tas-superviżuri nazzjonali) kienu dawn:[52]

1) Frank Elderson ħa l-kariga bħala Membru tal-Bord Eżekuttiv fil-15 ta’ Diċembru 2020; ir-remunerazzjoni tiegħu għall-bqija ta’ Diċembru kienet inkluża fl-ispejjeż għall-2021 billi tħallset f’Jannar 2021.
2) Iċ-ċifra totali tinkludi r-remunerazzjoni tal-President tal-Bord Superviżorju u ta’ erba’ rappreżentanti tal-BĊE. Frank Elderson ma jirċievi ebda remunerazzjoni addizzjonali fir-rwol tiegħu ta’ Viċi President tal-Bord Superviżorju. It-totali għall-2022 huma aktar baxxi minħabba distakk ta’ żmien bejn it-tmiem u l-bidu,rispettivament, tal-mandati ta’ Pentti Hakkarainen u s-suċċessur tiegħu Anneli Tuominen.

Il-benefiċċji totali li tħallsu lill-membri taż-żewġ bordijiet u l-kontribuzzjonijiet tal-BĊE għall-iskemi tal-assigurazzjoni medika, il-kura fit-tul u kontra l-inċidenti mħallsa f’isimhom ammontaw għal €1,110,618 (2021: €1,097,128).

Jistgħu jsiru pagamenti tranżitorji lil dawk li kienu membri taż-żewġ bordijiet għal perjodu limitat wara tmiem il-mandat tagħhom. Fl-2022 dawn il-pagamenti, il-benefiċċji relatati u l-kontribuzzjonijiet tal-BĊE għall-iskemi tal-assigurazzjoni medika, kura fit-tul u kontra l-inċidenti għal dawk li kienu membri taż-żewġ bordijiet ammontaw għal €742,892 (2021: €977,547). It-tnaqqis f’dawn il-pagamenti kien dovut għal anqas membri preċedenti tal-bord li kienu qed jirċievuhom fl-2022, filwaqt li dawk li kienu għadhom intitolati għalihom irċevew inqas, hekk kif marru lejn tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni tagħhom.

Pagamenti relatati mal-pensjoni, inklużi benefiċċji ta' wara l-impjieg, u kontribuzzjonijiet għall-iskema tal-assigurazzjoni medika, kura fit-tul u kontra l-inċidenti għal dawk li kienu membri tal-bord u d-dipendenti tagħhom, ammontaw għal €1,095,737 (2021: €4,047,008).[53] Fl-2021 dan l-ammont kien jinkludi ħlas ta’ somma f'daqqa mal-irtirar lil membru preċedenti tal-bord minflok ħlasijiet futuri tal-pensjoni.

Nota 30 - Spejjeż amministrattivi

L-ispejjeż amministrattivi kienu kif ġej:

Iż-żieda totali fl-ispejjeż amministrattivi fl-2022 kienet riżultat ta’ diversi fatturi ta’ kumpens. Ir-ritorn gradwali kontinwu għal-livelli normali ta’ attività wara l-pandemija kif ukoll servizzi tal-IT ġodda u mtejba fis-superviżjoni bankarja wasslu għal spejjeż ogħla fl-2022. Dawn iż-żidiet kienu parzjalment ikkumpensati minn spejjeż aktar baxxi għal appoġġ ta’ konsulenza esterna prinċipalment fir-rigward ta’ attivitajiet ta’ proġetti tal-IT. Barra minn hekk, fl-2022, l-ispejjeż tal-kera, tal-manutenzjoni tal-proprjetà u tal-utilitajiet kienu aktar baxxi minħabba li fl-2021 kien hemm spiża ta’ darba relatata mar-rimedju tad-difetti fl-infrastruttura tal-bini ewlieni li kien fadal mill-fażi tal-kostruzzjoni, li kienet żiedet l-ispejjeż taħt il-kategorija rilevanti għal dik is-sena.

Nota 31 - Servizzi tal-produzzjoni tal-karti tal-flus

Fl-2022 din l-ispiża ammontat għal €9 miljun (2021: €13 miljun). Din l-ispiża rriżultat l-aktar mit-trasport transkonfinali ta’ karti tal-flus tal-euro bejn l-istamperiji tal-karti tal-flus u l-BĊN, għall-kunsinna ta’ karti tal-flus ġodda, u bejn il-BĊN, biex jagħmlu tajjeb għal nuqqasijiet ta’ provvista b’ħażniet żejda. Dawn l-ispejjeż jiġġarrbu ċentralment mill-BĊE.

Nota 32 - Spejjeż oħra

Fl-2021 din il-partita kienet tinkludi r-rimbors ta’ €5 miljun ta’ penali amministrattivi imposti mill-BĊE fl-2018 fuq tliet entitajiet taħt superviżjoni fi ħdan l-istess grupp li għalihom id-deċiżjonijiet rilevanti ġew parzjalment annullati mill-qorti (ara n-nota 26 “Dħul/spiża netti minn tariffi u kummissjonijiet”). Ma ġew irreġistrati ebda spejjeż taħt din il-partita fl-2022.

2.7 Avvenimenti post karta tal-bilanċ

Nota 33 - L-adeżjoni tal-Kroazja maż-żona tal-euro

Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1211 tat-12 ta’ Lulju 2022, li ttieħdet bi qbil mal-Artikolu 140(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Kroazja adottat il-munita unika fl-1 ta’ Jannar 2023. Bi qbil mal-Artikolu 48.1 tal-Istatut tas-SEBĊ u l-atti legali adottati mill-Kunsill Governattiv fit-30 ta’ Diċembru 2022, Hrvatska narodna banka ħallas ammont ta’ €69 miljun fl-1 ta’ Jannar 2023, li jirrappreżenta l-bqija tas-sottoskrizzjoni tiegħu għall-kapital tal-BĊE. Bi qbil mal-Artikolu 48.1, flimkien mal-Artikolu 30.1, tal-Istatut tas-SEBĊ, Hrvatska narodna banka ttrasferixxa assi f’riżervi barranin b’valur totali ekwivalenti għal €640 miljun lill-BĊE b’seħħ mill-1 ta’ Jannar 2023. Dawn l-assi f’riżervi barranin kienu jinkludu dollari Amerikani fil-forma ta’ flus kontanti, u deheb (15%).

Hrvatska narodna banka ġie kkreditat bi klejms fir-rigward tal-kapital imħallas u l-assi f’riżervi barranin ekwivalenti għall-ammonti trasferiti. Dawn tal-aħħar għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod bħall-klejms eżistenti tal-BĊN l-oħra taż-żona tal-euro (ara n-nota 12.1 “Obbligazzjonijiet ekwivalenti għat-trasferiment ta’ riżervi barranin”).

2.8 Rapporti finanzjarji 2018–22

2.8.1 Karta tal-Bilanċ

Nota: Sabiex tiġi żgurata l-komparabbiltà, l-ammonti murija taħt is-subpartiti “Gvern ġenerali” u “Obbligazzjonijiet oħra” taħt il-partita “Obbligazzjonijiet lejn residenti oħra taż-żona tal-euro denominati f’euro” ġew aġġustati għall-2018 u l-2019 b’konformità mal-approċċ applikat mill-2020. Aktar dettalji dwar din il-bidla jinsabu taħt “Klassifikazzjonijiet mill-ġdid” fit-Taqsima 2.3 “Politika tal-Kontabilità” tal-Kontijiet Annwali tal-BĊE għall-2020.

2.8.2 Kont tal-Profitt u t-Telf

3 Rapport tal-awditur indipendenti

Lill-President u Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew
Frankfurt am Main

Rapport dwar il-Verifika tar-Rapporti Finanzjarji 2022 tal-BĊE

Opinjoni

Aħna vverifikajna r-Rapporti Finanzjarji tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2022 – inklużi fil-Kontijiet Annwali tal-BĊE – li jinkludu l-karta tal-bilanċ, il-kont tal-profitt u t-telf, u ġabra fil-qosor tal-politika sinifikanti tal-kontabilità u noti oħra ta’ tifsir.

Fl-opinjoni tagħna, dawn ir-Rapporti Finanzjarji jagħtu stampa vera u ġusta tal-pożizzjoni finanzjarja tal-BĊE sal-31 ta’ Diċembru 2022 u tar-riżultati tal-operazzjonijiet tiegħu għas-sena li għalqet dakinhar, skont il-prinċipji stabbiliti mill-Kunsill Governattiv, li huma stabbiliti fid-Deċiżjoni (UE) 2016/2247 tal-BĊE tat-3 ta’ Novembru 2016 dwar il-kontijiet annwali tal-BĊE (BĊE/2016/35), kif emendata, li hija bbażata fuq il-Linja Gwida (UE) 2016/2249 tal-BĊE tat-3 ta’ Novembru 2016, dwar il-qafas legali għall-kontabilità u r-rapportar finanzjarju fis-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (BĊE/2016/34), kif emendata.

Bażi għall-Opinjoni

Aħna għamilna l-verifika tagħna skont l-Istandards Internazzjonali tal-Verifika (“ISAs”). Ir-responsabbiltajiet tagħna skont dawn l-istandards huma deskritti fit-taqsima Responsabbiltajiet tal-Awditur għall-Verifika tar-Rapporti Finanzjarji tar-rapport tagħna. Aħna indipendenti mill-BĊE skont ir-rekwiżiti etiċi Ġermaniżi li huma rilevanti għall-verifika tagħna tar-Rapporti Finanzjarji, li huma konsistenti mal-International Ethics Standards Board for Accountants’ Code of Ethics for Professional Accountants (il-“Kodiċi IESBA”), u ssodisfajna r-responsabbiltajiet etiċi l-oħra tagħna skont dawn ir-rekwiżiti. Aħna tal-fehma li l-evidenza tal-verifika li ksibna hija biżżejjed u xierqa biex tipprovdi bażi għall-opinjoni tagħna.

Tagħrif ieħor

Il-Bord Eżekuttiv tal-BĊE (“Bord Eżekuttiv”) huwa responsabbli għall-informazzjoni l-oħra inkluża fir-Rendikonti Annwali tal-BĊE. It-tagħrif l-ieħor jinkludi t-tag€ħrif kollu inkluż fil-Kontijiet Annwali tal-BĊE ħlief għar-Rapporti Finanzjarji tal-BĊE u r-rapport tal-awditur tagħna.

L-opinjoni tagħna dwar ir-Rapporti Finanzjarji ma tkoprix it-tagħrif l-ieħor u aħna ma nesprimu ebda forma ta’ konklużjoni assigurattiva dwarhom.

Fir-rigward tal-verifika li għamilna tar-Rapporti Finanzjarji, ir-responsabbiltà tagħna hi li naqraw it-tagħrif l-ieħor u, waqt li nagħmlu dan, inqisu jekk it-tagħrif l-ieħor huwiex materjalment inkonsistenti mar-Rendikonti Finanzjarji jew mal-għarfien li ksibna waqt il-verifika jew b’xi mod ieħor jidher materjalment iddikjarat ħażin.

Responsabbiltajiet tal-Bord Eżekuttiv u ta’ dawk inkarigati mill-Governanza għar-Rapporti Finanzjarji

Il-Bord Eżekuttiv hu responsabbli għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tar-Rapporti Finanzjarji skont il-prinċipji stabbiliti mill-Kunsill Governattiv, li huma stabbilti fid-Deċiżjoni (UE) 2016/2247 tal-BĊE tat-3 ta’ Novembru 2016 dwar il-kontijiet annwali tal-BĊE (BĊE/2016/35), kif emendata, li hija bbażata fuq il-Linja Gwida (UE) 2016/2249 tal-BĊE tat-3 ta’ Novembru 2016, dwar il-qafas legali għall-kontabilità u r-rapportar finanzjarju fis-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (BĊE/2016/34), kif emendata, u għall-kontroll intern li l-Bord Eżekuttiv iqis bħala meħtieġ biex tkun tista’ ssir it-tħejjija ta’ Rapporti Finanzjarji li jkunu ħielsa minn kull dikjarazzjoni materjali falza, kemm minħabba frodi jew żbalji.

Fit-tħejjija tar-Rapporti Finanzjarji, il-Bord Eżekuttiv hu responsabbli għall-valutazzjoni tal-kapaċità tal-BĊE li jkompli jopera bħala negozju avvjat, waqt li jiżvela, fejn applikabbli, kwistjonijiet relatati ma’ negozju avvjat u juża n-negozju avvjat bħala bażi tal-kontabilità.

Dawk inkarigati mill-governanza huma responsabbli għas-sorveljanza tal-proċess tar-rappurtar finanzjarju tal-BĊE.

Responsabbiltajiet tal-Awditur għall-Verifika tar-Rendikonti Finanzjarji

L-għanijiet tagħna huma li niksbu ċertezza raġonevoli dwar jekk ir-Rapporti Finanzjarji fl-intier tagħhom humiex ħielsa minn kull dikjarazzjoni materjali falza, kemm minħabba frodi jew żbalji, u li noħorġu rapport tal-awditur li jkun fih l-opinjoni tagħna. Iċ-ċertezza raġonevoli hija livell għoli ta’ ċertezza, iżda mhijiex garanzija li verifika li ssir skont l-ISAs dejjem se tidentifika dikjarazzjoni materjali falza meta din teżisti. Id-dikjarazzjonijiet foloz jistgħu joriġinaw minn frodi jew żbalji u jitqiesu li jkunu materjali jekk, individwalment jew flimkien, ikunu mistennijin b’mod raġonevoli li jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet ekonomiċi tal-utenti li jsiru abbażi ta’ dawn ir-Rapporti Finanzjarji.

Bħala parti minn verifika skont l-ISAs, aħna neżerċitaw ġudizzju professjonali u nżommu xettiċiżmu professjonali matul l-ippjanar u t-twettiq kollu tal-verifika. Aħna wkoll:

  • Nidentifikaw u nivvalutaw ir-riskji ta’ kull dikjarazzjoni materjali falza tar-Rapporti Finanzjarji, kemm minħabba frodi jew żbalji, infasslu u nwettqu proċeduri tal-verifika li jwieġbu għal dawn ir-riskji, u niksbu evidenza tal-verifika li tkun biżżejjed u xierqa biex tipprovdi bażi għall-opinjoni tagħna. Ir-riskju li ma tiġix identifikata dikjarazzjoni materjali falza li tirriżulta minn frodi huwa ogħla milli għal waħda li tirriżulta minn żbalji, billi frodi tista’ tinvolvi kollużjoni, falsifikazzjoni, ommissjonijiet intenzjonati, rappreżentazzjonijiet ħżiena, jew it-twarrib tal-kontroll intern.
  • Naslu biex nifhmu aħjar x’inhu l-kontroll intern rilevanti għall-verifika sabiex infasslu proċeduri tal-verifika li jkunu xierqa fiċ-ċirkostanzi, iżda mhux biex nesprimu opinjoni dwar l-effikaċja tal-kontroll intern tal-BĊE.
  • Nivvalutaw kemm tkun xierqa l-politika tal-kontabilità li tintuża u kemm ikunu raġonevoli l-kalkoli tal-kontabilità u d-divulgazzjonijiet relatati li jsiru mill-maniġment.
  • Nikkonkludu fuq kemm ikun xieraq l-użu min-naħa tal-maniġment tal-bażi ta’ negozju avvjat tal-kontabilità u, abbażi tal-evidenza tal-verifika miksuba, jekk ikunx jeżisti nuqqas ta’ ċertezza materjali relatat mal-avvenimenti jew il-kundizzjonijiet li jista’ jixħet dubju sinifikanti fuq il-kapaċità tal-BĊE li tkompli bħala negozju avvjat. Jekk nikkonkludu li jeżisti nuqqas ta’ ċertezza materjali, aħna nkunu obbligati niġbdu l-attenzjoni fir-rapport tagħna tal-awditur għad-divulgazzjonijiet relatati fir-Rapporti Finanzjarji jew, jekk dawn id-divulgazzjonijiet ma jkunux adegwati, li nimmodifikaw l-opinjoni tagħna. Il-konklużjonijiet tagħna huma bażati fuq l-evidenza tal-verifika miksuba sad-data tar-rapport tagħna tal-awditur.
  • Nivvalutaw il-preżentazzjoni, l-istruttura u l-kontenut ġenerali tar-Rapporti Finanzjarji, fosthom id-divulgazzjonijiet, u jekk ir-Rapporti Finanzjarji jirrappreżentawx it-tranżazzjonijiet u l-avvenimenti bażi b’mod li jwassal għal preżentazzjoni ġusta.

Aħna obbligati nikkomunikaw ma’ dawk inkarigati mill-governanza fir-rigward ta’, fost affarijiet oħra, l-ambitu u ż-żmien ippjanat tal-verifika u l-konklużjonijiet sinifikanti tal-verifika, inklużi xi nuqqasijiet sinifikanti fil-kontroll intern li nidentifikaw matul il-verifika tagħna.

Frankfurt am Main, 14 ta’ Frar 2023

Baker Tilly GmbH & Co. KG
Wirtschaftsprüfungsgesellschaft
(Düsseldorf)

4 Nota dwar it-tqassim tal-profitt/l-allokazzjoni tat-telf

Din in-nota mhijiex parti mir-rapporti finanzjarji tal-BĊE għas-sena 2022.

Skont l-Artikolu 33 tal-Istatut tas-SEBĊ, il-profitt nett tal-BĊE għandu jiġi trasferit f’din l-ordni:

  1. ammont li għad irid jiġi deċiż mill-Kunsill Governattiv, li m’għandux jaqbeż 20% tal-profitt nett, għandu jiġi trasferit fil-fond ġenerali tar-riżervi, sa limitu ekwivalenti għal 100% tal-kapital; u
  2. il-bqija tal-profitt nett għandu jitqassam lill-azzjonisti tal-BĊE fil-proporzjon tal-ishma mħallsin tagħhom.[54]

Fil-każ ta’ telf imġarrab mill-BĊE, l-iżbilanċ jista’ jiġi kkumpensat mill-fond ġenerali tar-riżervi tal-BĊE u, jekk ikun meħtieġ, wara deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv, mid-dħul monetarju tas-sena finanzjarja rilevanti fil-proporzjon u mhux iżjed mill-ammonti allokati lill-BĊN skont l-Artikolu 32.5 tal-Istatut tas-SEBĊ.[55]

Ir-riżultat finanzjarju tal-BĊE għall-2022 kien żero. Għalhekk ma kien hemm ebda tqassim tal-profitt.

© Bank Ċentrali Ewropew, 2023

Indirizz postali 60640 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
Telefown +49 69 1344 0
Sit web www.ecb.europa.eu

Id-drittijiet kollha miżmumin. Ir-riproduzzjoni għal għanijiet edukattivi u mhux kummerċjali hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Għat-terminoloġija speċifka, jekk jogħġbok irreferi għall-glossarju BĊE (disponibbli bl-Ingliż biss).

HTML ISBN 978-92-899-5893-6, ISSN 2443-4914, doi: 10.2866/28158, QB-BS-23-001-MT-Q


  1. F’dan id-dokument, iċ-ċifri ppreżentati jistgħu ma jammontawx b'mod preċiż għat-totali, u l-perċentwali jistgħu ma jirriflettux b'mod preċiż iċ-ċifri assoluti minħabba żieda/tnaqqis sal-eqreb ċifra sħiħa.

  2. Ir-“rapporti finanzjarji” jinkludu l-Karta tal-Bilanċ, il-Kont tal-Profitt u t-Telf u n-noti relatati. Il-“Kontijiet Annwali” jinkludu r-rapporti finanzjarji, ir-rapport amministrattiv, ir-rapport tal-awditur indipendenti u n-nota dwar it-tqassim tal-profitt/l-allokazzjoni tat-telf. Aktar dettalji dwar il-proċess ta’ preparazzjoni u approvazzjoni relatati jistgħu jinstabu fuqis-sit web tal-BĊE.

  3. L-għadd ta’ BĊN fl-Eurosistema fl-2022 kien ta’ 19. Fit-12 ta’ Lulju 2022 il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea approva l-adozzjoni tal-euro mill-Kroazja fl-1 ta’ Jannar 2023. Minn din id-data l-Hrvatska narodna banka żied l-għadd ta’ BĊN tal-Eurosistema għal 20.

  4. Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ĠU C 202, 7.6.2016, p. 47., kif emendata. It-test konsolidat mhux uffiċjali bil-lista tal-emendi jinsab hawnhekk.

  5. Il-Protokoll (Nru 4) dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU C 202, 7.6.2016, p. 230). Is-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (SEBĊ) tinkludi l-BĊE u l-BĊN kollha tas-27 Stat Membru tal-UE.

  6. L-APP jikkonsisti mit-tielet programm ta’ xiri ta’ bonds garantiti (CBPP3), il-programm ta’ xiri ta’ titoli koperti b’assi (ABSPP), il-programm ta’ xiri mis-settur pubbliku (PSPP) u l-programm ta’ xiri mis-settur korporattiv (CSPP). Il-BĊE ma jakkwistax titoli fis-CSPP. Dettalji oħra fuq l-APP jinsabu fis-sit web tal-BĊE.

  7. Dettalji oħra dwar il-PEPP jinsabu fis-sit web tal-BĊE.

  8. Għal aktar dettalji, ara l-istqarrija għall-istampa tas-16 ta’ Diċembru 2021 dwar id-deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv.

  9. Aktar informazzjoni dwar restrizzjonijiet tal-maturità kemm għall-APP u l-PEPP tista’ ssibha fuq is-sit web tal-BĊE.

  10. Dawn l-investimenti jikkonsistu f’assi inklużi taħt il-partiti tal-karta tal-bilanċ “Klejms fuq residenti barra ż-żona tal-euro denominati f’munita barranija – Bilanċi ma’ banek u investimenti f’titoli, self estern u assi esterni oħra u “Klejms fuq residenti taż-żona tal-euro denominati f’munita barranija”.

  11. Skont ir-rakkomandazzjonijiet tat-Task Force dwar id-Divulgazzjonijiet Finanzjarji relatati mal-Klima, il-BĊE se jippubblika divulgazzjonijiet finanzjarji relatati mal-klima fir-rigward tal-fondi proprji u l-portafolli tal-pensjonijiet tiegħu fis-sit web tal-BĊE f’Marzu 2023.

  12. L-ispejjeż imġarrba mill-BĊE fit-twettiq tal-kompiti superviżorji tiegħu jiġu rkuprati permezz ta’ tariffi annwali imposti fuq entitajiet taħt superviżjoni. Aktar dettalji jinsabu fis-sit web tas-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE.

  13. Skont l-Artikolu 21 tal-Istatut tas-SEBC, il-BĊE jista’ jaġixxi bħala aġent fiskali għal istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji tal-Unjoni, gvernijiet ċentrali, reġjonali, lokali jew awtoritajiet pubbliċi oħra, korpi oħra regolati bil-liġi pubblika, jew intrapriżi pubbliċi ta’ Stati Membri.

  14. Il-partita tal-karta tal-bilanċ “Kontijiet ta’ rivalutazzjoni” tinkludi wkoll il-kalkoli ġodda fir-rigward tal-benefiċċji ta’ wara l-impjieg.

  15. Ara l-istqarrija għall-istampa tat-30 ta’ Jannar 2020 dwar il-kapital sottoskritt tal-BĊE wara l-irtirar mill-Bank of England mis-SEBĊ.

  16. It-tariffi superviżorji huma inklużi fi “Dħul u spejjeż oħra” (Ċart 13).

  17. L-ES huwa definit bħala telf medju peżat fuq il-probabbiltà li jseħħ fl-agħar (1-p)% xenarju, fejn p tindika l-livell ta’ fiduċja.

  18. Aktar dettalji dwar il-metodu tal-mudelli tar-riskju jinsabu fi “The financial risk management of the Eurosystem’s monetary policy operations”, BĊE, Lulju 2015.

  19. Ir-riżultati ta’ dan it-test tal-istress għal investimenti ta’ bonds korporattivi se jiġu inkorporati f’divulgazzjonijiet relatati mal-klima dwar investimenti ta’ bonds korporattivi tal-BĊN taż-żona tal-euro taħt is-CSPP u l-PEPP, li l-BĊE se jibda jippubblika kull sena minn Marzu 2023. Barra minn hekk, hu ppjanat li r-riżultati kwalitattivi ġenerali ta’ dan it-test tal-istress jiġu ppubblikati fil-Bullettin Ekonomiku f’Marzu 2023.

  20. Ir-riskju operattiv jinkludi r-riskji mhux finanzjarji kollha u huwa definit bħala r-riskju ta’ impatt negattiv fuq in-negozju, ir-reputazzjoni jew finanzjarju fuq il-BĊE li jirriżulta minn nies, l-implimentazzjoni inadegwata jew il-falliment tal-governanza interna u l-proċessi tan-negozju, il-falliment tas-sistemi li fuqhom jiġu proċessati jiddependu, jew avvenimenti esterni (eż. diżastri naturali jew attakki esterni).

  21. Aktar tagħrif dwar l-istruttura tal-governanza tal-BĊE jinsab fis-sit web tal-BĊE.

  22. Il-ġestjoni tar-riskju tat-twettiq kisbet dejjem aktar attenzjoni fis-settur korporattiv u pubbliku. Din tikkumplimenta l-ġestjoni tar-riskji finanzjarji u operazzjonali u għall-BĊE tista’ tiġi definita bħala r-riskju ta’ sofferenza reputazzjonali jew dannu ieħor ikkawżat minn uffiċjali ta’ livell għoli jew persunal tal-BĊE li ma jaġixxix f’konformità mar-regoli tal-BĊE fir-rigward tal-etika u l-integrità u/jew governanza tajba u standards ta’ amministrazzjoni tajba.

  23. Il-politika dettaljata tal-kontabilità tal-BĊE hi stabbilita fid-Deċiżjoni (UE) 2016/2247 tal-BĊE tat-3 ta’ Novembru 2016 dwar il-kontijiet annwali tal-BĊE (BĊE/2016/35), (ĠU L 347, 20.12.2016, p. 1), kif emendata. It-test konsolidat mhux uffiċjali bil-lista tal-emendi jinsab hawnhekk.
    Biex jiġi żgurat ir-rappurtar armonizzat tal-kontabilità u l-finanzi tal-operazzjonijiet tal-Eurosistema, id-Deċiżjoni msemmija hawn fuq hi bbażata fuq Linja Gwida (UE) 2016/2249 tal-BĊE tat-3 ta' Novembru 2016 dwar il-qafas legali għar-rappurtar kontabilistiku u finanzjarju fis-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (BĊE/2016/34) (ĠU L 347, 20.12.2016, p. 37kif emendata. It-test konsolidat mhux uffiċjali bil-lista tal-emendi jinsab hawnhekk.
    Din il-politika, li tiġi riveduta u aġġornata regolarment skont kif jixraq, hi konsistenti mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 26.4 tal-Istatut tas-SEBĊ, li jitolbu approċċ armonizzat għar-regoli tar-rappurtar kontabilistiku u finanzjarju tal-operazzjonijiet tal-Eurosistema.

  24. Limitu minimu ta’ €100,000 japplika għad-dovuti u l-provvedimenti amministrattivi.

  25. Il-fondi akkumulati minn membru tal-persunal permezz ta’ kontribuzzjonijiet volontarji jistgħu jintużaw biex tinxtara pensjoni addizzjonali fid-data tal-irtirar. Din il-pensjoni tiġi inkluża fl-obbligu tal-benefiċċji definiti minn dak il-mument ’il quddiem.

  26. Fil-31 ta’ Diċembru 2022 il-BĊN barra ż-żona tal-euro li kienu qegħdin jipparteċipaw fit-TARGET2 kienu Българска народна банка (il-Bank Nazzjonali Bulgaru), Danmarks Nationalbank, Hrvatska narodna banka, Narodowy Bank Polski u Banca Naţională a României.

  27. Deċiżjoni tal-BĊE tat-13 ta’ Diċembru 2010 dwar il-ħruġ ta’ karti tal-flus tal-euro (BĊE/2010/29) (2011/67/UE) (ĠU L 35, 9.2.2011, p. 26), , kif emendata. It-test konsolidat mhux uffiċjali bil-lista tal-emendi jinsab hawnhekk.

  28. “Skema tal-allokazzjoni tal-karti tal-flus” tfisser il-perċentwali li jirriżultaw meta jitqies is-sehem tal-BĊE mill-ħruġ totali tal-karti tal-flus tal-euro u meta tiġi applikata l-iskema tal-kapital sottoskritt għas-sehem tal-BĊN minn dak it-total.

  29. Id-Deċiżjoni (UE) 2016/2248 tal-BĊE tat-3 ta’ Novembru 2016 dwar l-allokazzjoni tad-dħul monetarju tal-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hi l-euro (BĊE/2016/36) (ĠU L 347, 20.12.2016, p. 26), kif emendata. It-test konsolidat mhux uffiċjali bil-lista tal-emendi jinsab hawnhekk.

  30. Deċiżjoni (UE) 2015/298 tal-BĊE tal-15 ta’ Diċembru 2014 dwar it-tqassim interim tad-dħul tal-BĊE (BĊE/2014/57) (ĠU L 53, 25.2.2015, p. 24), kif emendata. It-test konsolidat mhux uffiċjali bil-lista tal-emendi jinsab hawnhekk.

  31. Dan jikkorrispondi għal 504.8 tunnellata.

  32. Dawn l-investimenti jikkonsistu f’assi li minnhom jitnaqqsu l-obbligazzjonijiet denominati fil-munita barranija partikolari li huma soġġetti għal rivalutazzjoni tal-munita barranija. Dawn jidħlu taħt l-intestaturi “Klejms fil-konfront ta’ residenti barra ż-żona tal-euro denominati f’munita barranija”, “Klejms fil-konfront ta’ residenti taż-żona tal-euro denominati f’munita barranija”, “Dovuti u spejjeż imħallsin bil-quddiem”, “Differenzi fir-rivalutazzjoni ta’ strumenti esklużi mill-karta tal-bilanċ” (in-naħa tal-obbligazzjonijiet) u “Dovuti u dħul miġbura bil-quddiem” u jinkludu t-tranżazzjonijiet forward u swap tal-kambju barrani inklużi f’partiti esklużi mill-karta tal-bilanċ. Il-qligħ fuq il-prezz ta’ strumenti finanzjarji denominati f’munita barranija li jkun ġej minn rivalutazzjonijiet mhuwiex inkluż.

  33. Aktar dettalji dwar l-operazzjonijiet ta’ likwidità f’euro tal-Eurosistema kontra kollateral eliġibbli jinsabu fis-sit web tal-BĊE.

  34. Dettalji oħra dwar il-APP jinsabu fis-sit web tal-BĊE.

  35. Ara l-istqarrija għall-istampa tal-10 ta’ Marzu 2022 dwar id-deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv.

  36. Ara l-istqarrija għall-istampa tad-9 ta’ Ġunju 2022 dwar id-deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv.

  37. Ara l-istqarrija għall-istampa tal-15 ta’ Diċembru 2022 dwar id-deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv.

  38. Dettalji oħra dwar il-PEPP jinsabu fis-sit web tal-BĊE.

  39. Ara l-istqarrija għall-istampa tas-16 ta’ Diċembru 2021 dwar id-deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv.

  40. Il-valuri tas-suq huma indikattivi u jinħadmu abbażi ta’ kwotazzjonijiet tas-suq. Meta l-kwotazzjonijiet tas-suq ma jkunux disponibbli, il-prezzijiet tas-suq jiġu kalkulati bl-użu ta’ mudelli interni tal-Eurosistema.

  41. Aktar dettalji jinsabu fis-sit web tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.

  42. It-tranżazzjonijiet ta’ self ta’ titoli li ma jirriżultawx f’kollateral ta’ flus kontanti mhux investit fi tmiem is-sena jidħlu fil-kontijiet esklużi mill-karta tal-bilanċ (ara n-nota 17 “Programmi ta’ self ta’ titoli”).

  43. Is-sistemi anċillari huma infrastrutturi tas-suq finanzjarju li jkunu ngħataw aċċess għall-komponent TARGET2-BĊE mill-Kunsill Governattiv, sakemm jissodisfaw ir-rekwiżiti definiti fid-Deċiżjoni tal-BĊE tal-24 ta’ Lulju 2007 dwar it-termini u l-kundizzjonijiet tat-TARGET2-BĊE (BĊE/2007/7) (2007/601/KE) (ĠU L 237, 8.9.2007, p. 71), kif emendata. It-test konsolidat mhux uffiċjali bil-lista tal-emendi jinsab hawnhekk. Skont l-entità amministrattiva, is-sistemi anċillari huma kkunsidrati jew residenti taż-żona tal-euro (ara n-nota 10.2 “Obbligazzjonijiet oħra”) jew residenti barra ż-żona tal-euro (ara n-nota 11 “Obbligazzjonijiet lejn residenti barra ż-żona tal-euro denominati f’euro”). Dettalji oħra dwar is-sistemi anċillari jinsabu fis-sit web tal-BĊE.

  44. L-iskema tal-benefiċċji definiti tal-pjan tirrifletti biss il-kontribuzzjonijiet obbligatorji magħmula mill-BĊE u l-persunal. Il-kontribuzzjonijiet volontarji li saru mill-persunal fi skema ta' kontribuzzjonijiet definiti fl-2022 ammontaw għal €189 miljun (2021: €220 miljun). Dawn il-kontribuzzjonijiet jiġu investiti fl-assi tal-iskema u jwasslu għal obbligu korrispondenti b’valur ekwivalenti.

  45. Il-BĊE ma jixtrix titoli tas-settur korporattiv taħt is-CSPP u l-PEPP u għalhekk m’għandux investimenti relatati disponibbli għas-self. Fl-2022, it-titoli tal-BĊE miżmuma taħt is-CBPP1 u s-CBPP2 immaturaw, u għalhekk ma baqgħux disponibbli għal operazzjonijiet ta’ self fi tmiem is-sena. Dettalji oħra dwar self ta’ titoli jinsabu fis-sit web tal-BĊE.

  46. Jekk kollateral fi flus kontanti jibqa’ mhux investit fi tmiem is-sena, dawn it-tranżazzjonijiet jidħlu f’kontijiet inklużi fil-karti tal-bilanċ (ara n-nota 9 “Obbligazzjonijiet oħra ma’ istituzzjonijiet ta’ kreditu taż-żona tal-euro denominati f’euro” u n-nota 11 “Obbligazzjonijiet lejn residenti barra ż-żona tal-euro denominati f’euro”).

  47. Dettalji oħra dwar l-arranġamenti swap li jipprodu likwidità jinsabu fis-sit web tal-BĊE.

  48. Ara l-Artikolu 5(3) tar-Regolament (UE) Nru 1163/2014 tal-BĊE tat-22 ta’ Ottubru 2014 dwar it-tariffi superviżorji (BĊE/2014/41) (ĠU L 311, 31.10.2014, p. 23) kif emendat. It-test konsolidat mhux uffiċjali bil-lista tal-emendi jinsab hawnhekk.

  49. Id-deċiżjoni tal-BĊE dwar l-ammont totali tat-tariffi superviżorji annwali għall-2022 se tiġi adottata u sussegwentement ippubblikata sal-aħħar ta’ April 2023.

  50. Aktar dettalji jinsabu fis-sit web tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.

  51. Ekwivalenti full-time (FTE) huwa unità ekwivalenti għal impjegat wieħed li jaħdem full-time għal sena. Persunal b’kuntratti permanenti, fissi jew għal żmien qasir u parteċipanti fil-Programm tal-Gradwati tal-BĊE huma inklużi proporzjonalment mas-sigħat li jaħdmu. Persunal fuq lif tal-maternità jew lif għal żmien twil hu inkluż wkoll, waqt li staff fuq lif mhux imħallas hu eskluż.

  52. L-ammonti huma moghtija gross, i.e. qabel it-tnaqqis ta’ taxxi għall-benefiċċju tal-UE.

  53. Dawn il-pagamenti relatati mal-pensjoni naqqsu l-obbligu tal-benefiċċji definiti rikonoxxut fil-Karta tal-Bilanċ. Għall-ammont nett li għandu jitħallas mill-Kont tal-Profitt u t-Telf fir-rigward tal-arranġamenti tal-pensjoni għall-membri attwali tal-Bord Eżekuttiv u l-membri attwali tal-Bord Superviżorju impjegati mill-BĊE, ara n-nota 13.3, “Varji”.

  54. Il-BĊN barra ż-żona tal-euro mhumiex intitolati jirċievu ebda sehem mill-profitt tal-BĊE li jista’ jitqassam u lanqas mhuma obbligati jagħmlu tajjeb għal xi telf tal-BĊE.

  55. Skont l-Artikolu 32.5 tal-Istatut tas-SEBĊ, is-somma tad-dħul monetarju tal-BĊN għandha tiġi allokata lill-BĊN fil-proporzjon tal-ishma mħallsin tagħhom fil-kapital tal-BĊE.